It-Tieni Ittra lill-Korintin
6 Waqt li qed naħdmu m’Alla, inħeġġukom ukoll biex ma taċċettawx il-qalb tajba kbira* tiegħu għalxejn. 2 Għax hu jgħid: “Jien smajtkom meta kien iż-żmien biex inberikkom u għentkom meta kien iż-żmien biex tiġu salvati.” Iva, issa hu speċjalment iż-żmien li niġu mberkin! Iva, issa hu ż-żmien li niġu salvati!
3 Aħna mhux qed nagħmlu xi ħaġa li tfixkel lil oħrajn, ħalli ħadd ma jsib xi jgħid dwar ix-xogħol qaddis li għandna, 4 imma b’kull mod urejna li aħna qaddejja t’Alla. Dan għamilnieh billi ssaportejna provi differenti, tbatija, żminijiet diffiċli, u problemi. 5 Aħna ġejna msawtin, ġejna mitfugħin il-ħabs, iffaċċjajna folol vjolenti, ħdimna iebes, kellna ljieli li ma rqadniex, u kien hemm żmien li ma kellniex x’nieklu. 6 Aħna ngħixu ħajja nadifa, ngħixu fi qbil mal-għarfien, paċenzjużi, nuru qalb tajba, inħallu l-ispirtu qaddis jiggwidana, u l-imħabba tagħna hi sinċiera.* 7 Aħna ngħidu l-verità u nistrieħu fuq il-qawwa t’Alla. Aħna bħallikieku għandna għodda biex nagħmlu t-tajjeb* f’idna tal-lemin u tax-xellug. 8 Aħna niġu gglorifikati u ddiżonorati, u aħna niġu kkritikati u mfaħħrin. Aħna meqjusin qarriqin, imma ngħidu l-verità; 9 meqjusin bħala mhux magħrufin, imma Alla jafna; meqjusin bħala nies kważi mejta, imma aħna ħajjin; u meqjusin bħala li ġejna kkastigati,* imma ma nqtilniex. 10 In-nies jaħsbu li aħna mdejqin, imma aħna dejjem ferħanin; jaħsbu li aħna fqar, imma nagħmlu lil ħafna sinjuri; u jaħsbu li m’għandna xejn, imma għandna kollox.
11 Aħwa f’Korintu, aħna tkellimna magħkom bil-miftuħ u vera nħobbukom.* 12 L-imħabba tagħna għalikom m’għandhiex limitu, imma l-imħabba tagħkom għalina hi limitata. 13 Għalhekk, inkellimkom qiskom it-tfal tiegħi, jekk jogħġobkom ittrattawna bħalma nittrattawkom aħna. Għandkom tħobbuna iktar.
14 Tintrabtux taħt madmad li mhux l-istess* maʼ dawk li ma jemmnux. Għax x’għandhom x’jaqsmu l-ġustizzja u l-ksur tal-liġi? Jew x’hemm komuni bejn id-dawl u d-dlam? 15 Iktar minn hekk, jistgħu Kristu u Beljal* jaqblu? Jew x’hemm komuni bejn min jemmen* u min ma jemminx? 16 Ma jistax ikun li fit-tempju t’Alla jkun hemm l-idoli. Għax aħna tempju tal-Alla l-ħaj, bħalma qal Alla stess: “Jien se ngħix fosthom u nimxi f’nofshom, u nkun l-Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.” 17 Ġeħova* qal ukoll: “‘Għalhekk, oħorġu minn nofshom u nfirdu minn magħhom. Iva, tibqgħux tmissu dak li mhux nadif u jien nilqagħkom.’” 18 “‘U jien insir missier għalikom, u intom issiru t-tfal* tiegħi,’ jgħid Ġeħova,* l-Alla li Jistaʼ Kollox.”