Int Tiffrankaha jew Taħliha l-Enerġija?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-BRITANNJA
HUWA stmat li elf miljun dollaru (kważi erbaʼ mitt miljun lira Maltija) taʼ enerġija li hija biżżejjed biex tipprovdi l-elettriku lil belt kbira daqs Chicago, tinħela kull sena fl-Istati Uniti. Kif? Apparati bħal kompjuters, magni tal-fax, vidjos, televixins, CD players, u saħansitra magni tal-kafè taʼ spiss jitħallew fuq standby mode. Dan isir sabiex l-arloġġi li jkollhom ma jiqfux, biex iżommu dak li jkollhom fil-memorja, u biex juru s-settings tagħhom—jew sempliċement sabiex ikunu għal-lest biex jintużaw minnufih.
Huwa kkalkulat li fil-Britannja l-enerġija konsmata annwalment minn apparati weqfin bħal dawn toħloq, permezz tal-produzzjoni mill-power stations, nofs miljun tunnellata taʼ gassijiet li jikkaġunaw l-effett-serra. Dawn il-gassijiet jintefgħu ’l barra għal ġo l-atmosfera u jistgħu jkunu qed iżidu maʼ l-effetti taż-żjieda fis-sħana globali. “Hi kemm hi in voga l-ideoloġija taʼ movimenti ħodor fost konsumaturi żgħażagħ, ftit huma dawk li jorbtu l-produzzjoni taʼ l-elettriku maż-żjieda fis-sħana tal-pjaneta,” tgħid il-gazzetta taʼ Londra The Times.
Ġeneralment ftit jintebħu li ħafna apparati elettroniċi, waqt li jkunu fuq standby mode, jużaw enerġija kważi daqs kemm jużaw waqt li jkunu għaddejjin fl-aqwa tagħhom. Per eżempju, sistema taʼ televixin bis-satellita tistaʼ tuża 15-il watt meta tkun qed tintuża, u 14-il watt, watt wieħed biss inqas, meta tkun fuq standby mode. Jiddependi wkoll jekk tkunx ġiet disinjata ħażin. CD player wieħed li ġie testjat uża 28 watt meta kien fuq standby mode, imma mudell ieħor b’karatteristiċi simili uża 2 watts biss. Imma issa ġiet disinjata chip tal-kompjuter ġdida li jingħad li tistaʼ tnaqqas il-konsum waqt standby mode minn 10 watts sa watt wieħed jew saħansitra sa xejn għajr 0.1 taʼ watt. Huwa ttamat li fil-ġlieda kontinwa kontra t-tniġġis, il-manifatturi madwar id-dinja eventwalment jibdew jużaw din iċ-chip, li tiswa xi $2.50 (madwar Lm 1) bħala komponent standard. Sadanittant, int x’tistaʼ tagħmel?
Il-ministru Ingliż għall-ambjent josserva: “L-ammont taʼ elettriku li jaħli apparat bħal dan jistaʼ jidher bħala insinjifikanti. Imma peress li hawn 60 miljun ruħ fuq dawn il-gżejjer [Britanniċi] dan jakkumula mhux ħażin.” Affarijiet tad-dar bħal friġġijiet ovvjament ma jistgħux jintfew. Imma tajjeb li niħduha drawwa li nitfu d-dwal li m’humiex meħtieġa u li nitfu apparati elettroniċi oħrajn minflok ma nħalluhom fuq standby mode. Dan mhux biss se jgħinek tiffranka l-flus imma se jgħin ukoll biex lill-pjaneta tagħna tiffrankalha tniġġis bla bżonn.