Ġona
1 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lil Ġona* t-tifel t’Amittaj: 2 “Mur Ninwe l-belt il-kbira u xandar ġudizzju kontriha, għax jien qed nara l-ħażen li qed jagħmlu n-nies tagħha.”
3 Imma Ġona m’obdiex lil Ġeħova u ried jaħrab lejn Tarsis. Għalhekk niżel Ġaffa u sab vapur li kien sejjer Tarsis. Hu ħallas il-passaġġ biex imur Tarsis ħalli ma jagħmilx dak li qabbdu Ġeħova.
4 Imbagħad, Ġeħova bagħat riħ qawwi fuq il-baħar, u tant kemm qamet maltempata qawwija li l-vapur kien se jitfarrak. 5 Il-baħħara tant kemm beżgħu li kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu għall-għajnuna. U bdew iwaddbu l-baħar l-affarijiet li kien hemm fuq il-vapur biex iħaffuh. Imma Ġona kien niżel isfel u daħal ġewwa nett* tal-vapur, u kien rieqed fil-fond. 6 Il-kaptan mar ħdejh u qallu: “Int kif irqadt? Qum, għajjat lill-alla tiegħek għall-għajnuna! Forsi l-Alla l-veru juri li jimpurtah minna, u ma mmutux.”
7 Imbagħad qalu lil xulxin: “Ejja nitfgħu x-xorti, ħa naraw taʼ min hu t-tort għal dan id-diżastru.” Għalhekk tefgħu x-xorti u ntgħażel Ġona. 8 Huma qalulu: “Jekk jogħġbok, għidilna jekk hux tort tiegħek dan id-diżastru li ġie fuqna. X’taħdem, u minn fejn ġej? Minn liema pajjiż int, u min hu l-poplu tiegħek?”
9 Hu wiġibhom: “Jien Lhudi, u nqim lil* Ġeħova l-Alla tas-sema, il-Wieħed li għamel il-baħar u l-art.”
10 Meta semgħu dan l-irġiel bdew jibżgħu iktar, u staqsewh: “X’għamilt?” (Għax Ġona kien qalilhom li m’għamilx dak li qallu Ġeħova.) 11 Peress li l-baħar kien qed ikompli jitqawwa, huma staqsewh: “X’se nagħmlu bik biex jikkalma l-baħar?” 12 Hu wiġibhom: “Erfgħuni u waddbuni l-baħar, u l-baħar jikkalma; għax naf li minħabba fija ġiet din il-maltempata qawwija.” 13 Imma l-irġiel bdew jaqdfu iktar* biex jaslu lejn l-art, imma ma setgħux, għax il-baħar kompla jitqawwa iktar.
14 Imbagħad għajtu lil Ġeħova: “Jekk jogħġbok Ġeħova, nitolbuk bil-ħniena biex ma tħalliniex immutu minħabba dan ir-raġel! Iżżommniex responsabbli għall-qtil taʼ raġel innoċenti, għax dan hu bħalma ridt int, Ġeħova.” 15 Imbagħad refgħu lil Ġona u tefgħuh il-baħar, u l-baħar ikkalma. 16 Għalhekk, l-irġiel bdew jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, għamlu sagrifiċċju lil Ġeħova, u wegħduh li se jaqduh.
17 Imbagħad Ġeħova bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona. U Ġona għamel tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq il-ħuta.