Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
22 Hu wrieni xmara tal-ilma tal-ħajja, li kienet ċara daqs il-kristall. Din kienet ħierġa mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf, 2 u kienet tgħaddi min-nofs it-triq prinċipali. Fuq kull naħa tax-xmara kien hemm siġar tal-ħajja li jagħmlu l-frott kull xahar, 12-il darba fis-sena. U l-weraq tas-siġar kienu tajbin biex ifejqu l-popli.
3 U mhux se jkun hemm iktar saħta. It-tron t’Alla u tal-Ħaruf se jkunu fil-belt, u l-ilsiera t’Alla se jqimuh. 4 Huma se jaraw wiċċu, u ismu se jkun fuq moħħhom. 5 Ukoll, il-lejl mhux se jibqaʼ iktar, u mhux se jkollhom bżonn id-dawl tal-lampa jew tax-xemx, għax Alla Ġeħova* se jitfaʼ d-dawl fuqhom, u huma se jmexxu bħala rejiet għal dejjem taʼ dejjem.
6 Hu qalli: “Dan il-kliem hu taʼ min jafdah* u veru. Iva, Ġeħova,* l-Alla li jitkellem permezz tal-profeti, bagħat lill-anġlu tiegħu biex juri lill-ilsiera tiegħu l-affarijiet li se jiġru dalwaqt. 7 Ġesù jgħid: ‘Jien ġej malajr. Ferħanin huma dawk kollha li jobdu l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll.’”
8 Jien, Ġwanni, kont smajt u rajt dawn l-affarijiet. Meta smajthom u rajthom, inżilt għarkopptejja biex inqim l-anġlu li kien urieni dawn l-affarijiet. 9 Imma hu qalli: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek, bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jobdu l-kliem taʼ dan l-iskroll. Qim lil Alla.”
10 Hu qalli wkoll: “Tissiġillax il-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll, għax iż-żmien li ntagħżel hu qrib. 11 Min mhux qed jagħmel l-affarijiet sewwa, ħa jkompli ma jagħmilx l-affarijiet sewwa, u min hu maħmuġ, ħa jkompli jkun maħmuġ; imma min hu sewwa, ħa jkompli jagħmel is-sewwa, u min hu qaddis, ħa jkompli jagħmel dak li hu qaddis.
12 “Alla jgħid: ‘Jien ġej malajr, u se nagħti lil kull wieħed skont dak li għamel. 13 Jien l-Alfa u l-Omega,* l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t-tmiem. 14 Ferħanin huma dawk li jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom, ħalli jkollhom id-dritt jieklu l-frott tas-siġar tal-ħajja u jidħlu fil-belt mill-bibien tagħha. 15 Barra hemm il-klieb,* dawk li jagħmlu l-ispiritiżmu, li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li joqtlu, li jqimu l-idoli, u kull min iħobb il-gideb u jigdeb.’
16 “‘Jien, Ġesù, bgħatt lill-anġlu tiegħi biex jagħti xhieda lilkom dwar dawn l-affarijiet għall-benefiċċju tal-kongregazzjonijiet. Jien mill-familja* taʼ David u dixxendent tiegħu, u l-istilla taʼ filgħodu li tiddi.’”
17 L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: “Ejja!” u kull min jismaʼ ħa jgħid, “Ejja!” u kull min hu bil-għatx ħa jiġi; u kull min jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.
18 Ġesù jgħid: “Jien qed nagħti xhieda lil kull min qed jismaʼ l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll: Jekk xi ħadd iżid maʼ dan, Alla se jżidlu l-kastigi li huma miktubin f’dan l-iskroll. 19 U jekk xi ħadd ineħħi xi ħaġa mill-kliem tal-iskroll taʼ din il-profezija, Alla mhux se jħallih jiekol mis-siġar tal-ħajja jew jidħol fil-belt qaddisa, li dwarhom hemm miktub f’dan l-iskroll.
20 “Jien li nagħti xhieda dwar dawn l-affarijiet ngħid, ‘Iva, jien ġej malajr.’”
Jien, Ġwanni, għedtlu: “Ammen! Ejja Mulej Ġesù.”
21 Jalla l-Mulej Ġesù juri qalb tajba kbira mal-qaddisin.