Isaija
45 Ġeħova qallu hekk lil Ċiru, il-wieħed li għażel,*
Li qabdu minn idu l-leminija
Biex ikun jistaʼ jirbaħ il-popli quddiemu,
Ineħħi l-armi tar-rejiet,*
U jiftaħlu l-bibien li jintlewew fi tnejn
Ħalli lanqas il-bibien tal-belt ma jingħalqu:
2 “Jien immur qablek,
U nwitti l-għoljiet.
Il-bibien tar-ram inkissirhom,
U l-istaneg tal-ħadid naqtagħhom.
3 Jien se nagħtik it-teżori li qegħdin fid-dlam
U t-teżori moħbijin fil-postijiet sigrieti,
Biex tkun taf li jien Ġeħova,
L-Alla t’Iżrael, li qed ngħajjatlek b’ismek.
4 Jien qed ngħajjatlek b’ismek
Minħabba l-qaddej tiegħi Ġakobb u l-magħżul tiegħi Iżrael.
Għalkemm ma kontx tafni, ismek se jiġi onorat.
5 Jien Ġeħova, u m’hemmx ieħor.
M’hemmx Alla ieħor ħliefi.
Għalkemm ma kontx tafni, jien se nsaħħek*
6 Ħalli n-nies mil-Lvant sal-Punent*
Ikunu jafu li m’hemmx ħliefi.
Jien Ġeħova, u m’hemmx ieħor.
7 Jien nagħmel id-dawl u d-dlam,
Inġib il-paċi u l-inkwiet;
Jien, Ġeħova, qed nagħmel dawn l-affarijiet kollha.
8 Ħa tinżel il-ġustizzja mis-sema bħax-xita,
U ħa tqattar mis-sħab.
Bħalma l-art tipproduċi ħafna meta tagħmel ix-xita,
Il-poplu tiegħi se jiġi salvat u jgawdi kundizzjonijiet ġusti.
Jien, Ġeħova, għamiltu dan.”
9 Ħażin għal min jargumenta* maʼ Dak li Għamlu,*
Għax hu sempliċi biċċa fuħħar
Fost biċċiet tal-fuħħar oħra li hemm mal-art!
Għandu t-tafal jgħid lil Dak li jagħmel il-fuħħar:* “X’qed tagħmel?”
Jew għandu x-xogħol jgħid lil min qed jagħmlu: “Int bla jdejn”?*
10 Ħażin għal min jgħid lil missier: “Taʼ min se ssir missier?”
U lil mara: “X’se twelled?”
11 Ġeħova, il-Qaddis t’Iżrael, il-Wieħed li ħalqu, jgħid:
“Tażżarda tistaqsini x’se jiġri?
Se tikkmandani x’nagħmel bit-tfal tiegħi u b’dak li għamilt?
12 Jien għamilt id-dinja u ħlaqt il-bniedem fiha.
Frixt is-sema b’idejja stess,
U tajt kmandi lil kulma hemm fiha.”
13 Ġeħova tal-armati jgħid:
“Peress li jien ġust, għażilt lil xi ħadd
U se niddrittalu t-triqat tiegħu.
Hu l-wieħed li se jibnili l-belt
U se jeħles lill-eżiljati tiegħi b’xejn u mingħajr tixħim.”
14 Ġeħova jgħid:
“Il-qligħ tal-Eġittu,* kulma jbigħ l-Etjopja,* u n-nies twal taʼ Seba
Se jiġu għandek u jsiru tiegħek.
Huma se jimxu warajk marbutin bil-ktajjen.
Se jiġu għandek, imilu quddiemek,
U b’rispett jgħidulek, ‘Alla żgur li qiegħed miegħek,
U m’hemm ħadd iktar; m’hemmx Alla ieħor.’”
15 Alla t’Iżrael, Dak li Jsalva,
Int Alla li mhux dejjem turi dak li qed tagħmel.
16 Huma se jiġu mġiegħla jistħu u jkunu umiljati;
Dawk kollha li jagħmlu l-idoli se jitilqu ddiżonorati.
17 Imma Ġeħova se jsalva lilek, Iżrael, għal dejjem.
Int qatt mhu se tiġi mġiegħel tistħi jew tiġi ddiżonorat.
18 Għax Ġeħova,
Il-Ħallieq tas-sema, l-Alla l-veru,
Il-Wieħed li fforma l-art, Dak li Għamilha u stabbilieha fis-sod,
Li ma ħalaqhiex għalxejn,* imma biex ikun hemm il-ħajja fiha, jgħid:
“Jien Ġeħova, u m’hemmx ieħor.
19 Jien ma tkellimtx f’post moħbi, f’art mudlama;
M’għedtx lid-dixxendenti taʼ* Ġakobb,
‘Fittxuni imma l-isforzi tagħkom se jkunu għalxejn.’
Jien Ġeħova, li ngħid dak li hu sewwa u veru.
20 Inġabru u ejjew.
Ejjew intom li ħrabtu mill-popli.
Dawk li jġorru magħhom l-istatwi minquxin
U jitolbu lil alla li ma jistax isalvahom, ma jafu xejn.
21 Ġibu r-rapport tagħkom, ippreżentaw il-każ tagħkom.
Ħa jikkonsultaw flimkien.
Min qal dan minn ħafna qabel
U semmieh minn żmien twil ilu?
Mhux jien, Ġeħova?
M’hemmx Alla ieħor;
Alla ġust u Dak li Jsalva, m’hemmx ieħor ħliefi.
22 Nies kollha tal-art, duru lejja u tiġu salvati,
Għax jien Alla, u m’hemmx ieħor.
Kulħadd se jmil quddiemi,
Jaħlef li hu leali lejja,
24 U jgħid, ‘Ġeħova dejjem jagħmel dak li hu ġust u hu b’saħħtu.
Dawk kollha rrabjati ħafna għalih se jiġu quddiemu u jistħu.
25 Permezz taʼ Ġeħova, id-dixxendenti t’Iżrael
Se juru li huma ġusti u se jiftaħru bih.’”