LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 5/1 pp. 18-22
  • Saħħu lil Xulxin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Saħħu lil Xulxin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Għajnuna li Ssaħħaħ’
  • Għala Pawlu Kellu Bżonn ‘Għajnuna li Ssaħħaħ’
  • Kif Nistgħu Nkunu ‘Għajnuna li Ssaħħaħ’
  • Kif il-​Kongregazzjoni Tistaʼ Tgħin
  • Jehovah—L-​Aqwa Sors taʼ Saħħa
  • Għin lil Oħrajn Jgħixu Sewwa Kif Jixraq lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Il-Kongregazzjoni Kristjana—Sors t’Għajnuna li Ssaħħaħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Jehovah Jagħti l-Qawwa lill-Għajjien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Il-Kristjani Għandhom Bżonn Xulxin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 5/1 pp. 18-22

Saħħu lil Xulxin

“Għalija saru għajnuna li ssaħħaħni.”—KOLOSSIN 4:11, NW.

1, 2. Minkejja l-​perikli involuti, il-​ħbieb taʼ Pawlu għala żaruh il-​ħabs?

JISTAʼ jkun perikoluż li tkun ħabib taʼ xi ħadd li jkun qed ibati fil-​ħabs—anki jekk dan ikun intefaʼ l-​ħabs inġustament. L-​uffiċjali tal-​ħabs għandhom mnejn jissuspettaw fik, u joqogħdu attenti għal kull mossa li tagħmel sabiex ikunu ċerti li ma twettaq l-​ebda reat. Għalhekk, trid il-​kuraġġ sabiex tibqaʼ żżomm kuntatt mill-​qrib maʼ sieħbek u tmur iżżuru l-​ħabs.

2 Madankollu, dan hu eżatt li għamlu xi ħbieb taʼ l-​appostlu Pawlu madwar 1,900 sena ilu. Ma qagħdux iżommu lura milli jżuru ’l Pawlu fil-​ħabs sabiex ikunu jistgħu jagħtuh il-​faraġ u l-​inkuraġġiment li kellu bżonn u biex isaħħuh spiritwalment. Min kienu dawn il-​ħbieb leali? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​kuraġġ, il-​lealtà, u l-​ħbiberija tagħhom?—Proverbji 17:17.

‘Għajnuna li Ssaħħaħ’

3, 4. (a) Min kienu ħamsa mill-​ħbieb taʼ l-​appostlu Pawlu, u x’saru għalih? (b) Xi tfisser ‘għajnuna li ssaħħaħ’?

3 Ejja mmorru lura għall-​ħabta tas-​sena 60 E.K. L-​appostlu Pawlu kien qiegħed il-​ħabs f’Ruma bl-​akkuża falza li ried iqajjem rewwixta. (Atti 24:5; 25:11, 12) Pawlu jsemmi b’isimhom ħames Kristjani li kienu t’appoġġ għalih: Tikiku, il-​messaġġier persunali tiegħu mid-​distrett taʼ l-​Asja u ‘ħaddiem miegħu fil-​Mulej’; Oneżimu, ‘ħu għażiż u fidil’ minn Kolossi; Aristarku, Maċedoni mit-​Tessalonika li darba minnhom kien priġunier ‘fil-​ħabs miegħu’; Marku, il-​kuġin taʼ Barnaba li kien sieħeb Pawlu fix-​xogħol missjunarju kif ukoll kittieb t’Evanġelju li jġib ismu; u Ġustu, wieħed minn sħab l-​appostlu li kien ‘jaħdem miegħu għas-​saltna t’Alla.’ Pawlu jgħid dwar dawn il-​ħamsa: “Huma [“saru għajnuna li ssaħħaħni,” NW].”—Kolossin 4:7-11.

4 Pawlu għamel stqarrija qawwija dwar l-​għajnuna li tawh il-​ħbieb leali tiegħu. Hu uża kelma Griega (paregorija) tradotta ‘għajnuna li ssaħħaħ,’ li fil-​Bibbja tintuża biss f’dan il-​vers. Din il-​kelma għandha ħafna tifsir differenti u kienet tintuża l-​iktar fejn għandha x’taqsam il-​mediċina.a Tistaʼ tfisser ‘konsolazzjoni, faraġ, serħan, jew xi ħaġa li ttaffi.’ Pawlu kellu bżonn jissaħħaħ b’dan il-​mod, u dan kien proprju dak li għamlu dawk il-​ħamest irġiel.

Għala Pawlu Kellu Bżonn ‘Għajnuna li Ssaħħaħ’

5. Minkejja li kien appostlu, Pawlu x’kellu bżonn, u aħna lkoll xi jkollna bżonn minn żmien għal żmien?

5 Il-​fatt li Pawlu, li kien appostlu, kellu bżonn jiġi msaħħaħ, għandu mnejn jissorprendi lil xi wħud. Imma fil-​fatt kellu bżonn. Veru, Pawlu kellu fidi soda, u rnexxielu jgħaddi minn ħafna abbuż fiżiku, bosta drabi ngħata “swat” u ġie “wiċċ imbwiċċ mal-​mewt,” u għadda minn tbatijiet oħra. (2 Korintin 11:23-27) Minkejja dan, hu kien uman, u l-​bnedmin kollha minn żmien għall-​ieħor ikollhom bżonn l-​għajnuna t’oħrajn biex jitfarrġu u jissaħħu fil-​fidi. Anki Ġesù kellu bżonn dan. Matul l-​aħħar lejl tiegħu, anġlu deherlu fil-​Ġetsemani “biex jagħmillu l-​qalb.”—Luqa 22:43.

6, 7. (a) F’Ruma, min iddiżappunta lil Pawlu, u min inkuraġġieh? (b) Ħutu l-​Kristjani liema għajnuna tawh lil Pawlu f’Ruma, u b’hekk taw prova li kienu ‘għajnuna li ssaħħaħ’?

6 Pawlu wkoll kellu bżonn jiġi msaħħaħ. Meta wasal Ruma bħala priġunier, hu ma kienx milqugħ tajjeb mill-​poplu tiegħu stess. Fil-​maġġuranza tagħhom, dawn il-​Lhud ma kinux aċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Wara li l-​irġiel ewlenin tal-​Lhud żaru lil Pawlu fejn kien miżmum taħt arrest, ir-​rakkont fl-​Atti jgħid: “Xi wħud emmnu dak li qalilhom, oħrajn ma emmnux. Billi ma qablux bejniethom, kulħadd telaq għal rasu.” (Atti 28:17, 24, 25) Min jaf kemm ħassu mweġġaʼ Pawlu meta ra li ma kinux qed japprezzaw il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah! Is-​sentimenti qawwijin tiegħu dwar dan jidhru ċar fl-​ittra li ftit tas-​snin qabel kiteb lill-​kongregazzjoni taʼ Ruma: “Jiena mnikket għall-​aħħar, u dejjem qalbi maqsuma; nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti [il-Lhud], nies ġensi skond il-​ġisem.” (Rumani 9:2, 3) Minkejja dan, f’Ruma sab ħbieb veri u leali, li l-​kuraġġ u l-​affezzjoni tagħhom farrġulu qalbu. Dawn kienu ħutu spiritwali ġenwini.

7 Dawk il-​ħames aħwa kif taw prova li kienu ‘għajnuna li ssaħħaħ’? Huma ma ħallewx li l-​arrest taʼ Pawlu jġagħalhom jevitawh. Minflok, bi mħabba kbira kienu lesti jipprovdu lil Pawlu għajnuna persunali, billi għamlulu affarijiet li hu nnifsu ma setax jagħmel minħabba li kien arrestat. Per eżempju, huma għamluha taʼ messaġġiera billi lill-​kongregazzjonijiet differenti ħadulhom l-​ittri taʼ Pawlu u wasslulhom l-​istruzzjonijiet tiegħu bil-​fomm; u lil Pawlu ġabulu rapporti inkuraġġanti dwar kif kienu sejrin l-​aħwa f’Ruma u f’postijiet oħrajn. Huma x’aktarx li ġabulu affarijiet oħrajn li kellu bżonn, bħal ħwejjeġ tax-​xitwa, skrolli, u tagħmir biex jikteb. (Efesin 6:21, 22; 2 Timotju 4:11-13) Din l-​għajnuna kollha saħħet u inkuraġġiet lill-​appostlu waqt li kien arrestat sabiex, min-​naħa tiegħu, hu setaʼ jkun t’‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal oħrajn, saħansitra għal kongregazzjonijiet sħaħ.—Rumani 1:11, 12.

Kif Nistgħu Nkunu ‘Għajnuna li Ssaħħaħ’

8. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Pawlu ammetta b’umiltà li kellu bżonn ‘għajnuna li ssaħħaħ’?

8 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont dwar Pawlu u l-​ħames ħaddiema sħabu? Ejja nħarsu lejn lezzjoni partikulari waħda: Jeħtieġ kuraġġ u sagrifiċċju biex tgħin lil oħrajn fl-​hemm tagħhom. Iżjed minn hekk, jirrikjedi umiltà biex nammettu li forsi jkollna bżonn l-​għajnuna meta nkunu għaddejjin minn mumenti taʼ hemm. Pawlu mhux biss ammetta li kellu bżonn l-​għajnuna, imma wkoll aċċetta dik l-​għajnuna mill-​qalb u faħħar lil dawk li tawhielu. Ma ħassux li kien sinjal taʼ dgħjufija jew t’umiljazzjoni li jaċċetta l-​għajnuna mingħand oħrajn, u lanqas aħna m’għandna għalfejn inħossuna hekk. Jekk ngħidu li m’għandniex bżonn għajnuna li ssaħħaħna nkunu qisna qed ngħidu li aħna sovrumani. Ftakar, l-​eżempju taʼ Ġesù juri li anki bniedem perfett kultant għandu mnejn ikollu bżonn l-​għajnuna.—Lhud 5:7.

9, 10. Liema ġid jistaʼ jirriżulta meta dak li jkun jammetti li għandu bżonn l-​għajnuna, u dan liema influwenza jistaʼ jħalli fuq membri oħrajn fil-​familja u l-​kongregazzjoni?

9 Jistaʼ jkun hemm riżultati tajbin meta dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà jammettu li huma għandhom il-​limitazzjonijiet tagħhom u li jiddependu mill-​appoġġ t’oħrajn. (Ġakbu 3:2) Dan isaħħaħ ir-​rabta li hemm bejn dawk li għandhom l-​awtorità u dawk li huma suġġetti għal dik l-​awtorità, u dan iwassal għal komunikazzjoni miftuħa u sinċiera. L-​umiltà taʼ dawk li huma lesti li jaċċettaw l-​għajnuna sservi taʼ lezzjoni fil-​prattika għal dawk li jinsabu f’xi sitwazzjoni simili. Dan juri li dawk li jieħdu t-​tmexxija huma umani u li tistaʼ tavviċinahom.—Koħèlet 7:20.

10 Per eżempju, jekk it-​tfal ikunu jafu li l-​ġenituri tagħhom ukoll iffaċċjaw sfidi simili għal tagħhom meta kienu żgħar, għandhom mnejn isibuha eħfef biex jaċċettaw l-​għajnuna tal-​ġenituri tagħhom meta jiffaċċjaw problemi u tentazzjonijiet. (Kolossin 3:21) Għalhekk, jistaʼ jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn il-​ġenituri u t-​tfal. Dan se jgħin biex soluzzjonijiet skritturali jingħataw b’mod iktar effettiv u jiġu aċċettati iktar mill-​qalb. (Efesin 6: 4) Bl-​istess mod, il-​membri tal-​kongregazzjoni se jkunu iktar lesti jaċċettaw l-​għajnuna mingħand l-​anzjani iktar mill-​qalb meta jirrealizzaw li dawn ukoll jiffaċċjaw problemi, ansjetajiet, u inċertezzi. (Rumani 12:3; 1 Pietru 5:3) F’dan il-​każ ukoll, jistaʼ jkun hemm komunikazzjoni tajba, jistgħu jingħataw pariri Skritturali, u bħala riżultat il-​fidi tissaħħaħ iktar. Ftakar, illum iktar minn qatt qabel ħutna għandhom bżonn jissaħħu.—2 Timotju 3:1.

11. Ħafna llum għala għandhom bżonn ‘għajnuna li ssaħħaħhom’?

11 Ngħixu fejn ngħixu, aħna min aħna, u għandna kemm għandna żmien, xi darba jew oħra lkoll kemm aħna niffaċċjaw problemi fil-​ħajja. Dan kollu hu parti mid-​dinja taʼ llum. (Apokalissi 12:12) Kundizzjonijiet li jdejquna fiżikament jew emozzjonalment jittestjaw il-​kwalità tal-​fidi tagħna. Sitwazzjonijiet taʼ prova jistgħu jqumu fuq ix-​xogħol, l-​iskola, fil-​familja, jew fil-​kongregazzjoni. Forsi xi marda serja jew xi trawma li nkunu għaddejna minnha fil-​passat tkun qed tikkaġunalna pressjoni. Kemm jistaʼ jkun taʼ faraġ jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba, xi anzjan, jew xi ħabib jinkuraġġina mill-​qalb bi kliem maħsub sew u b’għemejjel t’għajnuna! Ikun bħal balzmu, jew żejt, fuq xi ferita! Għalhekk, jekk tinduna li wieħed minn ħutek jinsab f’qagħda bħal din, kun għalih t’għajnuna li ssaħħaħ. Jew jekk għandek xi problema li qed ittaqqlek, itlob għall-​għajnuna mingħand dawk li jikkwalifikaw spiritwalment.—Ġakbu 5:14, 15.

Kif il-​Kongregazzjoni Tistaʼ Tgħin

12. Kull membru tal-​kongregazzjoni x’jistaʼ jagħmel biex isaħħaħ lil ħutu?

12 Il-​membri kollha tal-​kongregazzjoni, inkluż iż-​żgħar, jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex isaħħu lil oħrajn. Per eżempju, l-​attendenza regulari tiegħek għal-​laqgħat u għas-​servizz taʼ l-​għalqa hija importanti biex issaħħaħ il-​fidi t’oħrajn. (Lhud 10:24, 25) Il-​perseveranza tiegħek fis-​servizz sagru hija evidenza tal-​lealtà tiegħek lejn Jehovah u turija taʼ kemm int qed tibqaʼ mqajjem spiritwalment minkejja d-​diffikultajiet li forsi trid tkampa magħhom. (Efesin 6:18) Din il-​perseveranza tistaʼ ssaħħaħ lil oħrajn.—Ġakbu 2:18.

13. Xi wħud għala għandhom mnejn isiru inattivi, u x’jistaʼ jsir biex ngħinuhom?

13 Kultant, il-​pressjonijiet tal-​ħajja jew diffikultajiet oħrajn jistgħu jġagħlu lil xi wħud ibattu jew isiru inattivi fis-​servizz taʼ l-​għalqa. (Mark 4:18, 19) Forsi lil uħud inattivi ma narawhomx fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Madankollu, x’aktarx li f’qalbhom huma xorta għadhom iħobbu lil Alla. X’jistaʼ jsir biex insaħħulhom il-​fidi? L-​anzjani jistgħu joffru għajnuna mill-​qalb billi jżuruhom. (Atti 20:35) Oħrajn fil-​kongregazzjoni jistgħu jintalbu biex jgħinuhom ukoll. Żjajjar bi mħabba bħal dawn jistgħu jkunu l-​aħjar duwa, biex ngħidu hekk, sabiex jerġgħu jiġu msaħħin dawk li l-​fidi tagħhom tkun iddgħajfet.

14, 15. L-​appostlu Pawlu liema parir jagħti dwar li nsaħħu lil oħrajn? Agħti eżempju taʼ kongregazzjoni li applikat dan il-​parir.

14 Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘nikkonslaw lid-​dipressi, inwieżnu lid-​dgħajfin.’ (1 Tessalonikin 5:14, NW) Forsi dawk li jkunu “dipressi” jħossu li qed jonqsilhom il-​kuraġġ u li ma jistgħux jegħlbu l-​ostakli li qed jiffaċċjaw mingħajr għajnuna. Tistaʼ int toffri dik l-​għajnuna? L-​espressjoni “wieżnu lid-​dgħajfin” ġiet tradotta “inżommu sod” jew “tintrabat maʼ” xi ħadd li hu dgħajjef. Jehovah jgħożż u jħobb lin-​nagħaġ tiegħu kollha. Ma jħarisx lejhom bħala li ma jiswew għal xejn, u ma jixtieqx li jkun hemm xi ħadd minnhom li jitlef il-​fidi. Tistaʼ int tgħin lill-​kongregazzjoni biex ‘iżżomm sod’ maʼ dawk li huma spiritwalment dgħajfin sakemm dawn jissaħħu?—Lhud 2:1.

15 Anzjan żar koppja miżżewġa li kienu ilhom sitt snin inattivi. L-​anzjan jikteb: “L-​interess mill-​qalb u kollu mħabba li wriethom il-​kongregazzjoni kollha kellu tant impatt kbir li ġew imqanqlin jerġgħu lura lejn il-​merħla.” Kif ħassitha l-​oħt li qabel kienet inattiva dwar iż-​żjajjar li għamlulha l-​membri tal-​kongregazzjoni? Issa hi tgħid: “Dak li għenna biex nerġgħu nsiru attivi kien il-​fatt li la l-​aħwa rġiel li żaruna u lanqas l-​aħwa nisa li akkumpanjawhom ma kienu jiġġudikawna jew jikkritikawna. Minflok, huma wrew li fehmuna u pprovdew inkuraġġiment mill-​Iskrittura.”

16. Min hu dejjem lest biex jgħin lil dawk li għandhom bżonn jiġu msaħħin?

16 Iva, Kristjan sinċier jieħu pjaċir ikun t’għajnuna li ssaħħaħ għal oħrajn. U hekk kif iċ-​ċirkustanzi fil-​ħajja tagħna jinbidlu, aħna stess għandna mnejn nirċievu mingħand ħutna għajnuna li ssaħħaħna. Fir-​realtà, però, jistaʼ jkun hemm drabi meta nkunu fil-​bżonn imma ebda għajnuna mill-​bnedmin ma tkun tistaʼ tingħata. Minkejja dan, hemm Sors wieħed taʼ saħħa li dejjem nistgħu nsibuh, wieħed li dejjem lest li jgħinna—Alla Jehovah.—Salm 27:10.

Jehovah—L-​Aqwa Sors taʼ Saħħa

17, 18. Jehovah b’liema modi saħħaħ lil Ibnu, Ġesù Kristu?

17 Waqt li kien imsammar maz-​zokk, Ġesù għajjat: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” (Luqa 23:46) Imbagħad miet. Ftit tal-​ħin qabel, kien ġie arrestat u l-​ħbieb tal-​qalb tiegħu kienu abbandunawh u ħarbu għax beżgħu. (Mattew 26:56) Ġesù tħalla waħdu b’Sors wieħed biss li setaʼ jsaħħu—Missieru tas-​sema. Minkejja dan, il-​fiduċja tiegħu f’Jehovah ma kinitx għalxejn. Il-​lealtà taʼ Ġesù lejn Missieru ġiet premjata permezz taʼ l-​appoġġ leali li Jehovah innifsu tah.—Salm 18:26 (18:25, NW); Lhud 7:26.

18 Matul il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, Jehovah ta lil Ibnu dak kollu li kellu bżonn sabiex ikun jistaʼ jżomm l-​integrità tiegħu sa l-​aħħar nifs taʼ ħajtu. Per eżempju, eżatt wara l-​magħmudija, li mmarkat il-​bidu tal-​ministeru tiegħu, Ġesù semaʼ leħen Missieru jgħid li kien japprovah u kkonferma l-​imħabba Tiegħu lejh. Meta Ġesù kellu bżonn l-​appoġġ, Jehovah bagħat l-​anġli biex isaħħuh. Meta Ġesù ffaċċja l-​akbar prova tiegħu fi tmiem taʼ ħajtu bħala bniedem, Jehovah semaʼ b’mod favorevoli s-​suppliki u l-​petizzjonijiet tiegħu. Żgur li dan kollu kien t’għajnuna li ssaħħaħ għal Ġesù.—Mark 1:11, 13; Luqa 22:43.

19, 20. Kif nistgħu nkunu żguri li Jehovah se jsaħħaħna meta nkunu fil-​bżonn?

19 Jehovah irid ikun is-​Sors primarju taʼ saħħa għalina wkoll. (2 Kronaki 16:9) Is-​Sors veru taʼ l-​enerġija dinamika u l-​qawwa vigoruża jistaʼ jsir għajnuna li ssaħħaħna meta nkunu fil-​bżonn. (Isaija 40:26) Il-​gwerer, il-​mard, il-​mewt, u l-​imperfezzjonijiet tagħna jistgħu jkunu taʼ pressjoni kbira għalina. Meta l-​provi tal-​ħajja jidhru tant kbar li jkunu qishom ‘għadu b’saħħtu,’ Jehovah jistaʼ jkun is-​saħħa u s-​setgħa tagħna. (Salm 18:18 [18:17, NW]; Eżodu 15:2) Hu jagħtina għajnuna qawwija—l-​ispirtu qaddis tiegħu. Permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, Jehovah jistaʼ “jagħti l-​qawwa lill-​għajjien” sabiex ikun jistaʼ ‘jtellaʼ l-​ġwienaħ bħall-​ajkli.’—Isaija 40:29, 31.

20 L-​ispirtu t’Alla huwa l-​iktar qawwa b’saħħitha fl-​univers. Pawlu stqarr: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini.” Iva, Missierna tas-​sema kollu mħabba jistaʼ jimliena b’“qawwa iktar min-​normal” sabiex inkunu nistgħu nissaportu t-​tbatijiet kollha sakemm ‘iġedded kollox’ fil-​Ġenna taʼ l-​art imwiegħda li tant qiegħda fil-​qrib.—Filippin 4:13; 2 Korintin 4:7, NW; Apokalissi 21:4, 5.

[Nota taʼ taħt]

a Vine’s Complete Expository Dictionary of Old and New Testament Words taʼ W. E. Vine jgħid: “Forma tal-​verb tal-​kelma [paregorija] tfisser mediċina li ttaffi l-​irritazzjoni.” Bil-​Malti, ‘paregoriku’.

Tiftakar Int?

• L-​aħwa f’Ruma kif saru ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal Pawlu?

• B’liema modi nistgħu nkunu ‘għajnuna li ssaħħaħ’ fil-​kongregazzjoni?

• Jehovah kif inhu l-​aqwa Sors taʼ saħħa?

[Stampa f’paġna 18]

L-​aħwa taw prova li kienu ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal Pawlu billi appoġġawh lealment, inkuraġġewh, u għenuh fil-​bżonnijiet persunali tiegħu

[Stampa f’paġna 21]

L-​anzjani jieħdu t-​tmexxija f’li jsaħħu l-​merħla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja