Għandu Wieħed Jesprimi n-Niket?
FIL-KTIEB tagħha On Children and Death, it-Tabiba Elisabeth Kübler-Ross tgħid li ħafna u ħafna adulti jbatu għax qatt ma jkunu esprimew l-uġigħ li ħassew fi tfulithom. Għalhekk jeħtieġ li t-tfal jitħallew jesprimu n-niket mingħajr ma jiġu timbrati bħala bużżieqa jew beżżiegħa, jew li jisimgħu lil xi ħadd jgħidilhom l-espressjoni banali li, il-kbar ma jibkux.
Dan ir-raġunar huwa differenti mill-filosofija li teżisti f’ċerti pajjiżi li dak li jkun għandu jżomm kollox ġo fih u ma jesprimi l-ebda emozzjoni.
Esperjenza taʼ Wieħed li Jieħu Ħsieb il-Funerali
Din id-differenza tintwera b’dak li qal Robert Gallagher, raġel minn New York li jieħu ħsieb il-funerali. Dan ġie intervistat minn Stenbaħ! u ġie mistoqsi jekk kienx innota xi differenza bejn il-mod kif juru n-niket in-nies li twieldu fl-Istati Uniti u l-mod kif jesprimu n-niket nies li emigraw lejn l-Istati Uniti minn pajjiżi Latini.
“Dażgur li nara differenza. Meta bdejt naħdem f’dan ix-xogħol lura fis-snin ħamsin, fl-inħawi tagħna kellna ħafna familji Taljani li l-ġenituri tagħhom kienu emigraw minn pajjiż ieħor. Dawn kienu emozzjonali ħafna. Issa fil-funerali qed niltaqgħu mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom, u ħafna mill-emozzjonijiet spiċċaw. Dawn ma jesprimux l-emozzjonijiet tagħhom bħal dawk taʼ qabilhom.”
In-nies Ebrej fi żminijiet Bibliċi kienu jesprimu n-niket tagħhom u l-emozzjonijiet li kienu jħossu. Innota kif il-Bibbja tiddeskrivi r-reazzjoni taʼ Ġakobb meta ġagħluh jemmen li ibnu Ġużeppi kien ġie attakkat minn bhima salvaġġa u feroċi. “Ġakobb ċarrat ilbiesu u geżwer xkora maʼ qaddu u għamel vistu għal ibnu għal żmien twil. U wliedu, subien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf b’faraġ, u qal: ‘Mnikket sa ninżel taħt l-art ħdejn ibni.’ U missieru bkieh!” (Ġenesi 37:34, 35, korsiv tagħna.) Iva, Ġakobb ma staħax jibki għall-iben li kien tilef.
Kultura Differenti, Reazzjoni Differenti
M’għandniex xi ngħidu, il-kulturi jvarjaw. Per eżempju, f’ħafna partijiet tan-Niġerja, it-tendenza hija li l-familji jkollhom ħafna tfal u l-mewt hija xi ħaġa komuni minħabba l-mard li hemm. Madankollu, kittieb b’20 sena esperjenza fl-Afrika jgħid li n-nies t’hemmhekk jesprimu ħafna u ħafna niket meta jmutilhom tifel jew tifla. In-niket jinħass iktar meta dan ikun l-ewwel wild u iktar u iktar jekk ikun tifel. Hu kompla jgħid li d-differenza hi li fin-Niġerja n-niket huwa kbir u għal perijodu qasir, minflok ma jibqaʼ jkarkar għal xhur u snin sħaħ.
F’pajjiżi Mediterranji jew taʼ l-Amerika Latina, in-nies trabbew f’ambjent fejn hija ħaġa normali li wieħed jesprimi emozzjonijiet naturali. Hemmhekk, in-nies ma joqogħdux jaħbu l-ferħ u d-dwejjaq li jħossu. Meta jilqgħu lil xi ħadd, ma jiħdulux b’idejh biss imma jinkludu wkoll tgħanniqa mill-qalb. Bl-istess mod, in-niket ġeneralment jintwera bil-biki u bit-tinwiħ.
L-awtriċi Katherine Fair Donnelly tgħid li l-missier imnikket “mhux biss jissaporti l-impatt psikoloġiku tat-telfa taʼ ibnu imma wkoll il-biżaʼ li jitlef l-identità maskili tiegħu jekk jesprimi n-niket tiegħu fil-pubbliku.” Madankollu, hi ssostni li t-telfa taʼ tifel jew tifla tegħleb kwalunkwe regola fejn jidħlu l-emozzjonijiet. Hi tqabbel in-niket maʼ meta wieħed idewwi ferita. Li wieħed jesprimi mill-fond taʼ qalbu n-niket bil-biki jkun qed jgħinu biex jistrieħ minn ġewwa.
Mela f’ċerti pajjiżi n-niket jintwera iktar minn f’xi pajjiżi oħra. Imma jekk wieħed jitnikket u jibki, dan m’għandux jitqies bħala sinjal taʼ dgħjufija. Anki Ġesù Kristu “beka” meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru, avolja Ġesù kien jaf li dalwaqt kien se jqajmu mill-mewt.—Ġwann 11:35.
[Kumment f’paġna 14]
Ġakobb ma staħax jibki għall-iben li kien tilef