LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 9/8 pp. 30-31
  • Louis Braille—Jagħti d-Dawl lil Priġunieri tad-Dlam

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Louis Braille—Jagħti d-Dawl lil Priġunieri tad-Dlam
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Titfaċċa Tama wara li Sseħħ Traġedja
  • Idea minn Sors mhux Mistenni
  • Il-​Braille Disponibbli mad-​Dinja Kollha
  • Tikek li Jbiddlu l-​Ħajjiet
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Huma Ħassew l-Imħabba tal-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Il-ħajja mingħajr il-vista
    Stenbaħ!—2015
  • Intejbu l-Abbiltajiet Tagħna fil-Ministeru—Nagħtu Xhieda lil Persuni Neqsin mid-Dawl
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 9/8 pp. 30-31

Louis Braille—Jagħti d-​Dawl lil Priġunieri tad-​Dlam

KEMM tgħożżha l-​abbiltà li għandek li taqra u tikteb? Xi wħud iqisu din l-​abbiltà bħala xi ħaġa ovvja, imma l-​bażi tat-​tagħlim li nirċievu huwa proprju l-​qari u l-​kitba. Jekk bniedem ma jkunx kapaċi jaqra, ikun tilef l-​opportunità li jiftaħ minjiera kbira t’għarfien.

Għal mijiet taʼ snin, in-​nies neqsin mid-​dawl ma kellhomx il-​possibbiltà li jaqraw. Madankollu, matul is-​seklu 19, wieħed żagħżugħ mimli ħeġġa ra f’liema qagħda kienu jinsabu dawn l-​uħud. Dan qanqlu biex jiżviluppa metodu taʼ komunikazzjoni li kien se jiftaħ opportunità ġdida għalih nnifsu u għal miljuni taʼ nies oħra.

Titfaċċa Tama wara li Sseħħ Traġedja

Louis Braille twieled fl-​1809 fir-​raħal taʼ Coupvray fi Franza, madwar 40 kilometru ’l bogħod minn Pariġi. Missieru, Simon-René Braille, kien jaqlaʼ l-​għajxien tiegħu bħala sillar. Meta kien tifel ċkejken, x’aktarx li Louis kien iqattaʼ ħafna ħin jilgħab ħdejn missieru waqt li jkun jaħdem. Ġara iżda, li darba waħda Louis kellu inċident ikrah hemmhekk. Hu ħa f’idu biċċa għodda taqtaʼ u bil-​ponta, x’aktarx xi xifa, u b’nuqqas taʼ ħsieb daħħalha f’għajnu. Hu tilef għalkollox l-​użu taʼ din l-​għajn. Biex tkompli tagħqad, l-​infezzjoni malajr infirxet għall-​għajn l-​oħra. Fl-​età tenera taʼ tliet snin, Louis għama għalkollox.

Biex jipprovaw jagħmlu l-​aħjar li jistgħu, il-​ġenituri taʼ Louis u l-​kappillan tal-​parroċċa, Jacques Palluy, irranġaw biex Louis jattendi għal-​lezzjonijiet li kienu jsiru fl-​iskola lokali. Louis kien jixrob u jifhem kważi kulma kien jingħad fil-​klassi. Fil-​fatt, f’xi snin minnhom kien ġie l-​ewwel fil-​klassi! Imma kien hemm limitu kemm persuna għamja setgħet titgħallem billi tuża metodi maħsuba għal min jara. Għaldaqstant, fl-​1819, Louis iddaħħal fl-​Iskola Rjali għaż-​Żgħażagħ Neqsin mid-​Dawl.

Il-fundatur taʼ din l-​iskola, Valentin Haüy, kien wieħed minn taʼ l-​ewwel li waqqaf programm biex jgħin lill-​għomja jaqraw. Ix-​xewqa tiegħu kienet li jneħħi l-​idea li kien hemm dak iż-​żmien li persuna għamja ma setgħetx tgawdi edukazzjoni formali. L-​ewwel esperimenti li kien għamel Haüy kienu jinvolvu ittri kbar u mqabbżin ’il barra, fuq karti ħoxnin. Għalkemm dawn l-​isforzi kienu għadhom fil-​bidu tagħhom, huma ħejjew il-​bażi għal iktar żviluppi.

Braille tgħallem jaqra l-​ittri kbar u mqabbżin ’il barra. Hu rnexxielu jaqra l-​ftit kotba li kien għamel Haüy b’din is-​sistema. Madankollu hu rrealizza li din is-​sistema kienet tieħu ħafna ħin u ma kinitx prattika biex wieħed jitgħallem. Wara kollox, l-​ittri ġew disinjati għall-​għajnejn u mhux għas-​swabaʼ. Għallinqas kien hemm xi ħaddieħor li għaraf dawn il-​limitazzjonijiet u li kien se jidħol fix-​xena.

Idea minn Sors mhux Mistenni

Fl-​1821, meta Louis Braille kien għad kellu 12-il sena, Charles Barbier, kaptan irtirat taʼ l-​artillerija Franċiża, żar din l-​iskola. Hemmhekk hu ppreżenta għamla taʼ komunikazzjoni msejħa kitba għal bil-​lejl, li iktar tard bdiet tissejjaħ sonografija. Din il-​kitba għal bil-​lejl kienet ġiet żviluppata biex tintuża fil-​kamp tal-​battalja. Dan il-​metodu taʼ komunikazzjoni kien jinvolvi s-​sens tal-​ħass, peress li kienu jintużaw tikek imqabbżin ’il barra. Dawn it-​tikek kienu jifformaw kaxxa rettangolari b’sitt tikek weqfin u bi tnejn mimdudin. L-​idea li tintuża kodiċi biex tirrappreżenta l-​kliem kif jinħass intgħoġbot ħafna fl-​iskola. Braille intefaʼ b’ruħu u b’ġismu biex jitgħallem dan il-​metodu ġdid u saħansitra għamel xi titjib ukoll. Imma Braille kellu jippersisti biex dan il-​metodu jkun verament prattiku. Fid-​djarju tiegħu hu kiteb: “Jekk għajnejja m’humiex se jgħallmuni dwar nies u ġrajjiet, ideat u duttrini, irrid insib triq oħra.”

Għaldaqstant Braille qattaʼ s-​sentejn taʼ wara jistinka b’determinazzjoni biex jissimplifika din il-​kodiċi. Fl-​aħħar, hu żviluppa metodu preċiż u rfinut ibbażat fuq kaxxa magħmula minn tliet tikek weqfin u żewġ tikek mimdudin. Fl-​1824, fl-​età taʼ 15-il sena, Louis Braille lesta sistema maħduma fuq kaxex b’sitt tikek. Ftit taż-​żmien wara, Braille beda jgħallem f’dik l-​iskola, u fl-​1829 ippubblika dan il-​metodu uniku taʼ komunikazzjoni li kien ħoloq u li llum huwa magħruf b’ismu. Ħlief għal xi bidliet żgħar, is-​sistema tiegħu tistaʼ tgħid li għadha l-​istess sal-​lum.

Il-​Braille Disponibbli mad-​Dinja Kollha

Fl-​aħħar parti tas-​snin 20 tas-​seklu 19, ġie pubblikat l-​ewwel ktieb li jispjega s-​sistema li kien ivvinta Braille bit-​tikek imqabbżin ’il barra. Imma din l-​invenzjoni damet biex intlaqgħet min-​nies. Anki fl-​iskola, din il-​kodiċi ġdida damet sa l-​1854 biex bdiet tintuża uffiċjalment. Dan kien sentejn wara l-​mewt taʼ Braille. Madankollu, maż-​żmien dan il-​metodu superjuri għall-​aħħar beda jsir popolari.

Jeżistu ħafna organizzazzjonijiet li ħarġu letteratura bil-​Braille. Il-​Watchtower Society bdiet tippubblika kotba bħal dawn fl-​1912. Dakinhar il-​kodiċi kienet għadha qed tiġi rranġata għal-​lingwa Ingliża. Illum, permezz taʼ metodi taʼ stampar avanzati, is-​Soċjetà tipproduċi miljuni taʼ paġni bil-​Braille kull sena. Dan isir fi tmien lingwi u jitqassam f’iktar minn 70 pajjiż. Dan l-​aħħar, is-​Soċjetà irdoppjat il-​kapaċità tal-​produzzjoni biex tlaħħaq mat-​talba għal iktar letteratura Biblika bil-​Braille.

Illum, miljuni taʼ nies neqsin mid-​dawl jistgħu jaqraw bis-​saħħa tal-​Braille, kodiċi sempliċi u maħduma bis-​sengħa. Dan kollu huwa dovut għall-​isforzi li għamel żagħżugħ dedikat għal xogħlu mal-​200 sena ilu.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]

KIF TAĦDEM IL-​KODIĊI TAL-​BRAILLE

Il-​Braille jinqara mix-​xellug għal-​lemin, permezz taʼ id waħda jew tat-​tnejn. F’kull kaxxa tal-​Braille jeżistu 63 sett taʼ kif jistgħu jitqassmu t-​tikek. B’hekk, l-​ittri kollha u l-​punteġġatura fil-​biċċa l-​kbira taʼ l-​alfabeti jistgħu jingħataw sett speċifiku taʼ tikek. Diversi lingwi jużaw għamla mqassra tal-​Braille. F’dan il-​każ xi kaxxi jintużaw għal ittri li jintużaw flimkien taʼ spiss, jew għal kliem sħiħ. Xi nies tant saru tajbin fil-​Braille li kapaċi jaqraw sa 200 kelma fil-​minuta!

[Stampi]

L-​ewwel għaxar ittri jużaw biss it-​tikek fl-​ewwel żewġ ringieli

L-​għaxar ittri li jmiss iżidu t-​tikka fin-​naħa tax-​xellug tar-​ringiela t’isfel maʼ kull waħda mill-​ewwel għaxar ittri

L-​aħħar ħames ittri jżidu ż-​żewġ tikek t’isfel maʼ l-​ewwel ħames ittri; l-​ittra “w” hija eċċezzjoni għax ġiet miżjuda maʼ l-​alfabet Franċiż iktar tard

[Sors tal-​istampa paġna 30]

Ritratt: © Maison Natale de Louis Braille - Coupvray, France/Photo Jean-Claude Yon

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja