Il-Bibbja Dalmatin Rari Imma Mhix Minsija
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIS-SLOVENJA
L-AĦĦAR bittija waslet fis-Slovenja bil-kontenut prezzjuż tagħha fl-aħħar tas-seklu 16. Il-btieti kien ilhom sentejn sħaħ jinġarru minn rotot differenti. Biex ma jinkixifx x’kien hemm fihom, kienet twaħħlet tabella fuqhom li tgħid “karti tal-logħob” jew “provvisti għall-ħwienet tal-merċa.” Moħbijin ġo fihom kien hemm volumi llegati tal-ġilda taʼ l-ewwel Bibbja kompluta bil-lingwa Slovena.
B’din il-konsenja prezzjuża kienet twettqet il-ħolma taʼ żewġt irġiel dedikati f’xogħolhom—Jurij Dalmatin u Primož Trubar, li ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom biex jittraduċu l-Bibbja fil-lingwa komuni taʼ nieshom. Għalkemm dawn l-irġiel forsi ma jissemmewx f’ħafna kotba taʼ l-istorja, isimhom jistaʼ jitniżżel mal-lista taʼ wħud li taw kontribut kbir għat-traduzzjoni tal-Bibbja fi żmien bikri.
Dalmatin, ir-raġel li kien responsabbli mis-sigriet tal-ġarr tal-Bibbji, kien deffes kopja speċjali llegata sabiħ ferm għal Trubar, il-ħabib u l-għalliem tiegħu. Ejja nikkunsidraw l-isfidi li kellhom jiffaċċjaw dawn iż-żewġt irġiel biex jagħmlu l-Bibbja disponibbli fl-ilsien komuni tan-nies taʼ pajjiżhom.
Kif Sar Traduttur
Fis-seklu 16, l-Imperu Ruman Qaddis, li kien assoċjat mill-qrib mal-Knisja Kattolika Rumana, kien għadu stabbilit fis-sod fil-biċċa l-kbira taʼ l-Ewropa. Madankollu, ir-Riforma Protestanta kienet fl-aqwa tagħha, u l-effetti taʼ dan il-moviment kien laqat il-bliet u l-irħula taʼ dik li llum nafuha bħala s-Slovenja. Trubar, qassis minn dan il-lokal, kien fost l-ewwel uħud li adottaw it-twemmin Protestant.
Peress li l-Latin kien il-lingwa tal-Knisja Kattolika, kienu biss ftit uħud privileġġati, li kienu tgħallmu din il-lingwa antika, li setgħu jifhmu l-funzjonijiet reliġjużi fil-knejjes u l-Bibbja. Madankollu, ir-Riformisti qalu li l-funzjonijiet reliġjużi fil-knisja għandhom isiru bil-lingwa li jifhimha kulħadd. Għalhekk, sa nofs is-seklu 16, kienu jinqraw xi siltiet mill-Bibbja bil-lingwa Slovena lokali matul il-funzjonijiet reliġjużi fil-knisja. Dan setaʼ jsir peress li fil-ġenb tal-missall Latin, jew fil-ktieb tal-quddies, li kienu jużaw in-nies tal-kleru kien hemm miktubin ċerti partijiet minnu maqlubin għas-Sloven.
Madankollu, Trubar ried ikollu l-Bibbja kollha bis-Sloven. Ladarba kien għad m’hemmx alfabet Sloven, Trubar ivvintah, u fl-1550 kiteb l-ewwel ktieb stampat bil-lingwa Slovena. Fih inkluda xi ftit versi tal-Bibbja minn Ġenesi. Iktar tard, hu qaleb is-Salmi għas-Sloven u maż-żmien qaleb ukoll it-Testment il-Ġdid, jew l-Iskrittura Kristjana Griega.
Minkejja dan, Trubar għaraf li ma kienx tas-sengħa biżżejjed fil-lingwa biex iwettaq l-ambizzjoni tiegħu biex jittraduċi l-Bibbja kollha għas-Sloven. Kellu student mimli talent, Jurij Dalmatin, li hu kien iqisu bħala xi ħadd li setaʼ jgħinu jilħaq din il-mira.
It-Trobbija taʼ Dalmatin
Dalmatin, iben familja fqira, twieled madwar is-sena 1547 f’raħal li jinsab f’dak li llum huwa n-nofsinhar tas-Slovenja. Meta kien tfajjel, hu attenda l-iskola lokali li kienet immexxija minn wieħed li kien għadu kemm ikkonverta għall-Protestantiżmu. Dan kellu influwenza kbira fuq it-twemmin reliġjuż tiegħu li żviluppa iktar tard. Bl-appoġġ taʼ Trubar, kif ukoll taʼ ċertu għalliem u tal-parroċċa lokali, Dalmatin beda jattendi skola reliġjuża u iktar tard mar f’università fil-Ġermanja. Hu għalhekk irfina l-Latin u l-Ġermaniż, tgħallem l-Ebrajk u l-Grieg, u temm l-istudji tiegħu fil-filosofija u t-teoloġija.
Għalkemm Dalmatin studja barra pajjiżu, hu kien inkuraġġit minn Trubar biex japprezza u jirfina f’ilsien pajjiżu, is-Sloven. Meta Dalmatin kien għadu l-università, meta kien għad kellu fuq l-20 sena, hu beda l-biċċa xogħol kbira ferm taʼ li jaqleb il-Bibbja għal-lingwa tan-nies taʼ pajjiżu. Ix-xewqa kbira li kellu Trubar biex ikun hemm Bibbja kompluta bis-Sloven issa kienet saret il-mira ewlenija fil-ħajja taʼ Dalmatin.
It-Traduzzjoni Tinbeda
B’ħerqa liema bħalha biex iħaffef jibda dan il-proġett, Dalmatin beda jittraduċi l-Iskrittura Ebrajka. Milli jidher, hu ttraduċa mil-lingwi oriġinali imma rrefera ħafna għat-traduzzjoni tal-Vulgata Latina bil-Ġermaniż minn Luteru. Min-naħa tiegħu, Trubar kien ittraduċa l-Iskrittura Kristjana Griega għas-Sloven sa l-1577, kif semmejna qabel. Dalmatin ikkoreġa u tejjeb it-traduzzjoni taʼ Trubar, u għal darb’oħra għamel dan billi uża ħafna t-traduzzjoni tal-Bibbja bil-Ġermaniż minn Luteru. Hu neħħa ħafna mill-karatteristiċi Ġermaniżi li uża Trubar fil-lingwa Slovena, u t-traduzzjoni għamilha iktar konsistenti. Forsi Dalmatin uża dak li kien jaf dwar il-Grieg fix-xogħol taʼ traduzzjoni tiegħu, imma l-istudjużi għadhom iħaqquha jekk hu kkonsultax testi Griegi bikrin jew le.
L-Ostakli li Ltaqaʼ Magħhom
Peress li l-alfabet Sloven kien ġie vvintat biss ftit snin qabel, Dalmatin kellu biċċa xogħol taʼ qtigħ il-qalb. Iktar minn hekk, il-vokabolarju kien limitat, u ma kinux jeżistu kotba taʼ referenza bis-Sloven. Għalhekk, dan kien jeħtieġ kapaċità kbira min-naħa tiegħu biex jittraduċi b’tali mod li jinftiehem ċar bis-Sloven.
Il-moviment tal-Kontroriforma wkoll kompla jżid id-diffikultajiet. Peress li dak li kien jistampa fis-Slovenja kien ġie eżiljat, l-istampar tal-Bibbja kellu jsir f’art barranija. U kien għalhekk li l-merkanzija tal-Bibbji kellha tiddaħħal fis-Slovenja bil-moħbi. Madankollu, minkejja dawn l-ostakli, Dalmatin laħaq il-mira tiegħu f’għaxar snin biss, milli jidher meta kien għad kellu ftit iktar minn tletin sena.
L-ewwel stampar taʼ 1,500 kopja tal-Bibbja seħħ taħt għajnejn Dalmatin u tlesta f’sebaʼ xhur. Ħafna qiesu din il-Bibbja bħala kapulavur letterarju u biċċa xogħol taʼ arti, peress li kien fiha stampi sbieħ minn 222 riljiev fuq l-injam. Għadhom jeżistu ħafna mill-Bibbji oriġinali, u t-traduzzjoni għadha tintuża bħala l-bażi għall-verżjonijiet moderni tal-Bibbja bis-Sloven. Ix-xogħol taʼ dawn iż-żewġt irġiel ikkontribwixxa għall-fatt li llum in-nies Sloveni jistgħu jaqraw il-Kelma t’Alla b’ilsien pajjiżhom.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]
L-ISEM DIVIN
Dalmatin inkluda din l-ispjegazzjoni li ġejja fil-kelmtejn taʼ qabel fit-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja Mqaddsa: “Kulmeta l-kelma MULEJ tidher b’ittri kbar, din tfisser il-MULEJ Alla waħdu li ismu huwa יהוה, Jehovah, bil-lingwa Lhudija. Dan l-isem huwa biss tal-Mulej Alla u taʼ ħadd iktar.”
[Stampi f’paġna 30, 31]
Primož Trubar
Il-paġna taʼ quddiem tal-Bibbja bis-Sloven
[Sors]
L-istampi kollha minbarra t-Tetragrammaton: Narodna in univerzitetna Knjižnica—Slovenija—Ljubljana