LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 2/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Turiżmu Jittrijonfa
  • Periklu f’Waqfa Qasira?
  • “L-​Iktar Sustanza Vitali għall-​Ħajja”
  • Nagħsa fuq ix-​Xogħol
  • Il-​Popolazzjoni taʼ l-​Indja Taqbeż l-​Elf Miljun
  • Tinżel ir-​Rata taż-​Żwieġ fl-​Istati Uniti
  • Problemi fl-​Edukazzjoni fl-​Afrika
  • Uġigħ taʼ Ras minn Pilloli għall-​Uġigħ!
  • Jinstab li Mumja Kellu Sabaʼ Prostetiku
  • Kif Tieħu Ħsieb Ilsienek
  • Għajn Ġdida fuq l-​Univers
  • It-Turiżmu Industrija Globali
    Stenbaħ!—2002
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
    Stenbaħ!—1997
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
  • Huwa dnub li tpejjep?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 2/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

It-​Turiżmu Jittrijonfa

Skond it-​tbassir mill-​Organizzazzjoni Dinjija tat-​Turiżmu (World Tourism Organization [WTO]), “in-​numru taʼ wasliet internazzjonali tat-​turisti se jitlaʼ minn 625 miljun fis-​sena fil-​preżent għal 1.6 elf miljun fl-​2020,” tirrapporta The Unesco Courier. Dawn it-​turisti huma mistennijin li jonfqu iktar minn 800 elf miljun lira Maltija, “u dan se jagħmel lit-​turiżmu l-​industrija ewlenija tad-​dinja.” S’issa, l-​Ewropa kienet l-​iktar destinazzjoni popolari. Franza hija l-​iktar pajjiż li jżuruh, b’70 miljun viżitatur fl-​1998. Madankollu, sas-​sena 2020, iċ-​Ċina hi mistennija li tieħu l-​ewwel post. L-​ivvjaġġar internazzjonali, iżda, jibqaʼ fis-​setgħa taʼ ftit privileġġati. Fl-​1996, 3.5 biss tal-​popolazzjoni tad-​dinja siefru. Il-​WTO tbassar li din il-​figura se tilħaq is-​7 fil-​mija sa l-​2020.

Periklu f’Waqfa Qasira?

Waqfa qasira, vaganza fi tmiem il-​ġimgħa li bħalissa qed tiġi reklamata mill-​industrija Ewropea taʼ l-​ivvjaġġar bħala mod faċli u taʼ malajr kif tirrilassa mill-​istress tal-​ħajja, fil-​fatt għandha mnejn “tagħmel iktar ħsara milli ġid,” tirrapporta l-​gazzetta Guardian taʼ Londra. Skond il-​kardjologu Dr. Walter Pasini, mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, il-​fatt li tippakkja, tiġri għall-​ajruport, u ttir, flimkien mat-​tibdil fit-​temperatura, fl-​ikel, u fis-​siegħa, jikkontribwixxu għal eżawriment u jistgħu jkunu perikolużi. Il-​ġisem jieħu ftit tal-​ġranet biex jirrilassa u jaġġusta għal klima differenti, u meta dan ma jiġrix, iċ-​ċirkulazzjoni u ċ-​ċiklu taʼ l-​irqad jiġu effettwati ħażin. L-​istudju taʼ Dr. Pasini “sab li dawk li ħadu waqfa qasira kellhom 17% iktar ċans li jkollhom attakk tal-​qalb u 12% iktar ċans li jaħbtu bil-​karozza minn dawk li ħadu waqfa għal ġimgħa jew iktar,” qalet il-​gazzetta. “Il-​messaġġ tiegħi m’huwiex li waqfiet qosra huma bilfors perikolużi, imma li n-​nies għandhom joqogħdu attenti u jippreparaw sew,” jgħid Dr. Pasini, kif ikkwotat fid-​Daily Telegraph taʼ Londra. “In-​nies issa jieħdu vaganzi dejjem iżjed qosra u jiġru ’l hawn u ’l hemm biex jipprovaw ideffsu kollox fi ftit jiem, imma dan m’huwiex mod tajjeb kif tirrilassa. Fil-​fatt, huwa stressanti ferm.”

“L-​Iktar Sustanza Vitali għall-​Ħajja”

“L-​ilma huwa l-​iktar sustanza vitali għall-​ħajja, għax il-​ġisem fil-​biċċa l-​kbira tiegħu huwa likwidu,” tirrapporta l-​gazzetta Toronto Star. “Anki jekk l-​ilma fil-​ġisem jonqos b’20 fil-​mija jistaʼ jkun fatali.” L-​ilma mhux biss jirregola t-​temperatura taʼ ġisimna imma wkoll “iġorr in-​nutrijenti u l-​iskart lejn u mill-​organi permezz tad-​demm li jiċċirkola u s-​sistemi tal-​ġisem. L-​ilma jillubrika wkoll il-​ġogi u l-​kolon, u jgħin biex jipprevieni l-​kostipazzjoni.” Adult normalment jirrikjedi żewġ litri jew tlieta ilma kuljum. Li tixrob il-​kafè, xi luminati, jew alkoħol jistaʼ fil-​fatt iżid il-​bżonn għal ilma pur għax dawn jistgħu jwasslu għal li tixxotta mill-​ilma. Skond dijetologu wieħed, l-​għatx m’għandux iservi taʼ tfakkira biex tieħu l-​ilma għax sa meta tibda tħossok bil-​għatx, x’aktarx tkun diġà lħaqt ixxottajt mill-​ilma. Il-​gazzetta tgħid illi “li tixrob tazza ilma kull siegħa matul il-​ġurnata se jissodisfa l-​bżonn taʼ ilma tal-​biċċa l-​kbira tan-​nies.”

Nagħsa fuq ix-​Xogħol

“Xi kumpaniji Kanadiżi qed jaraw il-​benefiċċji taʼ li tieħu nagħsa fuq ix-​xogħol,” tgħid il-​gazzetta Toronto Star. L-​imgħallmin tax-​xogħol introduċew kmamar fejn il-​ħaddiema taʼ bil-​lejl ikunu jistgħu jerġgħu jiġu f’tagħhom. “Il-​kmamar huma mixgħulin kemm kemm, friski, għall-​kwiet u mgħammrin bl-​iżveljarini, sufani jew siġġijiet li jinżlu,” tgħid l-​iStar. Imma “ideat antiki jdumu biex imutu. Il-​kumpaniji li jipprovdu postijiet fejn wieħed jieħu nagħsa ġeneralment ma joqogħdux ixandruh dan.” Mary Perugini, esperta fil-​klinika taʼ l-​irqad fiċ-​Ċentru tal-​Problemi taʼ l-​Irqad fl-​Isptar Irjali taʼ Ottawa, tgħid: “Qed naħdmu ħinijiet itwal, il-​livell tagħna taʼ l-​istress huwa ogħla u qed inkomplu nżiduh. Jekk inkunu nistgħu niddedikaw 20 minuta kuljum għall-​irqad ikun taʼ benefiċċju. Żgur li se jżid il-​produttività (u) jżomm il-​livell taʼ l-​istress baxx.”

Il-​Popolazzjoni taʼ l-​Indja Taqbeż l-​Elf Miljun

Skond id-​Diviżjoni tal-​Ġnus Magħquda għall-​Popolazzjoni, il-​popolazzjoni taʼ l-​Indja qabżet l-​elf miljun f’Awissu taʼ l-​1999. Sa ftit iktar minn 50 sena ilu, il-​popolazzjoni taʼ l-​Indja kienet terz taʼ kemm hi issa. Jekk din tkompli tiżdied bir-​rata taʼ bħalissa taʼ 1.6 fil-​mija kull sena, fi żmien 40 sena, l-​Indja se taqbeż liċ-​Ċina bħala l-​iktar ġens popolat tad-​dinja. “L-​Indja u ċ-​Ċina diġà huma responsabbli għal iktar minn terz tan-​nies tad-​dinja,” tirrapporta The New York Times. F’inqas minn nofs seklu, it-​tul taʼ ħajja mistenni fl-​Indja żdied minn 39 sena għal 63 sena.

Tinżel ir-​Rata taż-​Żwieġ fl-​Istati Uniti

Minn studju li sar mill-​Proġett Nazzjonali dwar iż-​Żwieġ taʼ l-​Università Rutgers instab li r-​rata taż-​żwieġ fl-​Istati Uniti qatt ma kienet daqshekk baxxa fl-​istorja dokumentata, tirrapporta The Washington Post fuq il-​Web site tagħha. L-​istudju nnota wkoll li immedjatament wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, 80 fil-​mija tat-​tfal taʼ dan il-​pajjiż kienu qed jitrabbew f’familji b’żewġ ġenituri bijoloġiċi. Illum, madankollu, il-​figura niżlet għal 60 fil-​mija. “Il-​persentaġġ taʼ tfajliet adolexxenti li qalu illi li jkollok tarbija barra miż-​żwieġ huwa ‘stil taʼ ħajja vallapena’ kiber minn 33 fil-​mija għal 53 fil-​mija fl-​aħħar għoxrin sena,” jgħid ir-​rapport. Mhix ħaġa kbira li r-​rapport qal: “L-​istituzzjoni taż-​żwieġ tinsab f’inkwiet kbir”!

Problemi fl-​Edukazzjoni fl-​Afrika

Iktar minn 40 miljun tifel u tifla taʼ l-​età taʼ l-​iskola fl-​Afrika ’l isfel mis-​Saħara ma jmorrux skola tirrapporta All Africa News Agency. Is-​sistemi taʼ l-​iskola f’dak ir-​reġjun huma impestati bil-​problemi. Per eżempju, bħala riżultat tal-​problemi ekonomiċi, ħafna skejjel huma bla ilma u għandhom ftit tojlits jew xejn. Hemm nuqqas taʼ kotba, u l-​għalliema m’humiex imħarrġin tajjeb. Flimkien mal-​problemi ekonomiċi, hemm għadd kbir taʼ tqala fost it-​tfajliet adolexxenti, li hija kawża ewlenija għar-​rata għolja taʼ dawk li jitilqu mill-​iskola. L-​AIDS ukoll effettwat l-​attendenza taʼ l-​iskola b’mod negattiv. “Attività sesswali minn kmieni fost l-​adolexxenti wasslet għal iktar infezzjoni bl-​AIDS fost l-​adolexxenti,” tgħid Africa News. F’ċerti każi, tfajliet li ma jiħdux l-​AIDS jintalbu joqogħdu d-​dar sabiex jieħdu ħsieb qrabathom li jkunu milqutin b’din il-​marda. Jgħid Dr. Edward Fiske, speċjalista taʼ l-​edukazzjoni primarja għall-​Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda: “Mingħajr skola, il-​futur għall-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi fl-​Afrika ’l isfel mis-​Saħara jinsab fix-​xifer.”

Uġigħ taʼ Ras minn Pilloli għall-​Uġigħ!

Dawk li jieħdu xi medikazzjoni għall-​uġigħ taʼ ras tliet darbiet jew iktar fil-​ġimgħa għandhom mnejn ibatu minn uġigħ taʼ ras minħabba użu ħażin taʼ medikazzjoni (medication misuse headache [MMH]). L-​MMH, li hu maħsub li teffettwa lil 1 minn kull 50 individwu, hija kaġunata minn mediċini sempliċi, bħall-​aspirina, kif ukoll minn pilloli preskritti għall-​uġigħ. Meta l-​effett analġesiku jispiċċa, il-​medikazzjoni tistaʼ tikkaġuna wġigħ taʼ ras li l-​pazjent jitfixkilha maʼ wġigħ taʼ ras normali jew emikranja. Il-​pazjent jieħu iktar pilloli għall-​uġigħ, u b’hekk jirrepeti ċ-​ċiklu. Dr. Tim Steiner, mill-​Kulleġġ Imperjali, f’Londra, jispjega li “kwalunkwe pazjent li jilmenta dwar uġigħ taʼ ras kronika u taʼ kuljum irid jassumi li għandu l-​MMH.” Hu jinnota wkoll li għalkemm il-​kundizzjoni ilha rikonoxxuta għal xi snin, il-​biċċa l-​kbira tat-​tobba tal-​familja m’humiex familjari magħha u sempliċement jippreskrivu pilloli għall-​uġigħ iktar qawwijin, meta kulma jkun hemm bżonn hu li l-​pazjenti jieqfu jiħduhom, tirrapporta The Sunday Telegraph taʼ Londra.

Jinstab li Mumja Kellu Sabaʼ Prostetiku

“Is-​sabaʼ prostetiku tas-​sieq li nstab imwaħħal maʼ mumja jidher li ntuża fil-​ħajja qabel ma ndifen maʼ sidu 2,500 sena ilu,” tirrapporta The Sunday Times taʼ Londra. Is-​sabaʼ artifiċjali, magħmul minn xoqqa mxappa fil-​kolla mill-​annimali u l-​ġibs verġni, huwa deskritt minn Dr. Nicholas Reeves bħala “produzzjoni sofistikata, disinjata b’mod sabiħ, magħmula bis-​sengħa u b’saħħitha, u biċ-​ċar ordnata b’mod speċjali.” Is-​sabaʼ kellu mwaħħal miegħu difer u kien miżbugħ kulur il-​laħam. Serje taʼ tmien toqbiet kienu mtaqqbin fis-​sabaʼ biex ikun jistaʼ jitwaħħal. It-​toqob jixbhu mill-​qrib il-​linja taċ-​ċinga tas-​sandli forma taʼ Y biex meta s-​sabaʼ kien ikun f’postu, it-​toqob kienu jitgħattew miċ-​ċinga tas-​sandli.

Kif Tieħu Ħsieb Ilsienek

Il-​batterja li tinħeba fuq in-​naħa taʼ wara taʼ lsienek tistaʼ tipproduċi gassijiet tal-​kubrit li jikkaġunaw nifs jinten, jgħid rapport fil-​gazzetta Prince George Citizen. “Il-​batterja tikber aħjar f’ambjent xott u bla ossiġnu, u dan huwa għala tgħix fix-​xquq u fil-​ħofor ’il bogħod mill-​arja li nibagħtu ’l isfel lejn il-​pulmuni tagħna,” jgħid ir-​rapport. Li tibbraxxja u tifflossja snienek se jgħin, imma 25 fil-​mija biss tal-​batterja tiġi eliminata bl-​għorik. Id-​dentist Allan Grove jemmen li l-​brix taʼ l-​ilsien, tradizzjoni antika fl-​Ewropa, huwa “l-​iktar ħaġa importanti li tistaʼ tagħmel l-​ewwel biex tipprevieni nifs jinten.” Jekk tuża xi ħaġa tal-​plastik li tobrox ikun “ħafna aħjar mit-​toothbrush biex iżżomm l-​ilsien nadif u roża,” tgħid is-​Citizen.

Għajn Ġdida fuq l-​Univers

It-​teleskopju Gemini North, li jinsab f’Mauna Kea, fil-​Ħawajj, fetaħ għajnejh fuq l-​univers f’Ġunju taʼ l-​1999. Permezz tal-​mera li għandu li tiġbor id-​dawl, li hija 8.1 metri fid-​dijametru, se jkun possibbli għall-​astronomi biex jaraw l-​iċken oġġetti fl-​iktar partijiet imbegħda taʼ l-​ispazju profond, tirrapporta l-​gazzetta Independent taʼ Londra. Kemm it-​teleskopju Gemini North u kemm dak Hubble li jinsab fl-​ispazju jgħinu lill-​astronomi jaraw l-​affarijiet li ġraw żmien twil ilu, u b’hekk “iħarsu lura fl-​imgħoddi.” Il-​vantaġġ tat-​teleskopju Hubble huwa li jinsab fl-​ispazju. Gemini, għalkemm jinsab fuq l-​art, għandu bżonn t’apparat tal-​kompjuter biex l-​istampa ma tkunx imċajpra minħabba interferenza atmosferika. Dan jipproduċi immaġnijiet distinti daqs dawk taʼ Hubble—jekk mhux iktar.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja