Abbandunata mill-Ġenituri Maħbuba minn Alla
KIF RAKKONTAT MINN BERNADETTE FINN
Tefgħuni ġo kunvent, flimkien maʼ tliet ħuti bniet akbar minni, meta lanqas biss kelli erbaʼ snin. Bridie taʼ 12-il sena, Phyllis taʼ 8 snin, u Annamay taʼ 7 snin jiftakru dawk il-ġimgħat kollha li għamilt nibki għall-ġenituri tiegħi. Għala tefgħuna hawnhekk?
JIEN twelidt ġewwa familja kbira Kattolika fit-28 taʼ Mejju, 1936. Aħna ż-żgħar konna ngħixu mal-ġenituri tagħna f’dar żgħira f’Duncormick, County Wexford, l-Irlanda. Kont it-tmien waħda mit-tfal, u kont norqod fuq sodda kbira flimkien mas-sebaʼ ħuti li kienu akbar minni. Ħija u oħti li twieldu ftit warajja kienu jorqdu fil-kxaxen tat-twaletta.
Missierna kien ħaddiem ħabrieki ġewwa razzett. Ftit li xejn kien jaqlaʼ flus, u għalhekk l-ikel għall-familja tagħna kien limitat. Kienet xi ħaġa rari li ommi setgħet tagħti xi ftit taʼ l-ikel lil ħuti biex jiħduh magħhom l-iskola. Is-sitwazzjoni tagħna kienet effettwata direttament mill-faqar li kien hemm fl-Irlanda kollha u mill-ħakma bla ħniena tal-Knisja Kattolika f’dak iż-żmien.
Il-familja tagħna kienet tmur il-knisja regolarment, iżda ommi ma tantx kienet interessata fl-affarijiet spiritwali. Madankollu, ħuti l-bniet jiftakruha meta kienet toqgħod taqra xi letteratura reliġjuża bil-qiegħda quddiem il-fireplace. Hi kienet tipprova tispjegalna ftit minn dak li tkun qrat.
“Fejn Marret il-Mamà?”
Qatt ma se ninsa dak in-nhar li ħaduni l-kunvent. Il-ġenituri tiegħi kienu weqfin fl-intrata jitkellmu bis-serjetà maʼ soru, u jien bdejt nilgħab maʼ xi tfal bniet żgħar oħra, mingħajr ma tajt kas il-konversazzjoni għax kont ferħana. F’daqqa waħda ħarist madwari, u b’sogħba ommi u missieri ma kinux jidhru iktar. “Fejn marret il-mamà?” Bdejt nibki u nwerżaq kemm niflaħ. Kif semmejt fil-bidu, bqajt sejra hekk għal ġimgħat sħaħ.
Almenu kelli t-tliet ħuti bniet biex ifarrġuni ftit. Imma minħabba li kienu f’partijiet differenti tal-kunvent, ma kellix ħafna kuntatt magħhom. Peress li kienu jistgħu jibqgħu mqajmin sagħtejn iktar minna ż-żgħar, kont nibqaʼ mqajma sakemm kont nismagħhom sejrin fis-sodda. Imbagħad, kont noħroġ mis-sodda nkiss inkiss u mmur fit-tarf tat-taraġ sabiex ħuti jxejruli. Il-ġurnata kollha kont nistenna ħerqana dak il-mument prezzjuż.
Mid-dehra, il-kunvent ma tantx kien jinkuraġġixxi l-kuntatt mal-ġenituri, u għalhekk rari rajniehom lill-ġenituri tagħna. Din is-separazzjoni effettwatni b’mod profond emozzjonalment. Fil-fatt, l-unika darba li niftakar li l-ġenituri tiegħi kienu ġew iżuruna, jien ma mortx ħdejhom, u lanqas huma ma ġew ħdejja. Madankollu, ħuti l-kbar jiftakru li kienu ġew xi drabi oħra jżuruna.
Maż-żmien, il-kunvent bdejt inqisu bħala l-familja, id-dar, u d-dinja tiegħi. Matul it-12-il sena li qattajt hemmhekk, darbtejn biss issograjt noħroġ barra. Dawk il-ħarġiet ħdejn il-kampanja kienu verament pjaċevoli, hekk kif rajna s-siġar u l-annimali. Minbarra dan, aħna l-bniet qatt ma konna naraw karozzi, karozzi tal-linja, jew ħwienet, u biex niġu f’dan rari konna naraw raġel, minbarra l-qassis.
Il-Ħajja fil-Kunvent
Il-ħajja fil-kunvent kellha ħafna aspetti—xi wħud minnhom pożittivi, ħafna minnhom negattivi. Kellna soru żgħira mill-aħjar ħafna li kienet tgħallimna dwar Alla skond ma kienet taf hi. Qaltilna li Alla kien missier kollu mħabba. Din il-ħaġa kienet togħġobni, u ddeċidejt li minn dakinhar ’il quddiem għalija Alla kien se jkun missieri għax kien kollu mħabba u ħanin iktar minn missieri propja. Minn dakinhar ’il quddiem bdejt nitlob lil Alla b’mod sempliċi, kif jagħmlu t-tfal. Tgħidx kemm ħassejt in-nuqqas taʼ dik is-soru meta telqet mill-kunvent.
Irċivejt edukazzjoni bażika u sodisfaċenti, u taʼ dan jien verament grata. Madankollu, niftakar lil dawk li kienu jissejħu “l-bniet tal-ġurnata,” li kienu jiġu fil-kunvent matul il-ġurnata biex jitgħallmu l-iskola. Dawn il-bniet kienu jiġu trattati bi preferenza. Kienu minn familji sinjuri, u meta kienu jiġu, aħna kien ikollna noħorġu mill-klassijiet. Is-sorijiet taʼ spiss kienu jfakkruna li aħna konna sempliċi ltiema, u għalhekk kellna naġixxu taʼ li konna.
Kien hemm ħafna regoli fil-kunvent. Ftit minnhom kienu raġunevoli, u għalhekk il-biċċa l-kbira minna konna nifhmu għala kienu bżonnjużi. Kien ikun hemm lezzjonijiet taʼ siwi rigward l-imġiba, il-manjieri, u affarijiet bħal dawn. Dawn qatt ma nsejthom u swewli taʼ ġid għal ħajti kollha. Imma ċerti regoli ma tantx kienu taʼ importanza u dehru inġusti, filwaqt li oħrajn kienu taʼ taħwid u taʼ ħsara kbira. Waħda minn dawn ir-regoli kienet li min ixarrab is-sodda bil-lejl jew ikollu bżonn juża t-tojlit bil-lejl jaqlaʼ kastig.
Darba waħda hekk kif kont tielgħa t-taraġ, bdejt nitkellem mat-tifla li kienet miegħi. Għajtitli soru u qlajt kastig talli kont qed nitkellem. X’kien il-kastig? Kelli nibqaʼ bil-libsa tiegħi tas-sajf matul il-kesħa kbira li kienet tagħmel fix-xitwa fl-Irlanda! Kont nimrad ħafna, u taʼ spiss kont inbati bl-ażżma u bl-infjammazzjoni tat-tunsilli. Imbagħad, imradt ħafna u qabditni t-tuberkulosi (TB), u bħali kien hemm ħafna tfal oħra fil-kunvent. Għalkemm poġġewna f’dormitorju differenti, ma rċivejna l-ebda kura medika, u xi wħud mietu, inkluż il-ħabiba tal-qalb tiegħi.
Xi wħud minna konna niġu msawtin bi ħruxija talli konna niksru ftit mir-regoli. Matul assemblea pubblika, kellna noqogħdu naraw tifla tiġi msawta minn soru għal iktar minn sagħtejn. Kollha bdejna nibku. M’għandniex xi ngħidu, biex ngħid il-verità kollha, mhux is-sorijiet kollha kienu daqshekk kattivi. Madankollu, dak li għadni ma nistax nifhem sa llum hu kif xi ħadd jistaʼ jkun daqshekk krudil maʼ tfal li mhux kapaċi jiddefendu lilhom infushom. Qatt ma se nifhimha din il-ħaġa.
Maż-żmien, Bridie u Phyllis telqu mill-kunvent, u ħallew lili u lil Annamay warajhom. Konna l-iktar persuni importanti għal xulxin fid-dinja. Annamay kienet tfarraġni bi stejjer li xi darba l-ġenituri tagħna jiġu u joħorġuna mill-kunvent u jiħduna f’post fejn is-sorijiet qatt ma jsibuna. Meta Annamay telqet mill-kunvent, kienet verament xi ħaġa taʼ qsim il-qalb. Jien bqajt hemmhekk tliet snin oħra.
Nitgħallem Kif Ngħix Barra
Il-fatt li tlaqt mill-kunvent taʼ 16-il sena kien esperjenza tal-biżaʼ. Ma kont naf xejn dwar id-dinja barra l-kunvent, u tassew ħassejtni konfuża. Meta mort biex nirkeb karozza tal-linja, ix-xufier talabni l-flus u ma kontx naf għalxiex. Peress li xorta waħda ma kellix flus, ġagħalni ninżel mill-ewwel minn fuq tal-linja u kelli mmur bil-mixi. F’okkażjoni oħra ridt nirkeb il-karozza tal-linja, imma din ma ġietx. Ma kontx naf li kelli mmur nistennieha fuq il-bus stop.
Madankollu, billi bdejt nippretendiha taʼ waħda kuraġġuża u kunfidenti, bil-mod il-mod bdejt nidra nifhem x’kelli nagħmel. Irnexxieli nsib xogħol faċli, imma wara li ħdimt għal diversi xhur, iddeċidejt li mmur lura d-dar biex nara lil ommi. Iltqajt maʼ xi wħud minn ħuti ż-żgħar għall-ewwel darba—u sa dak iż-żmien ħuti b’kollox kienu jgħoddu 14. Peress li ma kienx hemm fejn noqgħod magħhom, il-ġenituri tiegħi rranġawli biex immur noqgħod maʼ oħti Annamay f’Wales. Missieri wassalni hemmhekk u telaq mill-ewwel.
Ftit li xejn kelli riżorsi materjali, imma rnexxieli nkampa b’xi mod jew ieħor. Iktar tard, fl-1953, mort noqgħod f’Londra, l-Ingilterra, u hemmhekk ngħaqadt maʼ l-organizzazzjoni Kattolika Rumana b’riżq il-lajċi msejħa Legion of Mary. Madankollu, meta bdejt naħdem magħhom ħassejtni verament diżappuntata, għax stennejt xi aspett spiritwali minħabba l-fatt li kont qed naħdem maʼ nies bħal dawn. Jien kont nieħu pjaċir nitkellem dwar affarijiet spiritwali, imma x-xogħol mal-Legion of Mary kien wieħed dinji, u kien jidher li qatt ma kien jibqaʼ ħin għal diskussjonijiet spiritwali.
Meta kont qed ngħix f’Londra, iltqajt maʼ Patrick, li kien ħabib taʼ ħuti s-subien. Sirna nħobbu lil xulxin u żżewwiġna fl-1961. Hemmhekk twieldu l-ewwel żewġt itfal tagħna, Angela u Stephen. Iktar tard, fl-1967, morna ngħixu l-Awstralja, u hemmhekk twieled it-tielet tifel tagħna, Andrew. Konna noqogħdu fil-belt żgħira taʼ Bombala fi New South Wales.
Ikel Spiritwali sa fl-Aħħar
Eżatt wara li morna f’Bombala, l-Awstralja, ġie jħabbtilna l-bieb wieħed żagħżugħ jismu Bill Lloyd biex ikellimna dwar il-Bibbja. Tgħidx kemm ħadt pjaċir li rċivejt it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħi direttament mill-Bibbja. Imma għalkemm irrealizzajt li dak li kien qed jgħid Bill kien il-verità, bdejt nargumenta ħafna miegħu, biex b’hekk ma nħallihx jitlaq u noqgħod nismaʼ iktar spjegazzjonijiet mill-Bibbja. Iktar tard, Bill ġabli Bibbja u xi rivisti x’naqra.
Tgħidx kemm ħadt gost b’dawk ir-rivisti, imma xxokkjajt ruħi meta rrealizzajt li n-nies li jippubblikawhom ma jemmnux fit-Trinità. Għalhekk, ħbejt ir-rivisti, li ma kienx imur jaqrahom Patrick u jitlef il-fidi tiegħu. Kont determinata li meta jerġaʼ jiġi Bill nagħtihomlu lura, imma meta reġaʼ ġie, urieni li d-duttrina taʼ tliet persuni f’Alla wieħed hija f’konflitt dirett mat-tagħlim Bibliku. Malajr fhimt li Ġesù hu Bin Alla, li ġie maħluq minn Missieru, Alla Jehovah—b’hekk, hu kellu bidu—u li l-Missier huwa akbar minn Ġesù.—Mattew 16:16; Ġwann 14:28; Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14, Saydon.
Malajr sirt naf ukoll li kien hemm iktar affarijiet ħżiena minn dak li kont tgħallimt bħala Kattolika. Per eżempju, il-Bibbja ma tgħallimx li l-bnedmin għandhom ruħ immortali jew li hemm it-turment fin-nar taʼ l-infern. (Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Li tgħallimt dan kien tassew taʼ serħan kbir! Darba waħda bdejt niżfen fil-kċina daqs kemm fraħt li fl-aħħar kont sibt il-Missier li minn dejjem ħabbejtu imma qatt ma kont nafu. Il-ġuħ spiritwali tiegħi beda jiġi sodisfat. B’iktar ferħ għalija, Patrick kellu l-istess entużjażmu għal dan it-twemmin ġdid.
Bill stidinna għal konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Temora, belt żgħira oħra fil-kampanja. Għalkemm din kienet ħafna kilometri ’l bogħod, aċċettajna l-istedina b’ferħ u wasalna f’Temora l-Ġimgħa kmieni fil-għaxija. Is-Sibt fil-għodu ltaqgħu xi gruppi fis-sala fejn kien hemm il-konvenzjoni biex jieħdu sehem fl-ippridkar minn dar għal dar. Jien u Patrick konna ferħanin ħafna b’din l-opportunità, peress li kien dak li xtaqna nagħmlu. Madankollu, Bill qalilna li ma stajniex nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar minħabba li t-tnejn li aħna konna għadna npejpu s-sigaretti. Imma meta Bill telaq, jien u Patrick ngħaqadna maʼ grupp ieħor. Huma ħasbu li aħna konna Xhieda u ħaduna magħhom.
Malajr tgħallimna l-ħtiġijiet Skritturali biex nikkwalifikaw ħalli nieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. (Mattew 24:14) Fl-aħħar ma bqajniex inpejpu, u jien u Patrick issimbolizzajna d-dedikazzjoni tagħna lil Alla Jehovah permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma f’Ottubru taʼ l-1968.
Provi tal-Fidi Tagħna
Hekk kif bdejna nikbru fl-għarfien tal-Bibbja u fir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah, il-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla saret ankrata fis-sod. Wara ftit żmien, Patrick ġie maħtur bħala anzjan f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Canberra, il-belt kapitali taʼ l-Awstralja. Għamilna mill-aħjar li stajna biex irrabbu lil uliedna fit-twiddib taʼ Jehovah, billi ffaċċjajna b’suċċess l-isfidi normali fit-trobbija taʼ l-adolexxenti.—Efesin 6:4.
B’sogħba, meta kellu 18-il sena, it-tifel tagħna Stephen miet f’inċident bil-karozza. Minkejja n-niket tagħna, il-fatt li Stephen kien sar adoratur taʼ Jehovah kien tassew taʼ faraġ għalina. Ninsabu mxennqin biex nerġgħu narawh meta Jehovah se jirxoxta lil dawk mill-oqbra tal-mafkar. (Ġwann 5:28, 29) Is-sena taʼ wara, fl-1983, ngħaqadt maʼ bintna Angela fil-ministeru full-time u minn dakinhar ’l hawn bqajt f’dak il-ministeru. Il-fatt li naqsam it-tama tagħna bbażata fuq il-Bibbja m’oħrajn għenni nżomm ħarsa pożittiva dwar il-ħajja, u b’hekk stajt intaffi l-uġigħ li għandi f’qalbi. B’ferħ kbir, reċentement sirt naf li oħti Annamay bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah f’Wales.
Fl-1984, Patrick marad b’marda li għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa misterjuża. Iktar tard, sabu li kienet il-chronic fatigue syndrome (is-sindromu taʼ għeja kronika). Eventwalment kellu jieqaf mix-xogħol sekulari tiegħu, u ma baqax jaqdi bħala anzjan Kristjan. B’ferħ, għamel progress mhux ħażin fiżikament, u issa qed jaqdi bħala qaddej maħtur fil-kongregazzjoni.
It-tfulija tiegħi għallmitni d-dixxiplina u nagħmel sagrifiċċji. Għallmitni wkoll kif ngħix ħajja sempliċi u nkun sodisfatta bi ftit affarijiet. Imma qatt ma rnexxieli nifhem għala lil 4 bniet minna poġġewna fil-kunvent u lill-11 l-oħra żammewhom id-dar. Almenu nikkonsla ftit meta naħseb li l-ġenituri tiegħi, li mietu bosta snin ilu, għamlu l-aħjar li setgħu skond iċ-ċirkustanzi tagħhom. Dawn iċ-ċirkustanzi probabbilment qatt ma se nkun kapaċi nifhimhom għalkollox. Kienu żminijiet ibsin, u kien jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli. Minkejja dan, jien grata lejn il-ġenituri tiegħi li tawni l-ħajja bħala rigal u talli ħadu ħsiebi skond l-aħjar mod li kienu jafu bih. Fuq kollox, jien grata lejn Jehovah għall-mod kif ħa ħsiebi bħala missier.
[Stampa f’paġna 22]
Meta konna għadna kif iżżewwiġna
[Stampa f’paġna 23]
Meta wliedna kienu għadhom żgħar
[Stampa f’paġna 23]
Maʼ Patrick illum