It-Tobba Jikkunsidraw mill-Ġdid il-Kirurġija Mingħajr Demm
JANET, mara Kanadiża, spjegat lil binha għala kellha l-AIDS. Kienet ħadet il-marda mingħand ir-raġel tagħha qabel ma miet. Min-naħa tiegħu, ir-raġel tagħha, li kien ibati bl-emofilja, x’aktarx li kien ħa l-AIDS meta ngħata element mid-demm. Esperjenzi tal-biżaʼ bħal din huma biss wieħed mill-fatturi li qanqlu lill-komunità medika biex tikkunsidra mill-ġdid l-għoti taʼ trasfużjonijiet tad-demm bħala prattika stabbilita. Tabilħaqq, din is-sena, titlu ewlieni fil-gazzetta The New York Times iddikjara: “Il-Kirurġija ‘Mingħajr Demm’ Tikseb Approvazzjoni Ġdida.”
Diversi konferenzi mediċi enfasizzaw iż-żjieda fl-interess fil-kirurġija mingħajr demm. Fost dawk li nżammu s-sena l-oħra kien hemm tnejn fl-Istati Uniti (Boston u Atlanta), waħda fil-Kanada (Winnipeg), u waħda fil-Latvja (Riga), li kienet konferenza internazzjonali għall-Ewropa tal-Lvant.
Wara iktar minn 50 sena taʼ dipendenza fuq it-trasfużjonijiet tad-demm, għala kien hemm iktar minn 1,400 professjonist minn 12-il pajjiż li attendew għal dawn l-erbaʼ konferenzi u pproklamaw il-kirurġija mingħajr demm bħala “l-metodu tal-futur,” skond kif ġiet espressa f’titlu ewlieni f’gazzetta? Dawn il-konferenzi x’enfasizzaw rigward mediċini, apparat, u tekniki ġodda li jistgħu jeffettwaw il-kura li hija disponibbli għall-familja tiegħek?
Għala Din it-Tfittxija għall-Alternattivi?
Motivazzjoni ewlenija hi l-inabbiltà li l-provvisti tad-demm jiġu mħarsin mill-kontaminazzjoni. Per eżempju, il-gazzetta taʼ Toronto Globe and Mail, tal-31 taʼ Jannar, 1998, tagħmel dan il-kumment dwar “it-traġedja tad-demm ikkontaminat” fil-Kanada fis-snin 80: “L-Epatite Ċ hija marda tal-fwied li tistaʼ ddgħajjef il-ġisem u li għaliha m’hemmx kura. . . . Daqs 60,000 persuna Kanadiża għandhom mnejn ġew infettati permezz taʼ demm ikkontaminat, u dan ifisser li daqs 12,000 jistgħu jmutu bħala riżultat taʼ l-epatite li tinġarr mid-demm.”
Għalkemm proċeduri iktar ġodda taʼ ttestjar naqqsu ħafna mill-periklu, l-Imħallef Horace Krever qal fil-konferenza li nżammet f’Winnipeg: “Il-provvista tad-demm fil-Kanada qatt ma kienet ħielsa għalkollox mill-periklu, u lanqas qatt ma tistaʼ tkun. B’mod inevitabbli, l-użu tad-demm jinvolvi r-riskji.” U r-riskji taʼ li jiġi trasmess il-mard jew li tiġi kkaġunata reazzjoni qawwija fil-ġisem jiżdiedu maʼ kull unit ieħor taʼ demm li jingħata.
Ġewwa Riga, Dr. Jean-Marc Debue, mill-Clinique des Maussins, f’Pariġi, ikkonkluda: “Aħna t-tobba kellna nikkunsidraw mill-ġdid il-proċeduri terapewtiċi li nużaw is-soltu. . . . It-trasfużjonijiet tad-demm tawlu l-ħajjiet taʼ ħafna pazjenti, imma flimkien maʼ dan, ivvelenaw il-ħajjiet t’oħrajn billi tawhom marda li ma tistax tiġi mfejqa.”
Il-proċeduri biex id-demm jiġi ttestjat għal affarijiet li jikkontaminawh għandhom it-tendenza li ma jlaħħqux mal-perikli ġodda taʼ mard li jitfaċċaw, u b’hekk jistgħu ma jkunux taʼ protezzjoni kontriehom. Per eżempju, Dr. Paul Gully, minn Ottawa, f’Ontario, il-Kanada, osserva: “L-Epatite Ġ huwa virus ġdid taʼ l-RNA; diġà ġie trasmess permezz tat-trasfużjonijiet imma r-riskju kurrenti għadna ma nafuhx.”
Periklu ieħor ġie rrapportat fil-ħarġa speċjali medika tar-rivista Time: “It-trasfużjonijiet jistgħu ma jħallux lis-sistema taʼ l-immunità tiffunzjona, . . . u b’hekk iħallu l-pazjent espost għall-infezzjoni, iġagħluh ifiq iktar bil-mod, u jieħu iktar fit-tul biex jirkupra.”
Fattur ieħor huwa l-flus li jiġu ffrankati. Skond ir-rivista Time, fl-Istati Uniti kull trasfużjoni tad-demm tistaʼ tiswa $500 [Lm192]. U f’xi postijiet, il-provvista tad-demm qed tonqos sewwa minħabba li hemm inqas donaturi.
Il-pazjenti jiffrankaw iktar flus anki minħabba li jkollhom rata iktar baxxa taʼ infezzjoni u li jdumu inqas fl-isptar. Meta tkellem f’Winnipeg, Durhane Wong-Rieger, mill-Canadian Hemophilia Society, qal dan dwar il-kirurġija mingħajr demm: “Aħna nħossu li din hi essenzjali. Hija ekonomika u m’hemm ebda dubju li se ttejjeb is-saħħa tal-pazjenti.”
Hemm ukoll żjieda fid-domanda għall-kirurġija mingħajr demm, u din qed tiġi mingħand kostitwenza iktar vasta taʼ pazjenti. Dr. David Rosencrantz, mil-Legacy Portland Hospitals (taʼ Oregon, fl-Istati Uniti), stqarr li għall-bidu, “100% taʼ dawk li ġew għandna għamlu hekk fuq bażi reliġjuża.” Madankollu, issa mill-inqas 15 fil-mija jippreferu alternattivi mediċi mit-trasfużjonijiet tad-demm, imma mhux minħabba kuxjenza reliġjuża.
Varjetà t’Opinjonijiet
Fl-erbaʼ konferenzi, punt ewlieni li kien hemm qbil dwaru kien, li meta jintuża d-demm taʼ l-individwu stess, dan ikun ferm inqas taʼ periklu milli meta jintuża demm mogħti minn nies oħrajn. Minħabba f’dan, xi wħud jirrikkmandaw li wieħed jaħżen id-demm tiegħu stess qabel l-operazzjoni. Madankollu, ħafna osservaw li ma jkunx hemm ċans biex jiġi maħżun id-demm f’każi t’emerġenza. Barra minn hekk, wieħed irid iqis l-oġġezzjoni reliġjuża tax-Xhieda taʼ Jehovah rigward l-użu taʼ kwalunkwe demm maħżun.a
Dr. Bruce Leone, mid-Duke University, taʼ North Carolina, fl-Istati Uniti, qal fil-konferenza Kanadiża: “L-għoti tad-demm [taʼ l-individwu stess] qabel l-operazzjoni jiswa ħafna flus, jinvolvi ħafna xogħol, ma jeliminax l-iktar kaġun komuni taʼ mard assoċjat mat-trasfużjonijiet [li huwa żball klerikali—jiġifieri taʼ l-uffiċċju jew proċedurali] u jirrikjedi ammont taʼ ħin mhux ħażin qabel il-kirurġija.”
Ħafna tobba huma favur li jkomplu jiġu żviluppati trattamenti mediċi u tekniki li jnaqqsu drastikament l-użu tat-trasfużjonijiet tad-demm. Huma jinsistu li t-trasfużjonijiet tad-demm għandhom jintużaw biss f’sitwazzjonijiet t’emerġenza. Mill-banda l-oħra, oħrajn issa essenzjalment jeliminaw għalkollox it-trasfużjonijiet tad-demm mill-prattika tagħhom. Huma jsemmu operazzjonijiet estremament diffiċli—hip replacement, kirurġija newroloġika komplessa, u kirurġija tal-qalb fuq it-tfal u l-adulti—li saru mingħajr demm, fejn il-pazjenti rkupraw fi żmien qasir.
Sal-lum, hemm iktar minn 100 sptar madwar id-dinja li joffru programmi taʼ kura mingħajr demm, u li iktar minn 70 minnhom jinsabu fl-Istati Uniti. Fil-fatt, issa hemm iktar minn 88,000 tabib madwar id-dinja li qegħdin jikkooperaw maʼ pazjenti li ma jridux demm.
Tekniki Ġodda
Fil-konferenza li saret f’Atlanta, il-kelliema, wieħed wara l-ieħor, ammettew li huma kienu żviluppaw teknika partikulari għall-ewwel darba meta kkuraw lix-Xhieda taʼ Jehovah.b Ħafna rriflettew is-sentimenti taʼ Dr. James Schick, mill-Encino-Tarzana Regional Medical Center, f’Los Angeles, li osserva li minħabba l-proċeduri ġodda li ġew żviluppati waqt li kien qed jikkura trabi prematuri tax-Xhieda taʼ Jehovah, issa qed juża 50 fil-mija inqas demm f’kull każ li jinvolvi pazjenti ċkejknin. M’għandniex xi ngħidu, proċeduri ġodda bħal dawn urew kemm kienu taʼ siwi kbir anki f’każi taʼ pazjenti adulti.
Dr. Jean-François Hardy, mill-Montreal Heart Institute, osserva: “Il-kirurġija mingħajr demm ma tistax issir bil-għajnuna taʼ xi intervent terapewtiku wieħed . . . Pjuttost, dan l-objettiv jistaʼ jintlaħaq biss billi ngħaqqdu flimkien diversi strateġiji.”
Fost it-tekniki l-ġodda hemm (1) il-preparazzjoni qabel l-operazzjoni, (2) il-prevenzjoni tat-telf taʼ demm waqt il-kirurġija, u (3) l-kura wara l-operazzjoni. Ovvjament, il-proċeduri kirurġiċi kollha huma effettwati bil-kbir mill-fattur tal-ħin, jiġifieri, jekk ikunx hemm żmien qabel l-operazzjoni biex il-pazjent jilħaq jissaħħaħ ħalli jkun jiflaħ għall-operazzjoni, jew ikunx hemm żmien għal dan għax tkun meħtieġa kirurġija t’emerġenza.
Il-mod ideali kif wieħed jipprepara ruħu għall-kirurġija mingħajr demm huwa billi qabel l-operazzjoni jieħu kura biex iżid il-livell taċ-ċelloli fid-demm u jtejjeb is-saħħa ġenerali. Dan jinkludi supplimenti qawwijin tal-ħadid u vitamini, kif ukoll, jekk dan ikun taʼ ġid, dożi taʼ erythropoietin sintetiku, droga li tistimula l-mudullun tal-pazjent biex jipproduċi ċ-ċelloli ħomor tad-demm b’rata iktar mgħaġġla. It-teknoloġija li tippermetti li ssir mikroanaliżi tagħmilha possibbli li jittieħed inqas demm biex jiġi ttestjat, u madankollu jinkisbu riżultati aħjar mid-demm li jkun inġibed. Dan huwa vitali għal trabi prematuri u pazjenti akbar fl-età li jkunu tilfu ammont konsiderevoli taʼ demm.
Il-volume expanders, likwidi li jiġu injettati fil-vini biex jespandu l-volum tad-demm, huma wkoll t’għajnuna. F’xi faċilitajiet, jintuża anki l-hyperbaric oxygen chamber biex jingħata iktar ossiġnu lil pazjent li jkollu bżonnu minħabba li jkun tilef ħafna demm. Fil-konferenza t’Atlanta, Dr. Robert Bartlett spjega li l-oxygen chamber huwa utli ferm imma jrid jintuża b’attenzjoni għax jekk l-ossiġnu jingħata f’dożi qawwijin, dan ikun tossiku.
Għat-tieni pass, il-prevenzjoni tat-telf taʼ demm waqt l-operazzjoni, hemm għażla taʼ strumenti u teknoloġiji ġodda. Dawn jgħinu biex jimminimizzaw it-telf taʼ demm; jirrikjedu inqas inċiżjonijiet u inserzjonijiet taʼ strumenti fil-ġisem, u b’hekk jiġu mminimizzati kemm it-telf taʼ demm u kemm it-trawma; jew jgħinu immedjatament biex jinġabar u jerġaʼ jintuża dak id-demm li l-pazjent kieku jitlef waqt l-operazzjoni. Ikkunsidra biss ftit mit-tekniki ġodda.
◼ L-electric cautery device juża s-sħana biex iwaqqaf id-demm milli joħroġ mill-vini.
◼ L-argon beam coagulator jgħin biex ma jintilifx demm waqt il-kirurġija.
◼ Il-harmonic scalpel juża l-vibrazzjoni u l-frizzjoni biex jaqtaʼ u jġiegħel lid-demm jagħqad tistaʼ tgħid fl-istess ħin.
◼ Waqt ċerti tipi taʼ operazzjonijiet, taʼ spiss jintużaw drogi bħalma huma t-tranexamic acid u d-desmopressin biex iġagħlu lid-demm jagħqad iktar malajr u jnaqqsu t-telf taʼ demm.
◼ L-anestesija ipotensiva (hypotensive anesthesia) tnaqqas it-telf taʼ demm billi tbaxxi l-pressjoni tad-demm.
It-titjib fl-apparat li jsalva d-demm, li jintuża waqt l-operazzjonijiet, ukoll huwa sinjifikanti. Waqt operazzjoni, dan l-apparat jiġbor u jerġaʼ juża immedjatament id-demm tal-pazjent stess, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġi maħżun.c Apparat iktar modern, fil-waqt li jibqaʼ kkonnettjat mal-pazjent, jistaʼ saħansitra jissepara d-demm f’komponenti u jerġaʼ juża dawk li jkun hemm bżonn minnhom.
Wara l-konferenza ġewwa Riga u malli semgħu bil-bżonn li kien hemm fil-Latvja, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Isvezja rregalaw żewġ apparati li jsalvaw iċ-ċelloli lil-Latvja. Il-wasla taʼ l-ewwel apparat u l-benefiċċji tal-kirurġija mingħajr demm tant ħolqu entużjażmu fil-Latvja li din il-ġrajja ntweriet fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali t’hemmhekk.
Il-kura taʼ wara l-operazzjoni taʼ spiss tkun tinkludi ħafna mill-istess metodi li jintużaw biex isaħħu d-demm li jkunu ntużaw fil-preparazzjoni taʼ qabel l-operazzjoni. Madankollu, il-kura li tingħata wara l-operazzjoni lil pazjenti li ma jkunux ħadu trasfużjoni taʼ spiss tkun iktar faċli minn dik li tingħata lil dawk li jkunu ħadu trasfużjoni. Għala?
Riżultati Impressjonanti
Fil-waqt li t-tekniki li jeliminaw l-użu tad-demm taʼ spiss ikunu jirrikjedu iktar xogħol qabel u waqt l-operazzjoni, il-kirurgi osservaw li l-pazjenti jibbenefikaw minħabba li wara l-operazzjoni jirkupraw iktar malajr. Huma ma jsofrux mill-komplikazzjonijiet li taʼ spiss iġibu magħhom it-trasfużjonijiet. Ir-rekords juru li pazjenti li ma jkunux ħadu demm idumu inqas fl-isptar.
Dr. Todd Rosengart, minn The New York Hospital-Cornell University Medical Center, osserva li l-istrateġija tagħhom biex jiġi kkonservat id-demm, li tinvolvi tmien stadji, ippermettiet li jsiru operazzjonijiet tal-qalb mingħajr demm bla biżaʼ taʼ xejn. Dr. Manuel Estioko, mill-Good Samaritan Hospital f’Los Angeles, tkellem dwar ‘l-esperjenza vasta tagħhom taʼ mijiet taʼ operazzjonijiet tal-qalb mingħajr demm.’ Dr. S. Subramanian irrapporta dwar is-suċċess li kellhom fil-kirurġija tal-qalb mingħajr demm fuq it-tfal fil-Miami Children’s Hospital.
Il-kirurġija ortopedika, b’mod partikulari dik tal-hip replacement, hija qasam li hu verament taʼ sfida. Madankollu, fil-konferenza taʼ Riga, Dr. Olle Hägg, mill-Uddevalla Hospital fl-Isvezja, irrapporta li billi għaqqdu flimkien “l-istrateġija kirurġika u l-preċiżjoni”, dan ippermettielhom li jnaqqsu sewwa t-telf taʼ demm fil-każi taʼ pazjenti li huma Xhieda taʼ Jehovah. Tabilħaqq, Mr. Richard R. R. H. Coombs, mill-Imperial College School of Medicine, taʼ Londra, qal li “99.9 fil-mija tal-kirurġija ortopedika kollha tistaʼ ssir mingħajr . . . trasfużjonijiet tad-demm.”
Il-Futur
L-għadd taʼ sptarijiet u tobba li jużaw metodi mingħajr demm ikompli jiżdied. U konferenzi fejn dan l-għarfien jaqsmuh flimkien kienu taʼ għajnuna kbira ferm, minħabba li t-tobba jsiru jafu b’alternattivi li jkunu ġew ipprovati b’suċċess u jkunu qed jintużaw regolarment.
Dr. Richard Nalick, mill-University of Southern California School of Medicine, qal: “Hemm għadd li dejjem jiżdied taʼ nies li jixtiequ kura medika u kirurġika mingħajr demm . . . Il-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm jirrappreżentaw proċedura modernissima u m’għandhomx jiġu kkunsidrati b’mod żbaljat bħala ‘terapija alternattiva’ inqas effettiva.”
Hekk kif il-problemi relatati mat-trasfużjonijiet tad-demm ikomplu u d-domanda pubblika għall-alternattivi tiżdied, il-futur tal-kirurġija mingħajr demm jidher li huwa wieħed promettenti.
[Noti taʼ taħt]
a Ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu f’kura medika għalihom u għal uliedhom. Madankollu, fuq il-bażi tal-projbizzjoni ċara tal-Bibbja kontra li jittieħed id-demm fil-ġisem, huma joġġezzjonaw għat-trasfużjonijiet tad-demm. (Ġenesi 9:3, 4; Atti 15:28, 29) Għal iktar informazzjoni, ara l-browxer Id-Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek?, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Il-fatt li qegħdin niddiskutu d-diversi tekniki ppreżentati f’dawn il-konferenzi bl-ebda mod ma jistabbilixxi l-approvazzjoni tar-rivista Stenbaħ! Aħna qegħdin sempliċement nirrapportaw dwar dawn l-iżviluppi.
c Rigward l-użu xieraq t’apparat bħal dan u l-irwol tal-kuxjenza, il-qarrej għandu mnejn jixtieq jirreferi għat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 1989, paġni 15, 16 (The Watchtower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1989, paġni 30-1).
[Stampa f’paġna 21]
Iktar u iktar tobba qegħdin jonoraw ix-xewqa tal-pazjenti tagħhom rigward il-kirurġija mingħajr demm