LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 12/8 pp. 3-7
  • ‘L-iktar Bidliet Profondi’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘L-iktar Bidliet Profondi’
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Taqlib Politiku
  • Seklu taʼ Gwerer
  • “Wieħed mill-​Iktar Spettakli Drammatiċi”
  • Bidla Notevoli Għall-aħjar
    Stenbaħ!—1999
  • Tfittxija Għall-ħajja Komda
    Stenbaħ!—1999
  • Il-Pjani tal-Bniedem Għal Sigurtà Internazzjonali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Is-​Slaten Rivali Jidħlu fis-​Seklu 20
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 12/8 pp. 3-7

‘L-​iktar Bidliet Profondi’

“Is-​seklu 20 ra l-​iktar bidliet profondi u estensivi li qatt dehru fi kwalunkwe seklu ieħor fl-​istorja umana.”— The Times Atlas of the 20th Century.

META jħarsu lura lejn is-​seklu 20, ħafna bla dubju jaqblu maʼ Walter Isaacson, l-​editur li jidderieġi r-​rivista Time, li qal: ‘Meta jitqabbel maʼ sekli oħrajn, dan kien wieħed mill-​iktar sekli taʼ l-​għaġeb: seklu li jispira, xi drabi li jwerwer, u dejjem affaxxinanti.’

Gro Harlem Brundtland, li qabel kienet prim ministru tan-​Norveġja, bl-​istess mod tgħid li dan is-​seklu ssejjaħ ‘is-​seklu taʼ l-​estremi, . . . fejn il-​ħażen taʼ l-​umanità waqaʼ fil-​baxx għall-​aħħar.’ Hi tinnota li dan kien “seklu taʼ progress kbir [u f’xi postijiet taʼ] tkabbir ekonomiku li qatt ma kien hawn bħalu.” Madankollu, fl-​istess ħin, inħawi urbani foqra jiffaċċjaw futur bla tama taʼ “rassa kbira taʼ nies u mewġa taʼ mard konness mal-​faqar u m’ambjent mhux f’saħħtu.”

Taqlib Politiku

Meta beda s-​seklu 20, id-​dinastija tal-​Manċu fiċ-​Ċina, l-​Imperu Ottoman, u diversi imperi Ewropej kienu jikkontrollaw il-​biċċa l-​kbira tad-​dinja. L-​Imperu Ingliż waħdu kien ikopri kwart tal-​globu u kien jaħkem sewwa sew fuq persuna minn kull erbgħa li kien hawn fid-​dinja. Ħafna żmien qabel ma spiċċa s-​seklu, dawn l-​imperi kollha kienu ndifnu fil-​kotba taʼ l-​istorja. “Fl-​1945,” jgħid The Times Atlas of the 20th Century, “l-​era taʼ l-​imperjaliżmu kienet mejta.”

It-tmiem tal-​kolonjaliżmu ppermetta l-​mewġa taʼ nazzjonaliżmu li nfirxet maʼ l-​Ewropa bejn is-​sekli 17 u 19 biex tgħaddi għal fuq partijiet oħra tad-​dinja. The New Encyclopædia Britannica tgħid: “Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija l-​fervur nazzjonalist batta f’ħafna ġnus Ewropej . . . Madankollu, fl-​Asja u fl-​Afrika, in-​nazzjonaliżmu kiber malajr, prinċipalment bħala reazzjoni kontra l-​kolonjaliżmu.” Fl-​aħħar, skond The Collins Atlas of World History, “it-​Tielet Dinja kienet feġġet fuq ix-​xena storika, u era li kienet bdiet ħames sekli qabel bit-​twelid taʼ l-​espansjoni Ewropea kienet issa ġiet fi tmiemha.”

Hekk kif imperi tfarrku, tfaċċaw ġnus indipendenti—li għadd kbir minnhom kellhom gvernijiet bi stil demokratiku. Taʼ spiss, it-​tmexxija demokratika ffaċċjat oppożizzjoni ħarxa, bħal per eżempju mingħand gvernijiet totalitarji qawwijin li kien hemm fl-​Ewropa u fl-​Asja matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Dawn ir-​reġimi rażżnu l-​libertà persunali u żammew kontroll qawwi fuq l-​ekonomija, fuq ix-​xandir, u fuq il-​forzi armati. L-​attentati tagħhom biex jiksbu t-​tmexxija tad-​dinja fl-​aħħar ġew imwaqqfa, imma biss wara li kien sar tħarbit tremend taʼ flus u taʼ ħajjiet umani.

Seklu taʼ Gwerer

Tabilħaqq, dak li jiddistingwi b’mod partikulari s-​seklu 20 mis-​sekli kollha taʼ qablu huwa l-​gwerer. Rigward l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​istorjografu Ġermaniż Guido Knopp jikteb: “L-​1 t’Awissu, 1914: Ħadd m’għaddielu minn moħħu li s-​seklu 19, li kien ta lill-​Ewropej perijodu twil taʼ paċi, kien spiċċa dakinhar; u ħadd ma induna li s-​seklu 20 attwalment kien beda biss dakinhar—bi żmien taʼ gwerer li dam tletin sena u li wera x’kapaċi jagħmlu n-​nies lill-​bnedmin sħabhom.”

Hugh Brogan, professur taʼ l-​istorja, fakkarna li “l-​impatt taʼ dik il-​gwerra fuq l-​Istati Uniti kien immens, iwaħħax, u għadu jinħass sal-​lum [fl-1998].” Professur taʼ l-​istorja fl-​Università taʼ Harvard, Akira Iriye, qal: “L-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet ġrajja sinjifikanti f’ħafna modi fl-​istorja taʼ l-​Asja tal-​Lvant u taʼ l-​Istati Uniti.”

Bir-raġun, The New Encyclopædia Britannica tinnomina lill-​ewwel u lit-​tieni gwerer dinjin bħala ‘l-​fatturi kruċjali l-​kbar taʼ l-​istorja ġeopolitika tas-​seklu 20.’ Din tinnota li “l-​Ewwel Gwerra Dinjija wasslet għall-​waqgħa taʼ erbaʼ dinastiji imperjali . . . , irriżultat fir-​Rivoluzzjoni Bolxevista fir-​Russja, u . . . ħejjiet il-​pedament għat-​Tieni Gwerra Dinjija.” Tgħidilna wkoll li l-​gwerer dinjin tistaʼ tgħid li ‘raw iktar tbiċċir, massakri, u qerda minn kwalunkwe gwerra oħra li seħħet qabilhom.’ Guido Knopp bl-​istess mod jgħid: “Il-​krudeltà u l-​brutalità umana kienu jisbqu l-​agħar stennijiet. Fit-​trinċieri . . . nżergħu żrieragħ għal era fejn il-​bnedmin kienu meqjusin bħala materjal, mhux bħala individwi.”

Sabiex ma jseħħux iktar gwerer katastrofiċi bħal dawn, fl-​1919 ġiet ifformata l-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Billi naqset li tilħaq l-​iskop tagħha li żżomm il-​paċi fid-​dinja, ħaditilha postha l-​Ġnus Magħquda. Għalkemm irnexxielha żżomm it-​tielet gwerra dinjija milli tfaqqaʼ, il-​Ġnus Magħquda ma kinitx kapaċi żżomm il-​Gwerra Bierda milli tibda, li għal għaxriet taʼ snin heddet li tikber f’olokawst nukleari. Lanqas ma rnexxielha twaqqaf konflitti iżgħar madwar id-​dinja, bħal fil-​Balkani.

Bħalma żdied l-​għadd taʼ ġnus fid-​dinja, hekk ukoll żdiedet id-​diffikultà biex tinżamm il-​paċi bejniethom. Jekk wieħed iqabbel mappa taʼ qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija maʼ waħda moderna, dan jiskopri li fil-​bidu tas-​seklu, minn taʼ l-​inqas 51 pajjiż Afrikan u 44 pajjiż Asjatiku li jeżistu llum lanqas biss kienu jeżistu bħala talin f’dak iż-​żmien. Mill-​185 membru preżenti tal-​Ġnus Magħquda, 116 minnhom ma kinux jeżistu bħala stati indipendenti meta din twaqqfet fl-​1945!

“Wieħed mill-​Iktar Spettakli Drammatiċi”

Hekk kif is-​seklu 19 qorob lejn tmiemu, l-​Imperu Russu kien l-​akbar qawwa militari li kien hawn fid-​dinja. Imma kien qiegħed jitlef l-​appoġġ tiegħu bil-​ħeffa. Skond il-​kittieb Geoffrey Ponton, ħafna nies ħasbu li “rivoluzzjoni kienet neċessarja iktar minn riforma u li din kienet inevitabbli fl-​aħħar mill-​aħħar.” Hu jżid: “Imma kien hemm bżonn gwerra kbira, l-​Ewwel Gwerra Dinjija, u l-​kaos li ġabet magħha, biex tassew tqajjem rivoluzzjoni.”

It-tlugħ fil-​poter tal-​Bolxevisti fir-​Russja f’dak iż-​żmien ħejja l-​pedament għal imperu ġdid—il-​Komuniżmu dinji sponsorjat mill-​Unjoni Sovjetika. Għalkemm twieled f’nofs gwerra globali, l-​Imperu Sovjetiku ma spiċċax b’xita taʼ balal. Il-​ktieb Down With Big Brother, taʼ Michael Dobbs, isostni li lejn l-​aħħar tas-​snin 70, l-​Unjoni Sovjetika kienet “imperu multinazzjonali vast li kien diġà qabad niżla irriversibbli.”

Xorta waħda, il-​waqgħa tagħha seħħet f’daqqa. Il-​ktieb Europe—A History, taʼ Norman Davies, jikkummenta: “Il-​ħeffa tal-​waqgħa tagħha għelbet it-​tkaxkiriet il-​kbar l-​oħra kollha li ġraw fl-​istorja Ewropea,” u “din ġrat b’kawżi naturali.” Verament, “il-​qawma, l-​iżvilupp u l-​waqgħa taʼ l-​Unjoni Sovjetika,” jgħid Ponton, kien “wieħed mill-​iktar spettakli drammatiċi tas-​seklu għoxrin.”

Attwalment, il-​waqgħa taʼ l-​Unjoni Sovjetika kienet biss waħda minn serje taʼ bidliet profondi fis-​seklu 20 li kellhom konsegwenzi estensivi. M’għandniex xi ngħidu, il-​bidliet politiċi m’humiex xi ħaġa ġdida. Dawn ilhom iseħħu għal eluf taʼ snin.

Madankollu, bidla minnhom li seħħet fil-​qasam tal-​gvernijiet matul is-​seklu 20 hija sinjifikanti b’mod speċjali. X’inhi din il-​bidla u kif din teffettwak personalment se jiġi diskuss iktar tard.

L-ewwel, iżda, ejja neżaminaw xi ftit mill-​kisbiet li għamlet ix-​xjenza fis-​seklu 20. Rigward dawn, il-​Professur Michael Howard jikkonkludi: “Il-​popli taʼ l-​Ewropa tal-​Punent u taʼ l-​Amerka taʼ Fuq deher li kellhom kull raġun jilqgħu s-​seklu għoxrin bħala t-​twelid taʼ era ġdida u iktar ferħana fl-​istorja taʼ l-​umanità.” Kienu dawn l-​avvanzi se jwasslu għal ħajja komda?

[Tabella/Stampi f’paġna 3-7]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

1917

L-​aħħar kżar, Nicholas II, mal-​familja tiegħu

Lenin iwassal lir-​Russja għal rivoluzzjoni

1919

Tiġi fformata l-​Lega tan-​Nazzjonijiet

1929

Il-​waqgħa tas-​suq taʼ l-​ishma Amerikan iwassal għad-​ Dipressjoni l-​Kbira

Gandhi jkompli t-​taqbida tiegħu għall-​indipendenza taʼ l-​Indja

1939

Adolf Hitler jinvadi l-​Polonja, u beda t-​Tieni Gwerra Dinjija

Winston Churchill isir prim ministru tal-​Gran Britannja fl-​1940

L-​Olokawst

1941

Il-​Ġappun jibbombardja lil Pearl Harbor

1945

L-​Istati Uniti titfaʼ bombi atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki. Tispiċċa t-​Tieni Gwerra Dinjija

1946

L-​Assemblea Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda tiltaqaʼ għall-​ewwel darba

1949

Mao Tse-tung jipproklama r-​Repubblika tal-​Poplu taċ-​Ċina

1960

Jinħolqu sbatax-il nazzjon Afrikan ġdid

1975

Tispiċċa l-​Gwerra tal-​Vjetnam

1989

Jitwaqqaʼ l-​Ħajt taʼ Berlin hekk kif il-​Komuniżmu jonqoslu l-​poter

1991

Tisfaxxa l-​Unjoni Sovjetika

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja