Ġenesi
6 Issa meta l-bnedmin bdew jiżdiedu fuq wiċċ l-art u twildulhom il-bniet, 2 it-tfal tal-Alla l-veru* bdew jinnotaw li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ. Allura bdew jieħdu bħala nisa għalihom lil dawk kollha li għoġbuhom. 3 Imbagħad Ġeħova qal: “L-ispirtu tiegħi mhux se jittollera l-bnedmin għal dejjem, għax huma midinbin.* Għaldaqstant, se jgħixu għal 120 sena oħra.”
4 Meta Alla qal dan kien hemm in-Nefilim* fuq l-art. Dak iż-żmien, it-tfal tal-Alla l-veru komplew ikollhom x’jaqsmu mal-bniet tal-bnedmin u dawn wildulhom subien. Dawn kienu l-irġiel b’saħħithom u magħrufin taʼ żmien il-qedem.
5 U Ġeħova ra li l-ħażen tal-bniedem kien kbir fuq l-art, u l-ħsibijiet u x-xewqat taʼ qalbu kienu ħżiena l-ħin kollu. 6 U Ġeħova ddispjaċieh* li kien għamel il-bnedmin fuq l-art, u sewwed qalbu.* 7 Għalhekk, Ġeħova qal: “Se neqred minn fuq wiċċ l-art il-bnedmin li ħlaqt, mill-bniedem sal-annimali mansi, sal-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art, għaliex jiddispjaċini li għamilthom.” 8 Imma Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.
9 Din hi l-istorja taʼ Noè.
Noè kien raġel sewwa. Hu wera li kien bla nuqqas* fost in-nies taʼ żmienu.* Noè mexa mal-Alla l-veru. 10 Maż-żmien, Noè kellu tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet. 11 Imma l-art saret irrovinata f’għajnejn l-Alla l-veru, u kienet mimlija bil-vjolenza. 12 Iva, Alla ħares lejn l-art, u din kienet irrovinata; għaliex il-bnedmin kollha kienu qed jaġixxu ħażin ħafna fuq l-art.
13 Wara dan, Alla qal lil Noè: “Iddeċidejt li neqred il-bnedmin kollha, għaliex l-art hi mimlija vjolenza minħabba fihom, allura se neqridhom flimkien mal-art. 14 Agħmel għalik arka* mill-injam tar-raża. Trid tagħmel kmamar fl-arka u tiksiha bil-qatran* minn ġewwa u minn barra. 15 Hekk għandek tagħmilha: L-arka trid tkun 300 kubitu* twila, 50 kubitu wiesgħa, u 30 kubitu għolja. 16 Fl-arka tagħmel tieqa għad-dawl* kubitu ’l isfel mis-saqaf. L-arka trid tagħmlilha daħla fil-ġenb tagħha, u agħmilha bi tliet sulari: t’isfel, tan-nofs, u taʼ fuq.
17 “U jien se nibgħat ħafna ilmijiet fuq l-art biex neqred minn taħt is-sema kull ħaġa ħajja.* Kulma hemm fuq l-art imut. 18 U jien qed nagħmel patt miegħek, u trid tidħol fl-arka, int, it-tfal tiegħek, martek, u n-nisa tat-tfal tiegħek. 19 U daħħal fl-arka tnejn minn kull tip taʼ ħliqa ħajja sabiex iżżommhom ħajjin miegħek. Raġel u mara 20 mill-ħlejjaq li jtiru skont l-ispeċi tagħhom, mill-annimali mansi skont l-ispeċi tagħhom, u minn kull tip t’annimal* ieħor fuq l-art skont l-ispeċi tiegħu, tnejn minn kull tip jidħlu għandek biex iżżommhom ħajjin. 21 U min-naħa tiegħek, għandek tiġbor u tieħu kull xorta taʼ ikel biex iservi bħala ikel għalik u għall-annimali.”
22 U Noè għamel skont kulma kien ikkmandah Alla. Għamel preċiż hekk.