Mingħand il-Qarrejja
Il-Problemi tat-Tfal Kemm qanqluni l-artikli fis-serje “Il-Problemi tat-Tfal—Fl-Aħħar Hemm Soluzzjoni Għalihom!” (8 taʼ Diċembru, 2000) Għandi memorji mimlija swied il-qalb taʼ tfuliti. Ommi kienet tixrob ħafna u kienet taħqarni kważi kuljum. Maż-żmien, jien spiċċajt dipressa u kemm-il darba xtaqt immut. L-artikli fakkruni kemm hi importanti r-rabta bejn it-tfal u l-ġenituri. Issa li esperjenzajt l-imħabba li Jehovah għandu għalija, qed nipprova nifhimha iktar lil ommi; hi kellha esperjenzi simili fi tfulitha.
U. P., Repubblika tal-Korea
Jien għalliema li propjament niġi mill-Arġentina, u naħseb li tkun xi ħaġa meraviljuża li kieku l-ġenituri u l-għalliema kollha jipprattikaw il-pariri li hemm f’din il-ħarġa—u tal-Bibbja, li intom tikkwotawha ħafna.
F. S., Spanja
Ir-Rabja Qrajt il-parti fil-“Ħarsa Lejn id-Dinja” bit-titlu “Ir-Rabja u Qalbek.” (8 taʼ Diċembru, 2000) Kemm hu tassew minnu. Jien għandi problema fil-qalb li taʼ spiss iġġagħalni nħossni għajjiena u marida. L-iskola hi taʼ sfida għalija għax irrid niġġieled miegħi nnifsi biex ma nirrabjax. Iżda, grazzi ’l Alla Jehovah li rnexxieli nneħħi r-rabja minn ħajti.
A. F., Stati Uniti
Problemi fil-Prostata L-artiklu reċenti “Problemi fil-Prostata—Kif Tistaʼ Tkampa” (8 taʼ Diċembru, 2000) apprezzajtu ferm. Madankollu, dan ma semma xejn dwar il-proċedura li jiddaħħal materjal radjoattiv. Dan l-aħħar din ġiet imxandra pubblikament f’rivisti ewlenin taʼ l-Istati Uniti u għandha rata baxxa taʼ effetti negattivi.
H. Z., Stati Uniti
Grazzi talli qed tiftaħ għajnejn il-qarrejja tagħna rigward din il-kura. Xi rapporti jindikaw li t-terapija b’materjal radjoattiv (brachytherapy) hija taʼ inqas tfixkil għall-pazjent milli l-operazzjoni tradizzjonali u f’xi każi tistaʼ tkun effettiva daqsha. Madankollu, se jgħaddi ftit żmien qabel ma t-tobba jsiru jafu l-effetti fit-tul tagħha. Sadanittant, il-pazjenti għandhom jiġu informati bis-sħiħ dwar x’inhuma l-għażliet tagħhom qabel ma jagħżlu.—ED.
Missirijiet Neqsin Missieri telaq mid-dar meta kelli sitt snin. Issa għandi 20 sena, u minn mindu telaq ma rajtux iktar. Dejjem ħassejt li kien it-tort tiegħi li telaq u li ma kienx iħobbni. L-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Missieri Għala Telaqna?” (8 taʼ Diċembru, 2000) wieġeb kollox biċ-ċar. Grazzi talli tifhmu xi jħossu t-tfal mingħajr missier.
K. M., Ġappun
Iktar minn sentejn ilu, jien u żewġi ddivorzjajna. Għamilt kulma stajt biex ibni jitkellem miegħi dwar kif qed iħossu minħabba li l-familja tkissret, imma ma rnexxieli b’xejn. Issa għall-ewwel darba, ibni ammetta li kien effettwat minħabba d-divorzju. Dan kien progress kbir. Bil-mod il-mod, qed jikkomunika iktar miegħi. Ma nistax nesprimi l-gratitudni tiegħi għal ħafna għajnuniet li tipprovdu għaż-żgħażagħ matul l-hemm kollu tagħhom.
D. H., Stati Uniti
Ħlief għal stqarrija qasira, l-artiklu qal li l-missirijiet jitilqu mid-dar minħabba kondotta mhix xierqa min-naħa tagħhom. Madankollu, jidher li n-numru taʼ nisa miżżewġin li qed jitilqu lil żwieġhom qed jiżdied. Wara 18-il sena miżżewġin, marti bdiet tgħix ħajja immorali. Ġagħlitni nitlaq minn dari stess. Ħassejt li kelli nsemmi dan l-aspett tal-problema.
L. G., Stati Uniti
Kif semmejt int, aħna nifhmu li xi missirijiet jitilqu mid-dar minħabba l-kondotta mhix xierqa taʼ marthom. Ħafna mill-prinċipji diskussi fl-artiklu japplikaw għal din is-sitwazzjoni wkoll.—ED.
Anestesija Fl-artiklu “Mill-Agunija għall-Anestesija” (8 taʼ Diċembru, 2000), intom stqarrejtu li qabel l-1840 ma kinitx teżisti l-anestesija. Fil-Ġappun kienu jsiru operazzjonijiet b’suċċess minn Seishu Hanaoka ħafna qabel l-1840.
S. A., Ġappun
B’mod ġenerali, id-dinja tal-mediċina ma daħletx l-użu taʼ l-anestesija qabel l-1840. Madankollu, il-“Kodansha Encyclopedia of Japan” tgħid li Seishu Hanaoka (1760-1835) ipprepara sustanza anestetika msejħa “mafutsusan” billi ħallat sitt ħxejjex naturali. Hu “użaha b’suċċess f’operazzjoni kirurġika għal kanċer tas-sider fl-1805, madwar 40 sena qabel ma ntuża l-etere għall-ewwel darba f’Massachusetts General Hospital, Boston.” Wara dan, Seishu uża l-anestesija tiegħu f’diversi operazzjonijiet.—ED.