Mingħand il-Qarrejja
Braille Prosit għall-artiklu “Louis Braille—Jagħti d-Dawl lil Priġunieri tad-Dlam.” (8 taʼ Settembru, 2000) Is-surmast taʼ l-iskola fejn naħdem għandu l-vista tiegħu batuta. Hu baqaʼ impressjonat meta qrajtlu l-artiklu. Tħalliet kopja tar-rivista fil-librerija taʼ l-iskola.
M.A.S., Brażil
Il-Meditazzjoni Nixtieq nirringrazzjakom għall-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Meditazzjoni li Hija taʼ Benefiċċju.” (8 taʼ Settembru, 2000) Issa nifhem kemm kont infixkel l-immaġinazzjoni mal-meditazzjoni. Billi applikajt Filippin 4:8, issa naf sew kif nimmedita fuq il-problemi tiegħi. Grazzi ħafna!
W. P., Polonja
L-Irquqija Hekk kif rajt it-titlu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Jien Daqshekk Irqiq?” (8 t’Ottubru, 2000), għajnejja mtlew bid-dmugħ. Għandi 16-il sena u niżen 45 kilogramma. Peress li jien daqshekk irqiqa, ħassejtni kerha u mhux attraenti. Meta qrajt l-artiklu apprezzajt is-suġġerimenti prattiċi li fih. L-iktar ħaġa li laqtitni kienet il-konklużjoni għax ġagħlitni nirrealizza li Jehovah jara l-qalb.
E. L., Italja
Fastidju b’Mod Sesswali Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Nistaʼ Nagħmel Meta Xi Ħadd Jagħtini Fastidju b’Mod Sesswali?” (8 taʼ Settembru, 2000) L-iskola kienu jħobbu jsejħuli b’diversi ismijiet għax ma kontx inċedi għall-imġiba immorali. Wara li spiċċajt l-iskola sekondarja, ħsibt li mhux se jagħtuni iktar fastidju b’mod sesswali, imma numru taʼ tfajliet għaddewli kummenti suġġestivi. Billi wrejt ċar x’inhu t-twemmin Kristjan tiegħi, stajt nirreżisti avvanzi bħal dawn. Grazzi talli tipprovdulna dan l-ikel spiritwali.
H. C., Zambja
L-artiklu kien ferm t’għajnuna. Jien immur l-iskola primarja, u hemm tifel fil-klassi tiegħi li ma jgħaddix mument li ma jħarisx lejja. Issa naf x’għandi nagħmel.
H. K., Stati Uniti
Ġie eżatt fiż-żmien xieraq! Fejn naħdem jien qed jagħtuni fastidju b’mod sesswali. Bdejt inħossni eżawrita emozzjonalment. Hekk kif ħassejtni li se nitlef il-kontroll, ġie dan l-artiklu. Issa naf kif għandi naġixxi maʼ dawk taʼ fuq ix-xogħol.
L. T., Stati Uniti
Il-Belt Russa Peress li l-kumpanija tiegħi tinnegozja b’mod internazzjonali, nieħu gost naqra l-artikli dwar diversi pajjiżi. Waħda minn sħabi fuq ix-xogħol għandha tifel li jgħix ir-Russja, u għalhekk għedtilha dwar l-artiklu “Żjara lill-‘Eqdem Belt fir-Russja.’” (8 taʼ Settembru, 2000) Tgħidx kemm ħadet pjaċir li tajtha din ir-rivista, u wara li qrat l-artikli talbitni kopja oħra taʼ Stenbaħ! Tajtha l-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 2000, bl-artiklu “A Unique Clock in Prague.” Bis-saħħa t’hekk hi aċċettat abbonament fir-rivista Stenbaħ! Grazzi talli tipprovdu tagħrif taʼ valur bħal dan.
S. O., Stati Uniti