“Għinni Fejn Għandi Bżonn Fidi!”
“Missier it-tfajjel kien qed igħid: ‘Jien għandi fidi! Għinni fejn għandi bżonn fidi!’”−MARK 9:24.
1. X’ġiegħel lil wieħed missier li jesklama, “Għinni fejn għandi bżonn fidi”?
“IL-MISSIER taʼ tifel ippussessat minn demonju waqaf quddiem Ġesù Kristu. Kemm xtaq dak ir-raġel li t-tfajjel tiegħu jfiq! Id-dixxipli taʼ Ġesù ma kellhomx biżżejjed fidi biex ikeċċu lil dak id-demonju, imma l-missier għajjat: “Jien għandi fidi! Għinni fejn għandi bżonn fidi!” Permezz taʼ qawwa mogħtija minn Alla, Ġesù mbagħad keċċa lid-demonju, waqt li bla dubju saħħaħ il-fidi taʼ missier it-tifel.—Mark 9:14-29.
2. Inkwantu għall-fidi, f’liema żewġ modi l-Kristjani ma jistħux?
2 Bħall-missier mimli tama taʼ dak it-tifel, qaddej leali taʼ Jehovah ma jistħix igħid: “Għandi fidi!” Nies li jwaqqgħu għaċ-ċajt jistgħu jiċħdu l-qawwa t’Alla, il-verità tal-Kelma tiegħu, u saħansitra l-istess eżistenza tiegħu. Imma Kristjani veri jammettu faċilment li huma għandhom fidi f’Alla Jehovah. Iżda, meta jitkellmu fil-privat maʼ Missierhom tas-sema fit-talb, dawn l-istess individwi forsi jappellaw bl-umiltà: “Għinni fejn għandi bżonn fidi!” Dan jagħmluh ukoll mingħajr mistħija, billi jafu li saħansitra l-appostli taʼ Ġesù Kristu talbu bil-ħniena: “Agħtina iktar fidi.”−Luqa 17:5.
3. X’inhu sinjifikanti dwar kif Ġwanni uża l-kelma “fidi” fil-Vanġelu tiegħu, u dan għala kien xieraq?
3 L-Iskrittura Kristjana Griega b’mod speċjali għandha wisq xi tgħid dwar il-fidi. Fil-fatt, il-Vanġelu taʼ Ġwanni juża varjetà taʼ kelmiet Griegi li huma mnisslin minn “fidi” iżjed minn 40 fil-mija iktar taʼ spiss milli jużawhom it-tliet Vanġeli l-oħra f’daqqa. Ġwanni enfasizza illi li jkollok il-fidi mhux biżżejjed; li teżerċitaha huwa vitali. Billi kiteb madwar is-sena 98 E.K., hu ra s-swaba velenużi bħal taʼ qarnita tal-apostasija ħerġin biex jaqbdu f’nassa lil Kristjani dgħajfin fil-fidi. (Atti 20:28-30; 2 Pietru 2:1-3; 1 Ġwann 2:18, 19) Mela kien vitali li teżerċita fidi, li tagħti evidenza tagħha b’atti taʼ devozzjoni lejn Alla. Żminijiet diffiċli kienu ġejjin.
4. Għala xejn ma hu impossibbli għal dawk li għandhom il-fidi?
4 Il-fidi tgħin lill-Kristjani biex jiffaċċjaw kwalunkwe diffikultajiet. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li jekk kellhom “fidi d-daqs taʼ żerriegħa tal-mustarda,” xejn ma kien se jkun impossibbli għalihom. (Mattew 17:20) B’dak il-mod, hu enfasizza l-qawwa tal-fidi, frotta tal-ispirtu qaddis. Ġesù b’hekk enfasizza x’jistaʼ jsir, mhux mill-bniedem, imma mill-ispirtu, jew forza attiva, t’Alla. Dawk iggwidati minnu ma jbiddlux ostakoli u problemi żgħar f’muntanji. Li japplikaw il-għerf li l-ispirtu t’Alla jagħti jgħinhom biex iżommu l-affarijiet f’perspettiva xierqa. Saħansitra problemi serji jinxtorbu meta jitpoġġew taħt il-qawwa li twieżen tal-fidi.—Mattew 21:21, 22; Mark 11:22-24; Luqa 17:6, 6.
Nitolbu li l-Fidi Tistaʼ Ma Tonqosx
5-7. (a) Liema kliem taʼ twissija dwar il-fidi lissen Ġesù meta waqqaf il-Mafkar? (b) Il-fidi taʼ Pietru kif għenitu biex isaħħaħ lil ħutu?
5 Fis-sena 33 E.K., Ġesù ċċelebra l-Qbiż mad-dixxipli tiegħu għall-aħħar darba. Imbagħad, wara li bagħat lil Ġuda l-Iskarjota, hu waqqaf iċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar, billi qal: “Nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal saltna . . . Xmun, Xmun, ħares! Satana talab li jkollu lilkom biex igħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ. Imma jien għamilt tħannin għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx; u int, ladarba tkun mort lura, saħħaħ lil ħutek.”—Luqa 22:28-32.
6 Ġesù talab biex il-fidi taʼ Xmun Pietru ma tonqosx. Għalkemm Pietru b’kunfidenza żejda ftaħar li hu qatt ma kien se jiċħad lil Ġesù, ftit wara dan hu ċaħdu tliet darbiet. (Luqa 22:33, 34, 54-62) Fil-fatt, bil-qtil imbassar tar-Ragħaj, in-ngħaġ xterdu. (Żakkarija 13:7; Mark 14:27) Madankollu, meta Pietru fieq mill-waqgħa tiegħu fin-nasba tal-biżaʼ, hu saħħaħ lil ħutu spiritwali. Hu semmaʼ l-kwistjoni dwar li jittieħed il-post taʼ Ġuda l-Iskarjota li ma kienx leali. Billi aġixxa bħala l-kelliemi tal-appostli f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pietru uża l-ewwel wieħed mill-“imfietaħ” li tah Ġesù, billi fetaħ it-triq għal Lhud biex isiru membri tas-Saltna. (Mattew 16:19; Atti 1:15-2:41) Satana ried li jieħu lill-appostli biex igħarbilhom bħall-qamħ, imma Alla ħa ħsieb li l-fidi tagħhom ma tonqosx.
7 Immaġina kif ħassu Pietru meta semaʼ lil Ġesù jgħid: “Jien għamilt tħannin għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx.” Aħseb ftit! Il-Mulej u s-Sid tiegħu kien talab biex il-fidi taʼ Pietru tistaʼ ma tonqosx. U ma fallietx, jew naqset. Fil-fatt, fil-jum taʼ Pentekoste, Pietru u oħrajn saru l-ewwel persuni midlukin bl-ispirtu qaddis li saru l-ulied spiritwali t’Alla, werrieta sħab prospettivi maʼ Kristu fil-glorja tas-sema. Bl-ispirtu qaddis imbagħad attiv fuqhom f’ammont li qabel ma kienx magħruf, huma setgħu juru l-frott tiegħu, inkluża l-fidi, iktar minn qatt qabel. Xi tweġiba meraviljuża għall-appell umli tagħhom: “Agħtina iktar fidi”!—Luqa 17:5; Galatin 3:2, 22-26; 5:22, 23.
Niffaċċjaw il-Provi li Hemm Quddiemna bil-Fidi
8. Liema twissija f’waqtha tatna l-organizzazzjoni rigward it-twettieq taʼ 1 Tessalonkin 5:3?
8 Bi twettieq tal-profezija tal-Bibbja, dalwaqt se nisimgħu l-għajta “Paċi u sigurtà!” (1 Tessalonkin 5:3) Jistaʼ dan ipoġġi l-fidi tagħna għall-prova? Iva, għax aħna fil-periklu li ninqabdu għall-għarrieda mis-suċċess apparenti li l-ġnus jistgħu jkollhom f’li jġibu l-paċi. Imma m’aħniex se nixxierku fl-ispirtu taʼ dawn il-proklamaturi tal-paċi jekk inżommu f’moħħna li Alla Jehovah mhux qed juża xi waħda mill-aġenziji taʼ din id-dinja għal dak il-għan. Hu għandu l-mod tiegħu stess biex iġib paċi vera, u dak hu biss permezz tas-Saltna tiegħu taħt Ġesù Kristu. Għaldaqstant, hu x’inhu s-suċċess li jistgħu jkollhom il-ġnus f’li jistabbilixxu paċi, dan se jkun qasir u minn barra biss. Biex igħinna nibqgħu għassa f’dan ir-rigward, “l-irsir fidil u diskret” se jkompli jippubblika twissijiet f’waqthom sabiex il-qaddejja taʼ Jehovah ma jinqabdux għall-għarrieda mill-proklama kburija taʼ “Paċi u sigurtà” mill-ġnus taʼ din is-sistema qadima taʼ affarijiet.—Mattew 24:45-47.
9. Il-qerda taʼ Babilonja l-Kbira għala se tirrikjedi kuraġġ u fidi min-naħa tagħna?
9 Il-għajta “Paċi u sigurtà!” se tkun is-sinjal għal “qerda f’daqqa” li trid tiġi fuq Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Rivelazzjoni 17:1-6; 18:4, 5) Dan ukoll se jpoġġi għall-prova l-fidi Kristjana. Bir-reliġjon falza mwaqqaʼ f’rovina, se jibqgħu x-Xhieda taʼ Jehovah sodi fil-fidi? Dażgur li jibqgħu. Din il-ġrajja—mhix mistennija u mhix mifhuma mill-biċċa l-kbira tan-nies—mhix se ssir mill-bniedem. In-nies iridu jkunu jafu li fir-realtà huwa l-ġudizzju taʼ Jehovah, bi tqaddis taʼ l-isem li r-reliġjon falza maqdret għal żmien twil. Imma kif jistgħu n-nies ikunu jafu jekk xi ħadd ma jkunx qalilhom? U min minbarra x-Xhieda taʼ Jehovah jistaʼ jiġi mistenni li jgħidilhom dan?—Qabbel Eżekjel 35:14, 15; Rumani 10:13-15.
10. L-attakk taʼ Gog fuq il-poplu taʼ Jehovah kif se jkun ukoll prova taʼ fidi?
10 Xhieda midlukin taʼ Jehovah u sħabhom b’tama għall-art kellhom il-kuraġġ meħtieġ biex igħidu lil oħrajn dwar l-esekuzzjoni imminenti tal-ġudizzju taʼ Jehovah kontra Babilonja l-Kbira u l-bqija tas-sistema taʼ affarijiet taʼ Satana. (2 Korintin 4:4) Fl-irwol tiegħu bħala Gog taʼ Magog, li jindika l-pożizzjoni degradanti preżenti tiegħu, Satana se jorganizza l-forzi tiegħu tal-art għal attakk bil-qawwa kollha fuq il-poplu t’Alla. Fidi f’qawwiet protettivi divini għan-nom tax-Xhieda taʼ Jehovah se titpoġġa għall-prova. Imma jistaʼ jkollna fidi li bħalma ħabbret il-Kelma t’Alla, Jehovah se jeħles lill-poplu tiegħu.—Eżekjel 38:16; 39:18-23.
11, 12. (a) Liema ħaġa assigurat is-salvazzjoni taʼ Noè u l-familja tiegħu matul id-Dulluvju? (b) Dwar liema ħaġa mhux se jkollna għalxiex ninkwetaw matul it-tribulazzjoni l-kbira?
11 Illum, aħna ma nafux eżatt kif Jehovah se jipproteġi lill-poplu tiegħu matul it-“tribulazzjoni kbira,” imma dan m’hu ebda raġuni biex niddubitaw li hu se jagħmel dan. (Mattew 24:21, 22) Is-sitwazzjoni tal-qaddejja t’Alla taż-żmien preżenti se tkun bħal dik li sabu lilhom infushom fiha Noè u l-familja tiegħu matul id-Dulluvju. Magħluqin ġewwa l-arka bl-ilmijiet jobormu taʼ qerda madwarhom, wisq probabbli huma kienu miblugħin b’din it-turija taʼ qawwa divina u żgur li talbu bil-ħeġġa. M’hemm ebda indikazzjoni Skritturali li huma kienu nkwetati u staqsew lilhom infushom: ‘Hija l-arka b’saħħitha biżżejjed biex teħlisha mill-qawwiet qerrieda? Għandna biżżejjed ikel biex iservi sakemm jispiċċa d-Dulluvju? Se nkunu nistgħu niffaċċjaw iċ-ċirkostanzi mibdulin fuq l-art wara?’ Il-ġrajjiet taʼ wara wrew li tħassib bħal dan kien ikun bla bażi.
12 Biex jiżżguraw is-salvazzjoni tagħhom, Noè u l-familja tiegħu riedu jeżerċitaw fidi. Dan kien ifisser li jsegwu l-istruzzjonijiet u l-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla. Matul it-tribulazzjoni l-kbira, se jkun daqstant imperattiv li aħna nsegwu l-gwida tal-ispirtu qaddis u nobdu l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Imbagħad ma se jkollna ebda raġuni biex ninkwetaw u nistaqsu: ‘Kif se jiġu mwettqin il-bżonnijiet spiritwali u materjali tagħna? Xi provvediment se jsir għal persuni kbar fl-età jew għal dawk li jinħtieġu kura jew trattament mediku speċjali? Jehovah kif se jagħmilha possibbli għalina biex nibqgħu ħajjin għal ġod-dinja l-ġdida?’ B’fidi soda, il-qaddejja leali kollha taʼ Jehovah se jħallu kollox fl-idejn kapaċi tiegħu.—Qabbel Mattew 6:25-33.
13. Meta t-tribulazzjoni l-kbira tkun bdiet, għala jkollna bżonn fidi bħal taʼ Abraham?
13 Meta t-tribulazzjoni l-kbira tkun bdiet, bla dubju l-fidi tagħna f’Alla se tissaħħaħ bil-kbir. Wara kollox, se naraw li Jehovah qed iwettaq dak li qal li se jagħmel. Aħna nkunu qed naraw l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju tiegħu b’għajnejna stess! Imma se jkollna aħna personalment biżżejjed fidi biex nemmnu li waqt li jeqred lil dawk mill-agħar, Alla se jħares lill-poplu tiegħu? Se nkunu aħna bħal Abraham, li kellu fidi li ‘l-Imħallef tal-art kollha se jagħmel dak li hu sewwa,’ billi ma jeqridx lit-twajjeb flimkien maʼ dak mill-agħar?—Ġenesi 18:23, 25.
14. Liema mistoqsijiet għandhom iġagħluna nanalizzaw il-fidi tagħna u naħdmu iebes biex insaħħuha?
14 Kemm hu importanti li aħna issa nibnu l-fidi tagħna! Bit-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar taʼ affarijiet daqstant viċin, ejjew inħallu l-ispirtu t’Alla jqanqalna għal “atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:11-14) Imbagħad ma nkunux imjassrin matul it-tribulazzjoni l-kbira bi ħsibijiet li jinkwetawna bħal dawn: ‘Jixraqli jien li nirċievi l-protezzjoni taʼ Jehovah? Stajt għamilt iżjed fis-servizz tiegħu? Ħdimt iebes biżżejjed biex nilbes “il-personalità l-ġdida”? Jien it-tip taʼ persuna li Jehovah irid fid-dinja l-ġdida?’ Mistoqsijiet serji bħal dawn għandhom iġagħluna nanalizzaw il-fidi tagħna u naħdmu iebes biex insaħħuha minn issa stess!—Kolossin 3:8-10.
Fidi biex Tfejjaqna
15. Xi drabi Ġesù x’kien igħidilhom lil dawk li kien ifejjaq, imma dan għala ma jappoġġjax il-fejqan bil-fidi taż-żmien preżenti?
15 Ġesù ma llimitax ix-xogħlijiet tiegħu taʼ fejqan fiżiku għal nies li kellhom il-fidi. (Ġwann 5:5-9, 13) Mela l-attività tiegħu ma tagħti ebda appoġġ lid-duttrina mhix skritturali tal-fejqan bil-fidi. Veru, Ġesù xi drabi qal lil dawk li fejjaq: “Il-fidi tiegħek fejqitek.” (Mattew 9:22; Mark 5:34; 10:52; Luqa 8:48; 17:19; 18:42) Imma billi qal dan, hu kien sempliċement qed jindika verità ovvja: Li kieku dawk milqutin bil-mard ma kellhomx fidi fl-abbiltà taʼ Ġesù li jfejjaq, huma lanqas biss ma kienu jiġu għandu għal fejqan.
16. Liema programm taʼ fejqan qed jidderieġi Ġesù llum?
16 Illum, Ġesù Kristu qed jidderieġi programm taʼ fejqan spiritwali, u iktar minn 4,000,000 individwi poġġew lilhom infushom f’pożizzjoni biex jibbenefikaw minnu. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, huma qed igawdu saħħa spiritwali minkejja kwalunkwe nuqqas taʼ saħħa fiżika li jistaʼ jkollhom. Kristjani midlukin fosthom għandhom tama għas-sema, u huma ‘jżommu għajnejhom fuq affarijiet li jdumu għal dejjem u li ma jidhrux.’ (2 Korintin 4:16-18; 5:6, 7) U Kristjani bit-tama għall-art iħarsu ’l quddiem lejn l-atti meraviljużi taʼ fejqan fiżiku li se jseħħu fid-dinja ġdida t’Alla.
17, 18. Liema provvediment taʼ Jehovah huwa deskritt f’Rivelazzjoni 22:1, 2, u kif inhi meħtieġa l-fidi biex aħna nibbenefikaw minnu?
17 L-appostlu Ġwanni rrefera għall-provvedimenti t’Alla għall-ħajja eterna b’dawn il-kelmiet f’Rivelazzjoni 22:1, 2: “[U]rieni xmara taʼ ilma tal-ħajja, ċar daqs il-kristall, igelgel ’il barra mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf ’l isfel f’nofs il-mogħdija l-wiesgħa tagħha. U fuq din in-naħa tax-xmara u fuq dik in-naħa kien hemm siġar tal-ħajja li jipproduċu tnax-il qatgħa taʼ frott, billi jagħtu l-frott tagħhom kull xahar. U l-weraq tas-siġar kienu għall-fejqan tal-ġnus.” L-“ilma tal-ħajja” jinkludi l-Kelma t’Alla taʼ verità u kwalunkwe provvediment ieħor taʼ Jehovah biex ifejjaq lill-bnedmin ubbidjenti mid-dnub u l-mewt u jagħtihom ħajja eterna fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù. (Efesin 5:26; 1 Ġwann 2:1, 2) Waqt li jkunu fuq l-art, il-144,000 segwaċi midlukin taʼ Ġesù jixorbu mill-provvedimenti t’Alla għall-ħajja permezz taʼ Kristu u jissejħu “siġar kbar taʼ tjieba.” (Isaija 61:1-3; Rivelazzjoni 14:1-6) Huma pproduċew wisq frott spiritwali fuq l-art. Bħala wħud irxoxtati fis-sema, matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, huma se jieħdu sehem f’li jqassmu l-provvedimenti tar-rahan li se jservu “għall-fejqan tal-ġnus” mid-dnub u mill-mewt.
18 Iktar ma tkun b’saħħitha l-fidi tagħna f’dawn il-provvedimenti t’Alla, akbar se tkun il-ħeġġa tagħna biex insegwu l-gwida tal-ispirtu tiegħu biex nieħdu sehem fihom. Perfezzjoni fiżika evidentement se tiġi hekk kif persuna teżerċita fidi fi Kristu u tagħmel progress spiritwali. Għalkemm individwu jkun ġie mfejjaq mirakolożament minn mankamenti kbar, hu se jinġieb eqreb lejn il-perfezzjoni hekk kif jipprattika dak li hu tajjeb. Hu se jkun qed jipparteċipa regolarment mill-provvediment t’Alla għal fejqan permezz tas-sagrifiċċju taʼ Kristu. Mela l-fidi se jkollha influwenza fuq li aħna se niġu mfejqin u pperfezzjonati b’mod fiżiku.
“Salvati Permezz tal-Fidi”
19. Għala huwa vitali li tibqaʼ sod fil-fidi?
19 Sakemm iż-żerniq tad-dinja ġdida t’Alla jneħħi għalkollox id-dlam tad-dinja mill-agħar preżenti, kemm hu vitali li l-qaddejja taʼ Jehovah jibqgħu sodi fil-fidi! Nies taʼ “mingħajr fidi” se jiġu mitfugħin fil-“għadira li taqbad bin-nar u l-kubrit,” it-tieni mewt. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jseħħ wara l-prova finali fit-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. (Rivelazzjoni 20:6-10; 21:8) Kemm hu mbierek is-sehem taʼ dawk li jibqgħu jeżerċitaw fidi u jibqgħu ħajjin biex igawdu futur bla tmiem!
20 1 Korintin 13:13 kif se jieħu tifsir speċjali fit-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu?
20 Imbagħad dawn il-kelmiet taʼ Pawlu fl-1 Korintin 13:13 se jieħdu tifsir speċjali: “Jibqgħu l-fidi, it-tama, l-imħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar minn dawn hi l-imħabba.” Qatt iżjed ma se jkollna bżonn neżerċitaw fidi li l-wegħda profetika f’Ġenesi 3:15 se ssir realtà jew li nittamaw li se titwettaq. Dak se jkun diġà ġara. Bħala nies li jżommu l-integrità, aħna se nkomplu nittamaw f’Jehovah, ikollna fidi fih u f’Ibnu, u nħobbuhom bħala dawk li ġabu t-twettieq taʼ din il-profezija. Barra minn dan, imħabba profonda u gratitudni mill-qalb għas-salvazzjoni tagħna se torbotna m’Alla b’devozzjoni li ma titkissirx għall-eternità kollha.—1 Pietru 1:8, 9.
21. X’għandna nagħmlu aħna llum sabiex niġu “salvati permezz tal-fidi”?
21 Permezz tal-organizzazzjoni viżibbli tiegħu, Jehovah għamel provvedimenti tal-għaġeb biex isaħħaħ il-fidi. Ħu vantaġġ sħiħ minnhom kollha. Attendi regolarment u pparteċipa fil-laqgħat tal-poplu t’Alla. (Ebrej 10:24, 25) Studja l-Kelma tiegħu u pubblikazzjonijiet Kristjani bil-għaqal. Agħmel petizzjonijiet lil Jehovah għall-ispirtu qaddis tiegħu. (Luqa 11:13) Imita l-fidi taʼ dawk li bl-umiltà huma minn taʼ quddiem fil-kongregazzjoni. (Ebrej 13:7) Irreżisti tentazzjonijiet dinjin. (Mattew 6:9, 13) Iva, u kabbar ir-relazzjoni persunali tiegħek maʼ Jehovah f’kull mod possibbli. Fuq kollox, kompli eżerċita fidi. Imbagħad int tistaʼ tkun fost dawk li jogħġbu lil Jehovah u jiksbu s-salvazzjoni, għax Pawlu stqarr: ‘Bil-qalb tajba mhix mistħoqqa, tabilħaqq, intom ġejtu salvati permezz tal-fidi; u dan mhux minħabba fikom, hija l-għotja t’Alla.’—Efesin 2:8.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
◻ Liema provi tal-fidi jinsabu direttament quddiemna?
◻ B’liema żewġ modi tistaʼ l-fidi tagħna tfejjaqna?
◻ Skond 1 Pietru 1:9, għal kemm żmien irridu nżommu l-fidi?
◻ Xi provvedimenti għandna biex insaħħu l-fidi tagħna?