LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 4/8 pp. 4-7
  • Xi Ġralu D-​Divertiment?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Ġralu D-​Divertiment?
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħtieġa Għal Kawtiela
  • Kif Iżżomm Ħarsa Mentali f’Saħħitha
    Stenbaħ!—1999
  • Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?
    Stenbaħ!—2003
  • Ħu Pjaċir b’Affarijiet li Jogħġbu lil Ġeħova
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Agħżel id-divertiment tiegħek bil-għaqal
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 4/8 pp. 4-7

Xi Ġralu D-​Divertiment?

KIF setgħu r-​Rumani tal-​qedem, li suppost li kienu fil-​quċċata tal-​kultura tagħhom, iqisu l-​agunija taʼ bnedmin sħabhom bħala divertiment? “Dan jistaʼ jiġi spjegat biss mill-​kilba għal stimulanti ġodda u iktar qawwijin,” jikteb Gerhard Uhlhorn f’The Conflict of Christianity With Heathenism (Il-Konflitt Tal-​Kristjanità Mal-​Paganiżmu). “Imxebbgħin minn kull tgawdija possibbli, in-​nies fittxew . . . eċċitament li ma setgħux isibuh x’imkien ieħor.”

Bosta nies illum juru “kilba għal stimulanti ġodda u iktar qawwijin.” Veru, forsi ma jinġabrux biex jaraw tbiċċir u libertinaġġ litterali. Imma l-​għażla taʼ divertiment li jagħmlu tirrivela ossessjoni simili għall-​vjolenza u s-​sess. Ikkunsidra xi eżempji.

Il-Films. Dan l-​aħħar, dawk li jaħdmu l-​films urew “preferenza għal dak li hu pervers,” jafferma l-​kritiku tal-​films Michael Medved. “Il-​messaġġ mid-​dinja tal-​films,” hu jżid, “donnu hu li wirjiet taʼ krudeltà u ġenn jixirqilhom iktar konsiderazzjoni serja, iktar rispett awtomatiku, minn kwalunkwe attentat biex jintwerew affarijiet nobbli jew taʼ tjieba.”

Il-kompetizzjoni mat-​televiżjoni ġagħlet lill-​produtturi tal-​films jirrikorru għal tistaʼ tgħid kwalunkwe mezz biex iħajru lin-​nies lejn it-​talkies. “Neħtieġu films t’azzjoni, li għandhom dik ix-​xi ħaġa aħjar, li jispikkaw mill-​affarijiet kollha li jaraw in-​nies fuq it-​TV,” jgħid iċ-​chairman taʼ wieħed mill-​istudios tal-​films. “Mhux għax aħna ntrabatna li nuru xeni mdemmija u nsemmgħu lingwaġġ oxxen, imma llum dak hu li hemm bżonn biex film jirnexxi.” Tabilħaqq, ħafna m’għadhomx jixxokkjaw ruħhom b’xeni taʼ vjolenza li ma jħallu xejn għall-​immaġinazzjoni. “In-​nies qegħdin jidraw ix-​xeni vjolenti fil-​films,” jgħid id-​direttur tal-​films Alan J. Pakula. “L-​għadd taʼ mwiet żdied għal erbaʼ darbiet, il-​qawwa taʼ l-​isplużjonijiet qiegħda tiżdied drastikament, u n-​nies qegħdin isiru indifferenti għal dan kollu. Żviluppaw attitudni li ebda sensazzjoni brutali ma xxabbagħhom.”

It-Televiżjoni. Xeni sfaċċati taʼ sess fuq it-​TV issa saru komuni f’bosta partijiet tad-​dinja, inklużi l-​Brażil, l-​Ewropa, u l-​Ġappun. Dawk li jaraw it-​TV fl-​Amerka jiltaqgħu maʼ medja taʼ xi 14,000 referenza għas-​sess f’sena waħda. “Iż-​żjieda f’temi sesswali u fl-​espliċità tagħhom ma turi ebda sinjal li se tbatti,” jirrapporta tim taʼ riċerka. “Suġġetti li qabel lanqas biss kienu jissemmew, bħal inċest, sadomasokiżmu, u bestjalità, issa saru l-​aħjar materjal għal dawk il-​ħinijiet li l-​iktar ikollhom udjenza.”

Skond il-​ktieb Watching America (Ħarsa Lejn L-​Amerka), hemm raġuni għal dan il-​ġenn permissiv fuq it-​television. Dan jistqarr: “Is-​sess irendi. . . . Hekk kif l-​istazzjonijiet u l-​kumpaniji li jipproduċu l-​programmi skoprew li iktar kien hemm telespettaturi li jieħdu pjaċir bihom milli dawk li jiskruplaw, huma bil-​qajla l-​qajla żiedu l-​potenzjal li l-​prodott tagħhom irendi profitt billi ppermettew li iktar suġġetti li qabel kienu tabù, jibdew jintwerew b’manjieri li kull ma jmorru jsiru iktar espliċiti.”

Il-Video Games. L-​era komparattivament innoċenti taʼ Pac-Man u Donkey Kong ċediet postha għal era ġdida taʼ logħbiet sadistiċi b’mod li jkexkex. Il-​Professoressa Marsha Kinder tiddeskrivi dawn il-​logħbiet bħala “agħar mit-​TV jew xi film.” Dawn jikkomunikaw “il-​messaġġ li l-​uniku mod li wieħed jistaʼ jkollu l-​poter huwa permezz tal-​vjolenza.”

Minħabba t-​tħassib tal-​pubbliku, wieħed mill-​manifatturi ewlenin fl-​Istati Uniti issa juża sistema taʼ klassifikazzjoni fuq il-​video games tiegħu. Tikketta mmarkata “MA-17”​—li tindika li l-​logħba mmarkata “mature” m’hijiex addattata għal dawk taʼ taħt is-​17-il sena—​għandha mnejn tinkludi vjolenza qawwija, temi sesswali, u profanità. Madankollu, xi wħud wisq jibżgħu li klassifika “mature” iktar iżżid l-​attrazzjoni tal-​logħba. “Kieku kelli 15-il sena u rajt tikketta MA-17,” jgħid wieħed żagħżugħ li hu akkanit fuq il-​logħob, “kont nara kif nagħmel u nakkwistaha dik il-​logħba.”

Il-Mużika. Rivista li tifli l-​kontenut tal-​mużika pop issostni li, fi tmiem l-​1995, kien hemm biss 10 mill-​aqwa 40 album li ma kienx fihom profanità jew referenzi għad-​drogi, vjolenza, jew sess. “Il-​mużika li għandhom aċċess għaliha dawk li għadhom m’humiex adolexxenti tbellhek, billi ħafna minnha hija forma estrema taʼ xettiċiżmu għall-​aħħar,” tirrapporta s-​St. Louis Post-Dispatch. “Il-​[mużika] li hi attraenti għal xi adolexxenti hija mimlija rabja u disperazzjoni u tinkuraġġixxi sentimenti li d-​dinja u s-​semmiegħ personalment huma kkundannati.”

Id-death metal, il-​“grunge” rock, u l-​“gangsta” rap donnhom li jixxalaw fil-​vjolenza. U skond rapport fis-​San Francisco Chronicle, “bosta nies li huma midħla sew taʼ l-​industrija tad-​divertiment qegħdin ibassru li l-​iktar gruppi li jkexkxuk qegħdin fi triqithom lejn il-​quċċata.” Kanzunetti li jfaħħru r-​rabja u l-​mewt issa saru popolari fl-​Awstralja, fl-​Ewropa, u fil-​Ġappun. Veru, xi gruppi pprovaw jadottaw messaġġ iktar ħlejju. Minkejja dan, tinnota l-​Chronicle: “L-​evidenza tissuġġerixxi li ma tantx hemm prospetti taʼ qligħ mill-​innoċenza.”

Il-Kompjuters. Dawn huma għodod taʼ valur b’ħafna użu pożittiv. Madankollu, dawn ukoll intużaw minn xi wħud biex ixerrdu materjal oxxen. Per eżempju, ir-​rivista Maclean’s tirrapporta li dan jinkludi “stampi u kitba dwar kollox, minn oġġetti bizzarri taʼ qima sa prostituzzjoni sa pedofilja​—materjal li jixxokkja lil ħafna adulti, aħseb u ara lil uliedhom.”

Il-Qari. Ħafna kotba popolari huma miżgħudin bis-​sess u l-​vjolenza. Moda riċenti fl-​Istati Uniti u fil-​Kanada hija dik li ġiet imsejħa “shock fiction”​—stejjer koroh tal-​waħx intenzjonati għal tfal saħansitra taʼ tmien snin. Diana West, li tikteb fir-​rivista New York Teacher, issostni li dawn il-​kotba qegħdin “ineħħu s-​sensittività tat-​tfal minn ċkunithom, billi jillimitaw il-​kapaċità mentali qabel ma din tkun almenu bdiet.”

Ħafna kotba komiċi ppubblikati f’Hong Kong, fil-​Ġappun, u fl-​Istati Uniti fihom “temi taʼ gwerra intensi u brutali, kannibaliżmu, sataniżmu, stupru, u profanità,” jirrapporta studju min-​National Coalition on Television Violence (NCTV). “L-​intensità tal-​vjolenza u l-​materjal sesswali degradanti f’dawn ir-​rivisti huma xokkanti,” jgħid Dr. Thomas Radecki, direttur tar-​riċerka taʼ l-​NCTV. “Dan juri kemm aħna ppermettejna li nħallu s-​sensittività tagħna tmajna.”

Il-​Ħtieġa Għal Kawtiela

Jidher ċar li fid-​dinja tal-​lum hawn ġibda għas-​sess u l-​vjolenza, u dan huwa rifless fl-​industrija tad-​divertiment. Is-​sitwazzjoni hija simili għal dik deskritta mill-​appostlu Kristjan Pawlu: “Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta taʼ żína bla xabaʼ.” (Efesin 4:​19) Bir-​raġun ħafna llum qegħdin ifittxu xi ħaġa aħjar. Int ukoll? Jekk iva, se tieħu pjaċir issir taf li tistaʼ ssib divertiment edifikanti, kif se juri l-​artiklu li ġej.

[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 5]

It-​Television Jistaʼ Jkun Perikoluż

T-​TELEVIŻJONI għamel id-​debutt pubbliku tiegħu fl-​Istati Uniti fil-​fiera tad-​dinja fl-​1939 fi New York. Wieħed ġurnalista li kien preżenti esprima x-​xettiċiżmu tiegħu rigward il-​futur taʼ dan l-​oġġett. “Il-​problema tat-​television,” kiteb hu, “hija li n-​nies iridu joqogħdu bil-​qiegħda u jżommu għajnejhom imsammrin fuq skrin; il-​familja medja Amerikana m’għandhiex ħin għalih.”

Kemm mar żmerċ! Tabilħaqq, intqal li sakemm Amerikan ikun spiċċa mill-​iskola, hu jkun qattaʼ medja taʼ 50 fil-​mija iktar ħin quddiem it-​TV milli quddiem xi għalliem. “Tfal li jqattgħu ħinijiet twal jaraw it-​television huma iktar aggressivi, iktar pessimisti, iktar peżanti, inqas immaġinattivi, inqas empatetiċi, u inqas kapaċi bħala studenti minn tfal oħrajn li jqattgħu inqas ħin jaraw it-​TV,” issostni Dr. Madeline Levine fil-​ktieb tagħha Viewing Violence.

X’inhu l-​parir tagħha? “It-​tfal jeħtieġ li jiġu mgħallmin li t-​television, l-​istess bħal kwalunkwe oġġett fid-​dar, għandu funzjoni speċifika. Aħna ma nħallux il-​hair dryer mixgħul wara li xagħarna jkun nixef, jew it-​toaster mixgħul wara li t-​toast ikun sar. Aħna nirrikonoxxu l-​użu taʼ dawn l-​oġġetti u nafu meta għandna nitfuhom. It-​tfal tagħna jeħtieġu li jiġu edukati bl-​istess mod dwar it-​television.”

[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 7]

Divertiment Madwar Id-​Dinja

Stenbaħ! staqsa lill-​korrispondenti tiegħu minn diversi partijiet tad-​dinja biex jiddeskrivu x-​xejriet taʼ divertiment fl-​inħawi tagħhom. Dawn li ġejjin huma xi ftit mill-​kummenti tagħhom.

Il-​Brażil: “Il-​programmi tat-​TV saru iktar u iktar degradanti. Madankollu, b’ħafna ġenituri jaħdmu barra mid-​dar, it-​tfal spiss jitħallew jieħdu d-​divertiment tagħhom mit-​TV. CD-​ROMs b’temi okkulti u video games li juru vjolenza fil-​forom kollha tagħha huma popolari.”

Ir-​Repubblika Ċeka: “Mill-​waqgħa tal-​Komuniżmu ’l hawn, il-​pajjiż imtela b’divertiment li qatt qabel ma rajna bħalu, inklużi programmi tat-​TV mill-​Punent u ħwienet tal-​pornografija. Iż-​żgħażagħ jiffrekwentaw id-​discos, klabbijiet tal-​billiards, u ħwienet tax-​xorb. Riklamar stravaganti u pressjoni minn dawk taʼ mparhom spiss jeżerċitaw influwenza qawwija fuqhom.”

Il-​Ġermanja: “Sfortunatament, bosta ġenituri jkunu għajjenin wisq biex jorganizzaw divertiment għal uliedhom, u għalhekk iż-​żgħażagħ spiss jistrieħu fuq xulxin biex jiddevertu. Xi wħud jiżolaw ruħhom maʼ logħbiet tal-​kompjuter. Oħrajn jattendu ljieli sħaħ għal sessjonijiet taʼ żfin li jsejħulhom rave parties, fejn ikun hemm abbundanza taʼ drogi.”

Il-​Ġappun: “Il-​komiks huma l-​passatemp favorit taż-​żgħażagħ u l-​adulti, imma dawn taʼ spiss ikunu mimlijin vjolenza, immoralità, u kliem ħażin. Il-​logħob taʼ l-​ażżard huwa komuni wkoll. Moda oħra inkwetanti hija dik li xi tfajliet qegħdin iċemplu lill-​klabbijiet tat-​telefon li huma rriklamati ħafna u li jagħtu servizz lil irġiel bi skopijiet immorali. Xi wħud iċemplu għall-​gost, waqt li oħrajn jaslu sal-​punt li jagħmlu appuntamenti bi ħlas, u li f’xi każi jwassal għall-​prostituzzjoni.”

In-​Niġerja: “Teatri tal-​video li m’hemmx kontroll fuqhom qegħdin jinfirxu maʼ l-​Afrika tal-​Punent kollha. Dawn il-​gabubi taʼ kafkaf jilqgħu lil nies taʼ kull età, inklużi tfal. Videos pornografiċi u tal-​biżaʼ jintwerew regolarment. Barra minn hekk, hija ħaġa komuni li films prodotti f’dan il-​pajjiż u li jintwerew fuq it-​TV ikun fihom l-​ispiritiżmu.”

L-​Afrika t’Isfel: “Ir-​rave parties qegħdin jiffjorixxu hawnhekk, u fihom wieħed jistaʼ jsib drogi kemm irid.”

L-​Isvezja: “Il-​ħwienet tax-​xorb u n-​nightclubs għamlu suċċess fl-​Isvezja, u postijiet bħal dawn spiss ikunu miżgħudin b’nies kriminali u traffikanti tad-​drogi. Id-​divertiment mit-​television u l-​videos huwa mimli vjolenza, spiritiżmu, u immoralità.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja