LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 8/8 pp. 28-29
  • Min Hu l-Antikrist?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Hu l-Antikrist?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tfixkluh maʼ Xi Ħadd Ieħor
  • Min Iktar Jagħmel Parti mill-​Antikrist?
  • X’Hemm Jistenniehom lill-​Antikristi?
  • Min hu l-antikrist?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Għala Għandna Nidentifikaw l-Antikrist?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • L-Antikrist Jinkixef
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Min hu l-antikrist?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 8/8 pp. 28-29

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Min Hu l-​Antikrist?

“SMAJTU LI GĦANDU JIĠI L-​ANTIKRIST.”—1 ĠWANN 2:18.

KIEKU xi ħadd javżak li kriminal perikoluż intlemaħ ġej fl-​inħawi fejn toqgħod int, x’kont tagħmel? X’aktarx li kont tfittex għal dettalji eżatti dwar id-​dehra tiegħu u l-​metodi li juża. Kont toqgħod għassa b’sebaʼ għajnejn.

Teżisti sitwazzjoni simili llum. Ġejna mwissijin mill-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Kull spirtu, li ma jistqarrx lil Ġesù, m’huwiex minn Alla; dan hu l-​ispirtu taʼ l-​antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-​dinja.” (1 Ġwann 4:3) Veru jeżisti antikrist bħal dan, għadu t’Alla u jqarraq bil-​bnedmin, li issa qed jhedded il-​benesseri taʼ l-​umanità kollha?

Ġwanni uża t-​terminu “antikrist” ħames darbiet fi tnejn mill-​epistoli tiegħu. Dan jirreferi għal entità li topponi t-​tagħlim tal-​Bibbja dwar Ġesù Kristu u tinkludi imposturi li jagħmluha taʼ Kristu jew taʼ wħud li taparsi huma mibgħutin minnu. Il-​Bibbja tagħti tagħrif taʼ min joqgħod fuqu dwar l-​antikrist. Imma bħalma xi kultant jiġri fil-​każ taʼ kriminali kbar, rapporti li m’humiex ibbażati fis-​sod rigward din l-​entità misterjuża ngħataw iktar attenzjoni milli ngħatat il-​verità.

Tfixkluh maʼ Xi Ħadd Ieħor

Minn żmien l-​appostlu Ġwanni, xi nies sostnew li kliem Ġwanni dwar antikrist kien jirreferi għal individwu speċifiku wieħed. Huma ssuġġerew lil diversi persuni bħala li kienu l-​antikrist. Sekli ilu, ħafna ħasbu li l-​Imperatur Ruman Neruni kien l-​antikrist. Iktar tard, il-​ħafna mibegħda u biżaʼ li qajjem Adolf Hitler ikkonvinċew lil ħafna nies li hu kien l-​antikrist. Dan it-​terminu ġie applikat ukoll għall-​filosfu Ġermaniż Friedrich Nietzsche. Madankollu, oħrajn jemmnu li l-​antikrist għad irid jiġi u se jidher bħala politikant makakk u bla ħniena li moħħu jkun li jaħkem id-​dinja. Dawn jemmnu li l-​bhima salvaġġa t’Apokalissi kapitlu 13 tirreferi speċifikament għall-​antikrist li jsemmi Ġwanni. Huma jgħidu li l-​marka “666” b’xi mod tindika li dan id-​difensur tal-​ħażen li għad irid iqum huwa l-​antikrist.

Dawk li jmexxu dawn l-​ideat jagħmluha fatta li Ġwanni kien qed jirreferi biss għal antikrist wieħed. Imma kliemu x’juri? Ikkunsidra l-​1 Ġwann 2:18: “Smajtu li għandu jiġi l-​antikrist. Issa, araw, ħafna antikristi ġa dehru minn issa.” Iva, mhux antikrist wieħed imma “ħafna antikristi” kienu responsabbli għas-​sitwazzjoni taʼ inkwiet spiritwali lura fl-​ewwel seklu. Illum mhux antikrist wieħed hawn, imma ħafna antikristi li jifformaw il-​klassi taʼ l-​antikrist. Kollha f’daqqa, dawn wasslu lill-​bnedmin f’rovina spiritwali. (2 Timotju 3:1-5, 13) Min jifforma l-​antikrist?

Ejja nieħdu l-​possibbiltà li l-​antikrist huwa l-​bhima b’sebat irjus t’Apokalissi kapitlu 13. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Il-​Bhima li rajt kienet qisha [leopard, “KŻ”] riġlejha bħal taʼ ors, ħalqha donnu ħalq taʼ ljun.” (Apokalissi 13:2, korsiv tagħna.) Dawn il-​karatteristiċi xi jfissru?

L-istudjużi tal-​Bibbja nnotaw konnessjoni bejn Apokalissi kapitlu 13 u Danjel kapitlu 7. Alla ta viżjoni lil Danjel taʼ bhejjem figurattivi, fosthom iljupard, ors, u ljun. (Danjel 7:2-6) Il-​profeta t’Alla x’qal li kienu jfissru? Hu kiteb li dawk l-​annimali salvaġġi ssimbolizzaw slaten, jew gvernijiet, taʼ l-​art. (Danjel 7:17) Għalhekk, nistgħu nikkonkludu b’mod loġiku li l-​bhima salvaġġa taʼ l-​Apokalissi tirrappreżenta l-​gvernijiet umani. Ladarba dawn il-​gvernijiet jopponu s-​Saltna t’Alla, huma jagħmlu parti mill-​antikrist.

Min Iktar Jagħmel Parti mill-​Antikrist?

Meta Kristu, l-​Iben t’Alla, kien fuq l-​art, hu kellu ħafna għedewwa. Għalkemm issa ma jistax jintlaħaq fiżikament, hu għandu għedewwa llum il-​ġurnata. Innota min hemm fosthom.

L-appostlu Ġwanni qal: “Min hu l-​giddieb jekk mhux min jiċħad li Ġesù hu l-​Messija? Dan hu l-​antikrist, li jiċħad lill-​Missier u lill-​Iben.” (1 Ġwann 2:22) L-​apostati u l-​mexxejja tal-​qima falza jgħawġu t-​tagħlim ċar taʼ Ġesù u jagħmlu tgħaqqida sħiħa bil-​qerq reliġjuż. Dawn l-​uħud jirrifjutaw il-​verità tal-​Bibbja u jxerrdu l-​gideb f’isem Alla u Kristu. Huma jiċħdu r-​relazzjoni vera taʼ bejn il-​Missier u l-​Iben bid-​duttrina tagħhom tat-​Trinità. Għalhekk, huma wkoll parti mill-​antikrist.

Ġesù wissa minn qabel lid-​dixxipli tiegħu f’Luqa 21:12: “Jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-​mexxejja tas-​sinagoga u jitfgħukom il-​ħabs . . . minħabba f’ismi.” Sa mill-​ewwel seklu, il-​Kristjani veri ssaportew persekuzzjoni ħarxa ferm. (2 Timotju 3:12) Dawk li jqanqlu mġiba bħal din ikunu qed jopponu lil Kristu. Huma wkoll jagħmlu parti mill-​antikrist.

“Min m’huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.” (Luqa 11:23) Hawnhekk Ġesù juri li dawk kollha li jopponu lilu u l-​iskopijiet divini li hu jappoġġa, jaqgħu fil-​kategorija taʼ l-​antikrist. X’se jkun tmiemhom?

X’Hemm Jistenniehom lill-​Antikristi?

“[Alla jeqred lil] min jitkellem bil-​gideb. Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-​Mulej,” jgħid Salm 5:7 [5:6, NW]. Japplika dan għall-​antikristi? Iva. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Ħarġu fid-​dinja ħafna qarrieqa, nies li ma jridux jistqarru li Ġesù Kristu ġie fil-​ġisem: dawn huma l-​qarrieqa u l-​antikrist!” (2 Ġwann 7) Minħabba l-​gideb u l-​qerq tagħhom, Alla li Jistaʼ Kollox se jeqred lill-​antikristi.

Hekk kif joqrob iż-​żmien biex titwettaq din is-​sentenza, il-​Kristjani veri ma jridux iħallu l-​qerq u l-​pressjoni anti-Kristjani, speċjalment mill-​apostati, idgħajfulhom il-​fidi tagħhom. It-​twissija taʼ Ġwanni hija urġenti ħafna: “Ħarsu rwieħkom, li ma tmorrux titilfu dak li għalih ħdimtu, imma li tieħdu ħlas sħiħ.”—2 Ġwann 8.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 28]

Neruni f’paġna 2 u 20: Courtesy of the Visitors of the Ashmolean Museum, Oxford

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja