Luqa
24 Madankollu, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, marru kmieni ħafna lejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ aromatiċi li kienu ħejjew.+ 2 Imma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar tat-tifkira,+ 3 u meta daħlu ma sabuhx il-ġisem tal-Mulej Ġesù.+ 4 Waqt li kienu mifxulin minħabba dan, ara, ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies jiddi.+ 5 Peress li n-nisa bdew jibżgħu u baqgħu b’wiċċhom imniżżel lejn l-art, l-irġiel qalulhom: “Għala qed tfittxu l-Ħaj fost il-mejtin? 6 [[Mhux qiegħed hawnhekk, imma ġie mqajjem.]]+ Ftakru kif kellimkom waqt li kien għadu l-Galilija,+ 7 meta qal li Bin il-bniedem irid jingħata f’idejn il-midinbin, dawn isammruh maʼ zokk, iżda fit-tielet jum iqum.”+ 8 Għalhekk, huma ftakru kliemu+ 9 u reġgħu lura mill-qabar tat-tifkira u qalu dan kollu lill-ħdax u lill-oħrajn kollha.+ 10 Huma kienu Marija l-Maddalena, u Ġwanna,+ u Marija omm Ġakbu. Anki l-bqija tan-nisa+ li kienu magħhom kienu qed jgħidu l-istess ħaġa lill-appostli. 11 Madankollu, dan il-kliem ma kienx jagħmel sens għalihom u m’emmnuhomx.+
12 [[Imma Pietru qam u ġera lejn il-qabar tat-tifkira, ittawwal ġewwa, u ra li l-faxex biss kien hemm. Għalhekk, telaq minn hemm jhewden fuq dak li ġara.]]
13 Imma, ara! Dakinhar stess tnejn minnhom kienu qed jivvjaġġaw lejn raħal jismu Għemmaws, li kien xi ħdax-il kilometru* ’l bogħod minn Ġerusalemm, 14 u kienu qed jitkellmu bejniethom dwar kulma+ kien ġara.
15 Issa huma u jitkellmu u jiddiskutu, Ġesù nnifsu resaq lejhom+ u beda miexi magħhom; 16 imma għajnejhom kienu miżmumin biex ma jagħrfuhx.+ 17 Qalilhom: “Fuqiex qed tiddiskutu bejnietkom intom u mexjin?” U waqfu b’wiċċhom imnikket. 18 Wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm, u b’hekk ma tafx x’ġara fiha f’dawn il-jiem?” 19 U qalilhom: “X’ġara?” Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù n-Nazzarenu,+ li sar profeta+ setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u l-poplu kollu; 20 u kif il-qassisin ewlenin u l-ħakkiema tagħna qatgħuhielu għall-mewt u sammruh maʼ zokk.+ 21 Imma aħna konna qed nittamaw li dan ir-raġel kien dak li kellu jeħles lil Israel;+ iva, u fuq kollox, illum it-tielet jum minn meta ġara dan. 22 Iktar minn hekk, xi nisa+ minn fostna wkoll għaġġbuna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar tat-tifkira 23 u ma sabuhx il-ġisem tiegħu, u ġew jgħidulna li f’dehra sopranaturali kienu raw ukoll l-anġli li qalulhom li kien ħaj. 24 Jerġaʼ, xi wħud minn magħna telqu lejn il-qabar tat-tifkira;+ u sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx.”
25 Għalhekk, qalilhom: “Kemm intom boloh u ddumu biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!+ 26 Ma kellux il-Kristu jsofri+ dan u jidħol fil-glorja tiegħu?”+ 27 U beda minn Mosè+ u l-Profeti+ kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura kollha.
28 Fl-aħħar waslu qrib ir-raħal fejn kienu sejrin, u hu għamilha taʼ bir-ruħu li se jibqaʼ sejjer. 29 Imma huma sforzawh u qalulu: “Ibqaʼ magħna, għax sar ħafna ħin u l-jum kważi spiċċa.” Għaldaqstant daħal u baqaʼ magħhom. 30 U waqt li kien qed jiekol magħhom, qabad il-ħobża, berikha, qasamha u beda jnewwilhielhom.+ 31 Għal dan, għajnejhom infetħu għalkollox u għarfuh; u għab minn quddiemhom.+ 32 U qalu lil xulxin: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?” 33 U dak il-ħin stess qamu u marru lura Ġerusalemm, u sabu lill-ħdax u lil dawk li kienu magħhom miġburin flimkien, 34 u dawn qalulhom: “Il-Mulej il-veru ġie mqajjem u deher lil Xmun!”+ 35 Issa huma rrakkontawlhom xi ġralhom fit-triq u kif għarfuh meta qasam il-ħobża.+
36 Waqt li kienu qed jitkellmu dwar dan, hu stess ġie f’nofshom [[u qalilhom: “Is-sliem għalikom.”]] 37 Imma peress li kienu mwerwrin u mbeżżgħin,+ kienu qed jimmaġinaw li raw xi spirtu. 38 Għalhekk, qalilhom: “Għala qed titħawdu, u għala qed tiddubitaw fi qlubkom? 39 Araw idejja u saqajja, kif dan hu jien; missuni+ u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam+ kif qed taraw li għandi jien.” 40 [[U hu u jgħid dan, uriehom idejh u saqajh.]] 41 Waqt li kienu għadhom m’humiex qed jemmnu+ minħabba l-ferħ li kellhom u kienu għadhom mgħaġġbin, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol hemmhekk?”+ 42 U tawh biċċa ħuta mixwija;+ 43 u ħadha u kielha+ quddiem għajnejhom.
44 Imbagħad qalilhom: “Dan hu l-kliem li għedtilkom waqt li kont għadni magħkom,+ li kulma hemm miktub dwari fil-liġi taʼ Mosè u fil-Profeti+ u fis-Salmi+ jrid jitwettaq.” 45 Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura+ 46 u qalilhom: “Hekk hu miktub li l-Kristu kellu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum,+ 47 u f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet+ kellha tiġi pridkata fil-ġnus kollha;+ billi tibdew minn Ġerusalemm+ 48 intom tridu tkunu xhieda+ taʼ dan. 49 U, ara! Qed nibgħat fuqkom dak li hu mwiegħed minn Missieri. Iżda, ibqgħu fil-belt sakemm titlibbsu b’qawwa mill-għoli.”+
50 U ħariġhom sa ħdejn Betanja, u refaʼ idejh ’il fuq u berikhom.+ 51 Hu u jberikhom, infired minnhom u beda jintrefaʼ ’l fuq lejn is-sema.+ 52 U, wara li mielu quddiemu, marru lura lejn Ġerusalemm mimlijin ferħ kbir.+ 53 U kontinwament kienu joqogħdu fit-tempju jbierku lil Alla.+