Ittra lil-Lhud
10 Il-Liġi hi bħal dell tal-affarijiet tajbin li għandhom jiġu, imma ma turix dawn l-affarijiet. Il-Liġi* u l-istess sagrifiċċji li jiġu offruti sena wara sena ma jistgħux ineħħu d-dnub għalkollox taʼ dak li jqim lil Alla. 2 Kieku ma kinux jibqgħu jiġu offruti s-sagrifiċċji, għax dawk li jqimu lil Alla kienu jiġu mnaddfa mid-dnubiet tagħhom u ma jħossuhomx ħatja. 3 Għall-kuntrarju, dawn is-sagrifiċċji kienu jfakkru lin-nies minn sena għall-oħra li huma midinbin,* 4 għax ma jistax ikun li d-demm tal-barrin u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.
5 Għalhekk, meta Kristu ġie fid-dinja, qal lil Alla: “‘Int ma ridtx iktar sagrifiċċju u offerta, imma ppreparajt ġisem għalija. 6 Ma bqajtx tieħu pjaċir b’offerti sħaħ tal-ħruq u offerti għad-dnub.’ 7 Imbagħad jien għedt, ‘Hawn jien, ġejt. Fl-iskroll* hemm miktub dwari. Jien ġejt biex nagħmel dak li trid int, Alla tiegħi.’” 8 L-ewwel qal: “Int ma ridtx iktar sagrifiċċji, offerti, offerti sħaħ tal-ħruq, u offerti għad-dnub u ma bqajtx tieħu pjaċir bihom.” Dawn is-sagrifiċċji jiġu offruti skont il-Liġi. 9 Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel dak li trid int.” Hu neħħa l-ewwel arranġament biex jagħmel it-tieni. 10 Skont dak li jrid Alla, aħna ġejna mqaddsin permezz taʼ Ġesù Kristu, il-wieħed li offra l-ġisem tiegħu darba għal dejjem.
11 Ukoll, kull qassis kien jieħu postu jum wara l-ieħor biex jagħmel xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima* u biex jagħmel l-istess sagrifiċċji spiss, li qatt ma setgħu jneħħu d-dnubiet għalkollox. 12 Imma Kristu offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet darba għal dejjem u poġġa fuq il-lemin t’Alla. 13 Minn dak iż-żmien, hu qed jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh. 14 Għax billi offra sagrifiċċju wieħed, hu għamel lil dawk li se jiġu mqaddsin perfetti għal dejjem. 15 Iktar minn hekk, l-ispirtu qaddis ukoll jagħtina xhieda dwar dan, billi qal: 16 “Ġeħova* jgħid: ‘Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel magħhom. Se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’qalbhom u niktibhom f’moħħhom.’” 17 Imbagħad jgħid: “U ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom u l-affarijiet ħżiena li għamlu.” 18 Meta Alla jaħfer dawn l-affarijiet, ma jkunx hemm iktar bżonn offerta għad-dnub.
19 Għalhekk aħwa, aħna fiduċjużi li nistgħu nużaw it-triq biex nidħlu fil-post qaddis permezz tad-demm taʼ Ġesù, 20 li fetaħ* għalina. Din it-triq ġdida twassalna għall-ħajja, u hu għamel dan billi għadda mill-purtiera, jiġifieri l-ġisem tiegħu. 21 Peress li għandna qassis kbir li jieħu ħsieb il-kongregazzjoni* t’Alla, 22 ejja nersqu lejh b’qalb sinċiera u b’fiduċja sħiħa, għax il-qalb u l-kuxjenza ħażina tagħna ġew imnaddfin,* u l-ġisem tagħna ġie maħsul b’ilma nadif. 23 Ejja nkomplu nxandru bla waqfien dwar it-tama tagħna mingħajr ma niddubitaw, għax dak li għamel il-wegħda hu leali. 24 Ejja naħsbu f’xulxin* ħalli jkun hemm iktar imħabba* u nagħmlu affarijiet tajbin. 25 Ukoll, m’għandniex nieqfu nattendu l-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa xi wħud, imma għandna ninkuraġġixxu lil xulxin, iktar u iktar hekk kif naraw il-jum t’Alla riesaq qrib.
26 Jekk nagħmlu dnub apposta wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt tal-verità, allura m’hemm ebda sagrifiċċju li jeħlisna mid-dnub. 27 Minflok, li jkun hemm żgur jistenniena hu ġudizzju tal-biżaʼ u rabja kbira li se tkun bħal nar u se teqred lil dawk li jiħduha kontra Alla. 28 Kull min ma kienx jagħti kas il-Liġi taʼ Mosè kien jinqatel mingħajr ħniena fuq xhieda taʼ tnejn jew tlieta. 29 Mela żgur ikun ħaqqu kastig ħafna akbar min ikun qisu għaffeġ taħt saqajh lill-Iben t’Alla u qies id-demm tal-patt li bih ġie mqaddes bħala li ma jiswa xejn, u min ikun wera diżrispett kbir lejn l-ispirtu li Alla juża biex juri qalb tajba kbira. 30 Għax aħna nafu li Alla qal: “Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas.” U reġaʼ: “Ġeħova* se jiġġudika lill-poplu tiegħu.” 31 Hi xi ħaġa tal-biżaʼ li tiġi kkastigat mill-Alla l-ħaj.
32 Madankollu, ibqgħu ftakru li wara li ħadtu l-għarfien tal-verità,* intom issaportejtu ħafna affarijiet minkejja t-tbatijiet li kellkom. 33 Xi kultant intom ġejtu ttrattati ħażin u mgħajrin quddiem in-nies,* u drabi oħra għentu lil* dawk li kienu qed jgħaddu minn esperjenzi simili. 34 Għax intom urejtu li ħassejtu għall-aħwa li qegħdin fil-ħabs u aċċettajtu bil-ferħ li tiġu misruqin mill-affarijiet tagħkom, minħabba li tafu li għandkom wirt aħjar u li jibqaʼ.
35 Għalhekk, komplu tkellmu bil-kuraġġ,* għax b’hekk tiġu ppremjati bil-kbir. 36 Għax għandkom bżonn tissaportu, ħalli wara li tkunu għamiltu dak li jrid Alla, tkunu tistgħu tirċievu dak li ġie mwiegħed. 37 “Ftit ieħor” u “jasal il-wieħed li ġej u mhux se jkun tard.” 38 “Imma l-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu,” u “jekk hu jitbiegħed minni, jien* ma niħux pjaċir bih.” 39 Issa aħna m’aħniex it-tip li nitbiegħdu minn Alla għax nibżgħu u b’hekk niġu meqrudin, imma t-tip li għandna l-fidi u nsalvaw ħajjitna.*