L-Ewwel Ittra lill-Korintin
2 Għalhekk ħuti, meta ġejt inxandrilkom is-sigriet qaddis t’Alla m’użajtx kliem impressjonanti u ma ppruvajtx ninstemaʼ għaref. 2 Iddeċidejt li ma nkellimkom* dwar xejn ħlief dwar Ġesù Kristu u l-mewt tiegħu fuq iz-zokk. 3 Meta ġejt għandkom, jien kont dgħajjef u nitriegħed bil-biżaʼ. 4 Meta ppritkajt ma qgħadtx nuża kliem konvinċenti li juri kemm jien għaref. Minflok, kliemi wera l-qawwa tal-ispirtu qaddis t’Alla. 5 Jien għamilt hekk ħalli intom tafdaw fil-qawwa t’Alla u mhux fl-għerf tal-bniedem.
6 Imma aħna nitkellmu dwar l-għerf maʼ dawk li huma maturi. Dan mhuwiex l-għerf taʼ din id-dinja* jew tal-mexxejja tagħha, li għad jiġu fix-xejn. 7 Aħna nitkellmu dwar l-għerf t’Alla li hu moħbi f’sigriet qaddis. Żmien twil ilu,* Alla ddeċieda biex jaġixxi fi qbil mal-għerf tiegħu għall-glorja tagħna. 8 Ħadd mill-mexxejja taʼ din id-dinja* ma sar jaf dwar dan l-għerf, għax kieku kienu jafu dwaru ma kinux joqtlu* lill-Mulej glorjuż tagħna. 9 Imma bħalma tgħid l-Iskrittura: “Ħadd ma ra, ħadd ma semaʼ, u ħadd ma immaġina dak li Alla pprepara għal dawk li jħobbuh.” 10 Imma Alla wriena dawn l-affarijiet permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. L-ispirtu juri l-affarijiet kollha, saħansitra l-għarfien moħbi* t’Alla.
11 M’hemm ħadd li jistaʼ jkun jaf x’qed jaħseb bniedem ieħor. Hu jistaʼ jkun jaf biss dak li hemm f’qalbu* stess. Bl-istess mod, ħadd ma jistaʼ jkun jaf il-ħsibijiet t’Alla jekk mhux permezz tal-ispirtu qaddis t’Alla. 12 Aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li jiġi mingħand Alla, ħalli nkunu nistgħu nifhmu l-affarijiet li Alla għallimna b’qalb tajba. 13 Aħna nitkellmu dwar dawn l-affarijiet ukoll, imma mhux bi kliem li tgħallimna mill-għerf tal-bniedem. Aħna nużaw il-kliem li nirċievu permezz tal-ispirtu qaddis biex nispjegaw veritajiet spiritwali.
14 Imma persuna li tiġi ggwidata mill-mod kif jaħsbu l-bnedmin* ma taċċettax l-affarijiet li jintwerew permezz tal-ispirtu t’Alla. Hi taħseb li huma bla sens. Hi ma tistax tifhimhom, għax irid ikollha l-ispirtu t’Alla biex tkun tistaʼ teżaminahom. 15 Madankollu, il-bniedem iggwidat mill-ispirtu jifhem* kollox, però l-bniedem fiżiku ma jifhmux lil dan. 16 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Min sar jaf x’hemm f’moħħ Ġeħova* biex ikun jistaʼ jgħallmu?” Imma aħna nafu kif jaħseb Kristu.