L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
10 “Naċċertakom li min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jidħol minn xi mkien ieħor, ikun ħalliel. 2 Imma dak li jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. 3 Min ikun mal-bieb jiftaħlu, u n-nagħaġ jisimgħu leħnu. Hu jgħajjat lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom u joħroġhom barra. 4 Meta joħroġ lin-nagħaġ kollha tiegħu, hu jgħaddi qabilhom, u dawn jimxu warajh għax jagħrfu leħnu. 5 Dawn żgur mhux se jmorru wara xi ħadd li ma jafuhx, anzi jaħarbu minnu, għax ma jagħrfux leħnu.” 6 Għalkemm Ġesù qalilhom dan l-eżempju, huma ma fehmuhx.
7 Għalhekk Ġesù reġaʼ qal: “Naċċertakom li jien il-bieb li jgħaddu minnu n-nagħaġ. 8 Dawk kollha li ġew minfloki huma ħallelin, imma n-nagħaġ ma semgħux minnhom. 9 Jien il-bieb. Kull min jiġi għandi biex jidħol fil-maqjel tan-nagħaġ se jiġi salvat. Dan se jidħol u joħroġ u jsib x’jiekol. 10 Il-ħalliel jiġi biss biex jisraq, joqtol, u jeqred. Imma jien ġejt biex nagħti l-ħajja, waħda li ma tispiċċax.* 11 Jien ir-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. 12 Meta l-lavrant jara lupu ġej lejn in-nagħaġ, hu jabbandunahom u jaħrab għax hu mhuwiex ragħaj u n-nagħaġ mhumiex tiegħu. B’hekk il-lupu jaħtafhom u jxerridhom. 13 Ir-raġel jagħmel hekk peress li hu lavrant u ma jimpurtahx min-nagħaġ. 14 Jien ir-ragħaj it-tajjeb. Jien nafhom lin-nagħaġ tiegħi u huma jafu lili, 15 bħalma l-Missier jaf lili u jien naf lill-Missier. Jien nagħti ħajti għan-nagħaġ tiegħi.
16 “Jien għandi nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel. Lil dawn ukoll irrid niggwidahom, u huma jisimgħu minn leħni, u jsiru merħla waħda, b’ragħaj wieħed. 17 Hu għalhekk li jħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti sabiex nerġaʼ nirċiviha. 18 Ħajti ħadd ma jiħodhieli, imma nagħtiha minn jeddi. Jien għandi l-awtorità kemm li nagħti ħajti u kemm li nirċiviha lura. Missieri tani l-kmand biex nagħmel dan.”
19 Il-Lhud reġgħu ma qablux bejniethom minħabba dak li qal. 20 Ħafna minnhom bdew jgħidu: “Għandu demonju fih u qed jiġġennen. Għala qed tisimgħuh?” 21 Oħrajn qalu: “Bniedem li għandu demonju fih żgur li ma jitkellimx b’dan il-mod. Demonju ma jistax ifejjaq lil xi ħadd li ma jarax, hux hekk?”
22 Dak iż-żmien kien hemm il-Festa tad-Dedikazzjoni f’Ġerusalemm. Kienet ix-xitwa, 23 u Ġesù kien miexi fit-tempju fil-loġġa taʼ Salamun. 24 Imbagħad il-Lhud daru miegħu u bdew jgħidulu: “Kemm se ddum taqlgħalna qalbna? Jekk int il-Kristu, aqbad u għidilna.” 25 Ġesù wiġibhom: “Jien għedtilkom imma intom m’emmintunix. Dak li qed nagħmel f’isem Missieri jagħti xhieda dwari. 26 Intom ma temmnux, għax m’intomx in-nagħaġ tiegħi. 27 In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni. Jien nafhom, u huma jiġu warajja. 28 Jien se nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem, u huma żgur li ma jinqerdux. Ħadd mhu se jaħtafhom minn idi. 29 In-nagħaġ li tani Missieri huma importanti iktar minn kull ħaġa oħra, u ħadd ma jistaʼ jaħtafhom minn id Missieri. 30 Jien u l-Missier ħaġa waħda.”*
31 Il-Lhud reġgħu bdew jaqbdu l-ġebel biex iwaddbuhomlu u joqtluh. 32 Għalhekk Ġesù qal: “Għamilt ħafna affarijiet tal-għaġeb permezz tal-qawwa taʼ Missieri. Għal liema minnhom se twaddbuli l-ġebel?” 33 Il-Lhud wiġbuh: “Mhux se nwaddbulek il-ġebel għall-affarijiet tal-għaġeb li għamilt, imma għax qed tidgħi.* Għax għalkemm int bniedem, qed tgħid li int alla.” 34 Ġesù wieġeb: “Fil-Liġi* tagħkom hemm miktub, ‘Alla qal: “Intom allat.”’* 35 Mela Alla jsejjaħ ‘allat’ lil dawk li l-kelma tiegħu tikkundannahom, u l-Iskrittura dejjem tgħid il-verità. 36 Allura għala qed tgħidu li qed nidgħi għax għedt li jien l-Iben t’Alla, meta kien il-Missier li qaddisni u bagħatni fid-dinja? 37 Jekk m’iniex nagħmel dak li jrid Missieri, temmnunix. 38 Imma jekk qed nagħmel hekk, għalkemm ma temmnux dak li qed ngħid, emmnu minħabba dak li qed nagħmel, ħalli ssiru tafu u tkomplu temmnu li l-Missier qiegħed miegħi u jien qiegħed mal-Missier.” 39 Allura reġgħu pprovaw jaqbduh, imma hu ħarbilhom.
40 Hu reġaʼ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fil-post fejn Ġwanni kien jgħammed fil-bidu, u qagħad hemm. 41 Ħafna nies marru ħdejh u bdew jgħidu lil xulxin: “Ġwanni m’għamel l-ebda miraklu, imma kull ħaġa li qal dwar Ġesù kienet vera.” 42 U hemmhekk ħafna nies bdew juru fidi f’Ġesù.