Isaija
2 Le, imma kienu l-iżbalji tagħkom li sseparawkom mill-Alla tagħkom.
Id-dnubiet tagħkom ġegħluh jaħbi wiċċu minnkom,
U hu jirrifjuta li jismagħkom.
3 Għax idejkom huma mċappsin bid-demm,
U s-swabaʼ tagħkom huma maħmuġin bid-dnubiet li għamiltu.
Intom tgħidu l-gideb, u titkellmu dwar dak li hu ħażin.
4 Ħadd ma jiftaħ kawża għall-ġustizzja,
Ħadd ma jmur il-qorti u jgħid il-verità.
Huma jafdaw f’xi ħaġa li mhux vera u jitkellmu bla sens.
Jippjanaw dak li hu ħażin u jagħmlu l-ħsara.
5 Huma jfaqqsu l-bajd taʼ serp velenuż.
Kull min jiekol il-bajd tagħhom imut,
U mill-bajda li titkisser joħroġ serp velenuż.
Huma jinsġu l-għanqbuta taʼ brimba biex jagħmlu d-drapp.
6 Imma mhux se jkollhom biżżejjed biex jagħmlu libsa,
U lanqas biex jitgħattew.
Dak li jagħmlu jġib il-ħsara,
U huma vjolenti.
7 Huma jiġru biex jagħmlu l-ħażen,
U jgħaġġlu biex joqtlu nies innoċenti.
Huma moħħhom biex jagħmlu l-ħażin;
Kulma jagħmlu jġib diżastru u dwejjaq.
8 Huma ma jafux kif iżommu l-paċi m’oħrajn,
Ma jagħmlu xejn li hu ġust.
Huma jgħawġu triqathom;
U kull min jimxi fihom mhux se jkollu l-paċi.
9 Għalhekk il-ġustizzja hi ’l bogħod minna,
U s-sewwa ma tilħaqniex.
Aħna nibqgħu nittamaw għad-dawl, imma hemm id-dlam;
Nittamaw għad-dija, imma nibqgħu mexjin fis-swidija.
10 Bħall-għomja, nibqgħu mmissu l-ħajt biex nimxu;
Nibqgħu nagħmlu hekk bħal dawk li m’għandhomx għajnejn.
Aħna nitfixklu f’nofsinhar bħallikieku fid-dlam taʼ filgħaxija;
Fost dawk b’saħħithom qisna mejtin.
11 Aħna nibqgħu ngergru bħall-orsijiet
U ngemgmu bi swied taʼ qalb bħall-ħamiem.
Qed nittamaw li jkollna ġustizzja, imma m’hemmx;
Qed nittamaw li niġu salvati, imma m’aħniex.
12 Għax aħna rribellajna ħafna quddiemek;
Kull dnub li għamilna juri li aħna ħatja.
Aħna konxji ħafna taʼ kemm irribellajna u kemm żbaljajna.
13 Aħna dnibna kontra Ġeħova u rrifjutajnieh;
Injorajna lill-Alla tagħna.
Aħna bdejna nitkellmu dwar il-moħqrija u r-ribelljoni;
Naħsbu dwar il-gideb li nistgħu ngħidu u mbagħad ngħiduh.
14 In-nies jirrifjutaw li jagħmlu l-ġustizzja.
Ħadd mhu ġust.
Fil-pjazza ħadd ma jgħid il-verità,*
U l-wieħed ġust ma jistax jidħol hemm.
Ġeħova ra dan u ma ħax pjaċir,*
Għax ma kienx hemm ġustizzja.
16 Hu ra li ma kien hemm ħadd biex jgħin,
U baqaʼ ċċassat li ma kien hemm ħadd jaqbeż għalihom.
Allura rebaħ bis-saħħa tiegħu,
U għen lilu nnifsu bil-ġustizzja tiegħu stess.
Hu libes il-ħwejjeġ tal-vendetta bħal meta jilbes il-ħwejjeġ tiegħu.
Hu geżwer lilu nnifsu biż-żelu bħalma jagħmel b’libsa.*
18 Hu se jpattihielhom skont dak li għamlu:
Se jirrabja maʼ dawk li jiħduha kontra tiegħu, se jikkastiga lill-għedewwa tiegħu,
U lin-nies tal-gżejjer se jagħtihom dak li ħaqqhom.
19 Dawk mill-Punent se jibżgħu mill-isem taʼ Ġeħova
U dawk mil-Lvant se jibżgħu mill-glorja tiegħu,
Għax Ġeħova se jiġi bħal kurrent qawwi taʼ xmara
Li jimbottah l-ispirtu tiegħu.
20 Ġeħova jgħid: “Dak li Jixtri Lura ġej Sijon,
Għal dawk li jiġu minn Ġakobb u li waqfu jagħmlu l-ħażen.”
21 Ġeħova jgħid: “Dan hu l-patt tiegħi magħhom.” Ġeħova jgħid: “Jien tajtkom l-ispirtu u għedtilkom x’għandkom tgħidu. Jien se nagħmel hekk magħkom, mat-tfal tagħkom, u mat-tfal tat-tfal tagħkom,* minn issa u għal dejjem.”