Isaija
11 Se toħroġ fergħa żgħira miz-zokk taʼ Ġesse,
U mill-għeruq tiegħu rimja li se tagħti l-frott.
2 U l-ispirtu taʼ Ġeħova se jmur u jibqaʼ fuqu,*
Hu għalhekk li se jkun għaqli, se jkun kapaċi jifhem,
Se jagħti pariri tajbin, se jkun b’saħħtu,
Se jkollu ħafna għarfien, u se jkollu rispett kbir għal* Ġeħova.
3 Hu se jieħu pjaċir jirrispetta ħafna lil* Ġeħova.
Hu mhux se jiġġudika fuq dak li jara
U lanqas jikkoreġi sempliċement fuq dak li jismaʼ.
4 Hu se jiġġudika b’mod ġust lill-batuti,
U jieħu deċiżjonijiet tajbin biex jipproteġi lill-umli tad-dinja.
Il-kliem tiegħu se jkun bħal bastun li se juża biex isawwat id-dinja
U biex joqtol il-ħżiena.
5 Il-ġustizzja se ssaħħu, u l-lealtà se tgħinu.
Dawn se jkunu bħal ċinturin maʼ qaddu.
6 Il-lupu se joqgħod għal xi żmien mal-ħaruf,
Il-leopard se jimtedd mal-gidi,
U l-barri żgħir,* l-iljun, u l-annimal imsemmen se jkunu flimkien;*
U tifel żgħir se jmexxihom.
7 Il-baqra u l-ors se jieklu flimkien,
U l-frieħ tagħhom se jimteddu flimkien.
L-iljun se jiekol it-tiben bħall-barri.
8 It-tarbija li għadha tieħu l-ħalib se tilgħab fuq il-ħofra tal-kobra,
U t-tifel li qataʼ l-ħalib se jqiegħed idu fejn jgħix serp velenuż.
9 Dawn la se jagħmlu ħsara
U lanqas se jeqirdu xi ħaġa fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħu,
Għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien dwar Ġeħova
Bħalma l-baħar hu mimli bl-ilma.*
10 Dakinhar, il-wieħed li hu mill-familja* taʼ Ġesse se jkun bħala sinjal għan-nies.
Lejh se jduru l-popli għall-gwida,*
U l-post taʼ mistrieħ tiegħu se jsir glorjuż.
11 Dakinhar, Ġeħova se juri l-qawwa tiegħu għat-tieni darba, biex jgħin lil dawk li baqaʼ mill-poplu tiegħu. Hu se jġibhom lura mill-Assirja, mill-Eġittu, minn Patros, minn Kus, minn Għelam, mis-Sinar,* minn Ħamat, u mill-gżejjer. 12 Hu se jgħolli arblu bħala sinjal għall-popli u jiġbor l-imxerrdin t’Iżrael, u se jiġbor flimkien l-imferrxin taʼ Ġuda mill-erbaʼ kantunieri tal-art.
13 Efrajm mhux se jibqaʼ jgħir,
U dawk li jobogħdu lil Ġuda se jispiċċaw fix-xejn.
Efrajm mhux se jgħir għal Ġuda,
U Ġuda mhux se jobgħod lil Efrajm.
14 Huma se jinżlu malajr mill-għoljiet* tal-Filistin lejn il-Punent;
Flimkien jisirqu lin-nies tal-Lvant.
Huma se jieħdu taħt idejhom lil Edom u Mowab,
U l-Għammonin se jkunu taħt it-tmexxija tagħhom.
Bin-nifs* jaħraq tiegħu, hu se jnixxef is-sebaʼ fergħat tax-xmara,*
U se jħalli lin-nies jaqsmuha bil-mixi.
16 Se jkun hemm triq prinċipali mill-Assirja għall-poplu tiegħu li jifdal,
Bħalma kien hemm għal Iżrael dakinhar li ħarġu mill-art tal-Eġittu.