Dwettisti li jgħaxxquk
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-KENJA
IŻ-ŻEWĠ kantanti ħarsu lejn xulxin, lesti biex jibdew il-wirja tagħhom. Il-kantant prinċipali baxxa ftit rasu u pproduċa nota ħelwa u ċara li tant kienet mużikali u intonata li fl-arja bikrija taʼ fil-għodu dwiet għal distanza twila. It-tieni kantant imbagħad bil-grazzja kollha baxxa rasu u fil-ħin eżatt ipproduċa nota fluwida, ottava ogħla. Hekk kif id-dwett beda jżid fil-qawwa u fl-intensità, iż-żewġ ilħna bdew jinstemgħu bħallikieku kienu leħen wieħed. Jien qgħadt nismaʼ, mgħaġġeb u maħkum bl-eċċitament għas-sengħa tagħhom hekk żviluppata tajjeb u għall-kwalità tal-vuċi tagħhom.
Dan il-kant virtuoso ma ġiex kantat f’xi teatru ppakkjat. Minflok, din il-wirja ngħatat minn fuq fergħa taʼ siġra qrib id-dar tiegħi hawn fil-Kenja—minn żewġ għasafar. Meta l-għanja tagħhom kienet spiċċat, dawn il-kantanti kollhom rix waqqfu dritti, fetħu ġwinħajhom, u taru ’l hemm.
Xi għasafar li jkunu taʼ l-istess razza mhux biss iħobbu jkunu flimkien imma, xi ħaġa taʼ l-iskantament, iħobbu jkantaw flimkien—u dan jagħmluh bl-akbar preċiżjoni. Jekk ma jkunx qed jarahom b’għajnejh stess, dwetti bħal dawn tant huma armonjużi li, spiss tkun xi ħaġa impossibbli biex is-semmiegħ jinduna li huma żewġ għasafar differenti li qegħdin joħolqu din il-mużika! Saħansitra xjenzati ġew imqarrqin. B’hekk, kien biss fi żmien reċenti li l-għana tad-dwetti ġie rikonoxxut bħala forma taʼ mġiba fost l-għasafar.
L-Għasfur b’Għanja Ħoss taʼ Qanpiena
Per eżempju, il-boubou tropikali huwa kantant li jispikka. Issibu fil-kontinent Afrikan u għandu għanja unika bħal taʼ flawt, li taʼ spiss tixbah il-ħoss vibranti li joħroġ meta tħabbat biċċtejn metall flimkien. B’hekk, taʼ spiss jissejjaħ l-għasfur b’għanja ħoss taʼ qanpiena. Il-boubou huwa mlibbes b’mod mill-isbaħ, bi ġwinħajh, il-qorriegħa u wara għonqu iswed bellusi. Ir-rix abjad silġ taʼ fuq sidru u l-faxx abjad fuq ġwinħajh jagħmlu kuntrast qawwi. Il-boubous issibhom dejjem f’pari, u kemm ir-raġel kif ukoll il-mara tistaʼ tgħid li għandhom l-istess marki u kuluri.
Kulmin ikun għaddej minn xi foresta jew xi bosk jinduna bil-preżenza tal-boubous ħafna qabel ma jarahom. Ir-raġel taʼ spiss ilissen f’ħin qasir tliet noti qishom taʼ qanpiena. Dawn immedjatament jiġu mwieġba bl-għajta kwiii mill-mara. Xi drabi wieħed mill-għasafar jgħanni sekwenza kontinwa taʼ noti waqt li l-ieħor ikompli, b’ton armonjuż wieħed—nota melodjuża li tkompli maʼ l-għanja mingħajr l-ebda waqfa li wieħed jistaʼ jinduna biha.
Il-mod kif tintlaħaq eżatt din il-koordinazzjoni m’huwiex mifhum eżatt mix-xjenzati. Xi wħud jaħsbu, għall-inqas f’xi każi, li din il-prattika tipperfezzjona ruħha biż-żmien. Ir-raġel u l-mara jgħannu flimkien jum wara l-ieħor, u b’hekk jilħqu l-livell għoli taʼ preċiżjoni tagħhom.
Taʼ interess, il-boubous taʼ spiss għandhom “aċċent” li jvarja skond il-post. Dan jidher li ġej mill-fatt li huma jipprovaw jimitaw ħsejjes lokali jew għanjiet taʼ għasafar oħra. Dan il-proċess jissejjaħ l-ikkopjar tal-vuċi. Bħala riżultat, l-għanjiet tal-boubous li jinstemgħu fl-imsaġar taʼ l-Afrika t’Isfel jistgħu jkunu kemxejn differenti minn dawk li jinstemgħu fil-Great Rift Valley taʼ l-Afrika tal-Lvant.
Imseħbin għal Għomorhom
Fil-ktieb The Trials of Life, David Attenborough josserva: “Hija xi ħaġa li tolqtok meta tiskopri li pari li jiddwettaw, bħala prinċipju, jibqgħu flimkien staġun wara l-ieħor, jekk mhux għal għomorhom kollu.” X’iwassal għal għaqda b’saħħitha bħal din? Attenborough jkompli: “Wara li jiżviluppaw it-teknika huma jipprattikawha wkoll bħala xi ħaġa li ssaħħilhom l-għaqda taʼ bejniethom, saħansitra jkantaw id-dwetti komplessi tagħhom waqt li jkunu fuq xi fergħa ħdejn xulxin; u xi drabi, jekk wieħed mill-par ma jkunx hemm, l-għasfur li jkun qiegħed waħdu jkanta l-melodija elaborata kollha kemm hi waħdu billi jimla l-partijiet neqsin hu stess.”
L-għanjiet jistgħu wkoll iservu biex jgħinu lill-għasafar isibu lil xulxin f’veġitazzjoni sfiqa. Meta r-raġel ikun irid jaf fejn qegħda seħbitu, hu jibda serje taʼ noti melodiċi. Il-mara tingħaqad miegħu, saħansitra jekk tkun xi ftit ’il bogħod. Tant ikunu preċiżi fiż-żamma tal-ħin tagħhom li jkunu qishom ippjanaw il-kant minn qabel.
Isaffru waqt li Jaħdmu
Tieħu pjaċir tismaʼ xi naqra mużika waqt li tkun qed taħdem? Milli jidher, ħafna għasafar iħobbu jagħmlu dan ukoll. Il-ktieb The Private Life of Birds, minn Michael Bright, jinnota li l-għanjiet taʼ l-għasafar għandhom effett fiżiku stimulanti fuq dawk li jkunu qed jisimgħuhom. Hu jgħid li wara li ġew esposti għall-għanjiet, “ir-rata tat-taħbit tal-qalb taʼ l-għasafar irġiel u nisa żdiedet.” Barra minn hekk, xi għasafar nisa “jibnu l-bejtiet tagħhom iktar malajr” u “jkollhom tendenza li jbidu iktar bajd” meta jkunu qegħdin jisimgħu l-għanjiet taʼ l-għasafar irġiel.
Bla dubju x-xjenzati se jkomplu jiskopru affarijiet taʼ l-għaġeb dwar dawn l-għasafar dwettisti, bħall-boubou tropikali. Imma hu x’inhu l-valur taʼ l-għanjiet eċċitanti tagħhom, ejja ma ninsewx il-fatt li jservu saħansitra skop grandjuż ieħor. Ipaxxu lill-irġiel u lin-nisa li jisimgħuhom! Tabilħaqq, mużika taʼ l-għaġeb bħal din tħeġġek biex tagħti ġieħ lill-Ħallieq taʼ “l-għasafar taʼ l-ajru.”—Salm 8:9 [8:8, NW].