L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin
5 Issa, aħwa, intom m’għandkom bżonn lil ħadd jiktbilkom dwar iż-żmien magħżul minn Alla.* 2 Għax intom tafu tajjeb li jum Ġeħova* ġej eżatt bħal ħalliel billejl. 3 Meta jkunu qed jgħidu: “Paċi u sigurtà!” imbagħad tiġi fuqhom qerda f’daqqa, bħall-uġigħ tal-ħlas fuq mara tqila, u żgur ma jeħilsuhiex. 4 Imma intom, aħwa, m’intomx fid-dlam, għalhekk dan il-jum mhux se jiġi fuqkom għal għarrieda bħalma jiġi fuq il-ħallelin, 5 għax intom kollha tfal tad-dawl u tfal tal-jum. Aħna la aħna tal-lejl u lanqas tad-dlam.
6 Għalhekk, ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina. 7 Għax dawk li jorqdu jagħmlu dan billejl, u dawk li jiskru jagħmlu dan billejl. 8 Imma aħna li aħna tal-jum, ħa nibqgħu f’sensina, nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u nilbsu l-elmu li hu t-tama tas-salvazzjoni, 9 għax Alla m’għażilniex biex jikkastigana, imma biex niġu salvati permezz taʼ dak li għamel il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 10 Hu miet għalina, biex kemm jekk nibqgħu mqajmin u kemm jekk inkunu reqdin,* inkunu nistgħu ngħixu flimkien miegħu. 11 Għalhekk, ibqgħu inkuraġġixxu* lil xulxin u saħħu lil xulxin, bħalma fil-fatt qed tagħmlu.
12 Aħwa, issa nitolbukom biex tirrispettaw lil dawk li qed jaħdmu iebes fostkom, li qed jiggwidawkom fix-xogħol tal-Mulej, u li qed iwissukom. 13 Uruhom iktar qalb tajba u ħobbuhom għax-xogħol li jagħmlu. Żommu l-paċi bejnietkom. 14 Mill-banda l-oħra, inħeġġukom biex twissu lil min ma jimxix bl-ordni,* tikkonslaw lid-dipressi,* tappoġġaw lid-dgħajfin, u tkunu paċenzjużi maʼ kulħadd. 15 Araw li ħadd minnkom ma jpatti ħsara bi ħsara lil ħaddieħor, imma dejjem agħmlu dak li hu tajjeb għal xulxin u għal kulħadd.
16 Ifirħu dejjem. 17 Itolbu bla ma tieqfu. 18 Irringrazzjaw lil Alla għal kollox. Dan hu dak li jrid Alla minnkom bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 19 Twaqqfux l-ispirtu qaddis milli jaħdem fikom.* 20 Tmaqdrux il-profeziji. 21 Eżaminaw kull ħaġa biex taraw jekk hix vera; dejjem agħmlu dak li hu tajjeb. 22 Irrifjutaw kull tip taʼ ħażen.
23 Jalla l-Alla tal-paċi jqaddiskom kompletament. U jalla l-ispirtu, ir-ruħ,* u l-ġisem tagħkom, aħwa, ikunu tajbin f’kull mod u jinżammu bla ħtija għal meta jerġaʼ jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 24 Dak li qed jagħżilkom hu leali, u żgur li se jagħmel dawn l-affarijiet.
25 Aħwa, komplu itolbu għalina.
26 Ilqgħu lill-aħwa kollha bi mħabba.*
27 F’isem il-Mulej, qed nagħtikom din ir-responsabbiltà serja biex din l-ittra tinqara lill-aħwa kollha.
28 Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira.