Ħarsa Lejn Id-dinja
Disgħa u Sebgħin Miljun Mara “Neqsin”
Rapport taʼ Reuters jgħid li l-Ġnus Magħquda pprovdiet fondi għal stħarriġ fl-“Indja, il-Pakistan, il-Bangladexx, in-Nepal, Sri Lanka, il-Bhutan u l-Maldivi” li fih instab li mad-79 miljun mara kienu ‘neqsin fl-Asja t’Isfel’ minħabba diskriminazzjoni kontra n-nisa, kemm qabel u kemm wara t-twelid. In-nisa huma “neqsin” bħala riżultat taʼ l-aborti kif ukoll “il-qtil tat-tfal u l-preferenza li tingħata lit-trabi subien fir-reġjun meta jitqassam l-ikel.” Jintqal li din il-ħaġa taʼ l-aħħar tibqaʼ tiġri anki meta s-subien jikbru, u minħabba f’hekk in-nisa jbatu minn problemi kroniċi taʼ nutriment. Hemm “livelli għoljin taʼ mwiet fost tfajliet u nisa matul is-snin li jwelldu t-tfal,” qal ir-rapport. In-numru taʼ 79 miljun ġie bbażat fuq il-fatt li fir-reġjun hemm biss 94 mara għal kull 100 raġel, filwaqt li madwar id-dinja r-rata hija taʼ 106 nisa għal kull mitt raġel.
Ġenerożità Franċiża
In-nisa huma iktar ġenerużi mill-irġiel, u l-anzjani, iktar miż-żgħażagħ. Dawn huma tnejn mill-konklużjonijiet li ħarġu minn stħarriġ t’opinjonijiet li dam għaddej sena. Dan kien inkarigat mill-Fondation de France, istituzzjoni filantropika. Ir-riżultati juru li nofs in-nies Franċiżi jagħmlu atti taʼ ġenerożità, u 28 fil-mija minnhom jagħmlu dan diversi drabi fis-sena, jew permezz taʼ flus, jew permezz taʼ ħin, jew b’xi mod ieħor. Ir-rapport sab li “l-prattika reliġjuża u l-involviment f’xi assoċjazzjoni” jippromwovu l-ġenerożità. Skond dan l-istudju, il-gazzetta taʼ Pariġi Le Monde tiddeskrivi persuna tipika Franċiża li hija xħiħa bħala raġel żagħżugħ mhux miżżewweġ u li ma jmurx knisja, u li x’aktarx jgħix mal-Kosta tal-Mediterran jew fil-kampanja.
Annimali Mhedda bl-Estinzjoni Jirritornaw f’Iżrael
Ħafna annimali li għebu minn Iżrael qed jerġgħu jidhru, qal artiklu li deher fil-gazzetta Iżraeljana Haaretz. Gruppi taʼ ġakalli u lpup qed jerġgħu jgħixu fin-Negeb u l-Għoljiet taʼ Golan. L-aħħar darba li ġew magħdudin, in-numru taʼ ajkli fit-tramuntana taʼ Iżrael kien żdied għal 450. Deher ukoll iljupard fil-Galilija. L-iljupardi kienu maħsubin li spiċċaw għalkollox f’dan ir-reġjun, u l-ilpup kienu mhedda bl-estinzjoni. Imma issa dawn il-predaturi reġgħu ġew, l-istess kif għamlet il-priża tagħhom—l-antilopijiet, il-mogħoż salvaġġi, u ċ-ċriev. Filwaqt li xi annimali jirritornaw minn jeddhom, oħrajn reġgħu ġew introdotti fl-abitat li kienu jgħixu fih qabel. Dawn jinkludu l-ħmir salvaġġi; issa hemm iktar minn 100 li qed jerġgħu jiġġerrew fin-Negeb.
L-Interess fis-Saċerdozju Qed Jintilef
Ġenituri Kattoliċi “m’għadhomx ħerqanin li jgħidu ‘ibni, il-qassis,’” tgħid The New York Times. “Il-mexxejja Kattoliċi . . . huma konxji biżżejjed li fattur prinċipali għan-nuqqas taʼ qassisin huwa nuqqas taʼ ġenituri Kattoliċi li huma lesti li jħajru lil uliedhom biex jikkunsidraw il-vokazzjonijiet tas-saċerdozju.” Fost ir-raġunijiet mogħtija hemm li l-familji Kattoliċi sar ikollhom inqas tfal, u minħabba f’hekk “isibuha iktar iebsa biex jaċċettaw li l-uniku tifel se jingħaqad maʼ saċerdozju ċelibat,” jgħid l-artiklu. “Flimkien maʼ dan, il-prestiġju tas-saċerdozju ħa daqqa taʼ ħarta matul dawn l-aħħar għaxar snin maʼ kull rapport taʼ l-aħbarijiet dwar qassisin li jabbużaw mit-tfal, qalu xi ġenituri f’intervisti.” Stħarriġ li sar fuq Kattoliċi attivi ħafna fil-knisja, inkarigat mill-Konferenza Nazzjonali taʼ l-Isqfijiet Kattoliċi, wera li tliet kwarti tal-ġenituri ma kinux lesti li jħeġġu lit-tfal tagħhom biex ifittxu karriera bħala qassis jew soru. Skond Edward J. Burns, qassis u rappreżentant taʼ dan il-grupp, ħadd ma jgħid xejn li kieku koppja żagħżugħa u mhux miżżewġa jħabbru waqt laqgħa tal-familja li qegħdin jgħixu flimkien. Madankollu, li kieku kellu jkun hemm żagħżugħ li qed jaħsibha biex jidħol qassis, tal-familja jaqbżu fuqu u jgħidulu, “Int ċert li taf x’qed tagħmel?”
Inċidenti Minħabba Telefons Ċellulari
It-toroq m’humiex l-uniċi postijiet fejn l-użu tat-telefon ċellulari jistaʼ jikkaġuna inċidenti. Uffiċjali tal-ferroviji fil-Ġappun jgħidu li passiġġieri li jkunu qed jistennew fuq il-pjattaformi jintilfu jpaċpċu fuq it-telefon ċellulari u jinsew fejn qegħdin. Fost l-inċidenti reċenti li ġew rapportati mill-gazzetta Asahi Evening News, kien hemm il-każ taʼ żagħżugħ li kien qiegħed ’il barra mix-xifer taʼ pjattaforma waqt li kien qiegħed jitkellem fuq it-telefon. Mingħajr ma ntebaħ hu baxxa rasu lill-persuna li kien qed jitkellem magħha, u ferrovija li kienet ġejja għaddiet żbrixx minn maʼ rasu. Fortunatament, ħelisha ħafif għax kellu biss “qatgħa fuq għajnu l-leminija.” Madankollu, f’każ ieħor, “student taʼ l-iskola sekondarja ħareġ ’il barra mix-xifer tal-pjattaforma waqt li kien qiegħed ipaċpaċ fuq it-telefon ċellulari, laqtitu ferrovija tal-merkanzija u miet.” Ħaddiema fl-istazzjonijiet tal-ferroviji jirrapportaw li xi kultant lin-nies jaqgħulhom it-telefons ċellulari fuq il-linji tal-ferrovija. Meta raġel taʼ 26 sena qabeż isfel biex jiġbor it-telefon, għaddiet ferrovija u “għaffġitu sakemm miet.” L-uffiċjali tal-ferroviji jitolbu lin-nies “biex iżommu f’moħħhom li l-pjattaformi tal-ferroviji huma nħawi perikolużi ħafna.”
Vitamina li Tagħmel il-Ġid
Meta nkunu qed naħdmu quddiem kompjuter, għajnejna jirreaġixxu l-ħin kollu għat-tikek qawwija u skuri taʼ dawl li jidhru fuq l-iskrin, tinnota Zdrowie, rivista Pollakka dwar is-saħħa. Iktar ma jkunu qawwijin dawn is-sinjali viżwali, għajnejna iktar jużaw ir-rodopsin, pigment sensittiv ħafna għad-dawl u li jgħinna naraw. Il-vitamina A hija bżonnjuża fil-produzzjoni tar-rodopsin. Skond ir-rivista Zdrowie, il-fwied u ż-żejt tal-ħuta huma sorsi abbundanti taʼ vitamina A. Dawk in-nies li jridu joqogħdu attenti mix-xaħam u l-kolesterol jistgħu jieklu ikel li fih il-beta-karoten, li permezz tax-xemx il-ġisem jibdlu f’vitamina A. Il-beta-karoten jinsab f’ħaxix isfar, oranġjo, aħmar, jew aħdar u fi frott bħal berquq, ħawħ, prun niexef, bettieħ, u mang.
Id-Divorzju Fost in-Nies Irtirati
Fi Franza “n-numru taʼ koppji ’l fuq minn 55 sena li jinfirdu żdied bi 52 fil-mija f’erbaʼ snin,” tirrapporta l-gazzetta Le Figaro. Matul l-istess perijodu, ir-rata taʼ divorzju fost koppji ’l fuq minn 70 sena żdiedet iktar mid-doppju, u kien hemm għadd akbar taʼ nisa li talbu d-divorzju. Fattur wieħed huwa d-diffikultajiet li jqumu biex il-miżżewġin jaddattaw ruħhom għall-ħajja rtirata. Taʼ spiss, il-problemi li kienu jistgħu jsibu tarfhom waqt li s-sieħeb jew is-sieħba jkunu għax-xogħol isiru insopportabbli meta t-tnejn li huma jsibu ruħhom id-dar. Ħaġa oħra hija li żdiedu n-nisa ’l fuq minn 50 sena li huma indipendenti finanzjarjament. X’aktarx li dawn in-nisa jkunu iktar lesti li jiddivorzjaw irġiel mhux leali milli kienu n-nisa f’ġenerazzjonijiet taʼ qabel. Filwaqt li rġiel irtirati taʼ spiss isibu sieħba iżgħar fl-età, għadd li dejjem jiżdied taʼ nisa li għandhom ’il fuq minn 60 u 70 sena jispiċċaw waħedhom għalkemm ma jkunux romlu.
Għadu Mixtieq Xogħol Deċenti
“Xogħol Deċenti Għal Kulħadd—Għadu Ħolma,” jgħid titlu fil-gazzetta Ġermaniża Hannoversche Allgemeine Zeitung fir-rapport li għamlet dwar is-simposju “Djalogu Globali,” li nżamm fl-esibizzjoni dinjija EXPO 2000 f’Hannover. Għalkemm fl-1951 ġie adottat il-prinċipju li tingħata paga ndaqs għall-istess xogħol kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa, u għalkemm fl-1973 ġie projbit ix-xogħol mill-minorenni, madwar il-globu hawn 150 miljun ruħ li jinsabu bla xogħol, 850 miljun ruħ m’għandhomx xogħol biżżejjed, u 250 miljun tifel u tifla jkollhom jaħdmu. Nofs in-nies tad-dinja jgħaddu b’inqas minn 90 ċenteżmu kuljum. U minkejja l-isforzi kollha, il-qabża bejn is-sinjuri u l-fqar kompliet tikber minflok tiċkien. Il-bżonnijiet tal-pajjiżi sinjuri u l-pajjiżi fqar ukoll huma differenti. Il-politikanti Ewropej jiddiskutu skemi taʼ xiri taʼ ishma u l-influwenza taʼ l-għaqdiet tal-ħaddiema. Mill-banda l-oħra, sħabhom f’pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom jittrattaw kwistjonijiet iktar fundamentali, bħal edukazzjoni bażika għal kulħadd fl-iskejjel u ħolqien taʼ impjiegi għall-ġenerazzjoni li ġejja.