Ħarsa Lejn id-Dinja
Kundannati għal Għomorhom fid-Doqqajs
“In-naħal taʼ l-għasel [fl-Afrika t’Isfel] ivvinta tattika stramba imma effettiva ferm kif jeħles mill-invażuri,” tgħid ir-rivista New Scientist. “Isakkarhom f’ċelel ġewwa d-doqqajs tiegħu. Din l-azzjoni penali tikkontrolla lill-parassiti u, jekk ikun hemm bżonn, tagħti ċans lill-kolonja biex taħrab.” Ir-riċerkaturi “studjaw kif in-naħal fl-Afrika t’Isfel jiddefendi ruħu mill-Aethina tumida, ħanfusa żgħira li tattakka d-doqqajs u li hi nofs in-naħla fid-daqs.” Peter Neumann, wieħed mir-riċerkaturi, jiddeskrivi l-ħanfusa bħala li “qisha tank tal-gwerra.” Għaldaqstant, l-uniku mod kif in-naħal jipproteġi ruħu mill-ħanfusa huwa billi jaqfilha. “Filwaqt li xi naħal jibni l-ħabs, naħal ieħor jibqaʼ għassa l-ħin kollu mal-ħanfus biex ma jħallihx jaħrab,” jispjega Neumann. Bħala materja prima, in-naħal jiġbor u juża l-gomma tas-siġra, u l-bini jieħu erbat ijiem biex jitlesta. In-naħal t’oriġini Ewropea, inkluż in-naħal taʼ l-Amerika taʼ Fuq, m’għandux l-istess strateġija fil-komportament tiegħu. Għalhekk, meta l-ħanfusa, li ddaħħlet aċċidentalment fl-Istati Uniti madwar ħames snin ilu, tinvadi wieħed mid-doqqajs tagħhom, tistaʼ tgħid li dan id-doqqajs ikun “kundannat.”
L-Annimali Jiċċekkjaw it-Tniġġis
Il-ħniex huma organiżmi ideali biex ikejlu l-livell tat-tniġġis taʼ l-arja u taʼ l-art, isostni ż-żoologu Steve Hopkin. Dawn l-annimali sempliċi, li ssibhom bl-abbundanza u ma jiswewx flus, jagħmlu dan it-tip taʼ xogħol aħjar minn xi apparat artifiċjali u sofistikat. Il-molluski ordinarji jintużaw biex jittestjaw il-kwalità taʼ l-ilma. Il-monitor tal-molluski—apparat li hu d-daqs taʼ barmil u li jkollu fih tmien molluski ħajjin—diġà wera li kien effettiv biex ikejjel il-livell taʼ tniġġis tax-xmajjar Renu u Danubju. “Jekk ikun hemm żjieda f’daqqa fil-konċentrazzjoni taʼ xi sustanza li tikkontamina, il-molluski jindunaw biha,” qal Kees Kramer li ddisinja l-apparat. Il-molluski jirreaġixxu għal eluf taʼ sustanzi kimiċi differenti li jikkontaminaw billi jagħlqu qoxrithom, u dan iġiegħel lill-monitor tal-molluski jdoqq l-allarm. L-akbar vantaġġ taʼ dawn il-monitors huwa li jistgħu jkejlu l-effett tal-kontaminazzjoni fuq organiżmi ħajjin, tirrapporta l-gazzetta Spanjola El País.
Tfal Suldati
“Iktar minn 300,000 tifel u tifla—xi wħud saħansitra taʼ 7 snin—qed jiġġieldu bħala suldati f’41 pajjiż madwar id-dinja,” jgħid rapport taʼ l-Associated Press. Il-biċċa l-kbira minnhom għandhom bejn il-15 u t-18-il sena. “Minbarra li jintużaw fuq quddiemnett fit-taqbid, it-tfal jintużaw biex isibu l-mini splussivi fl-art u wkoll bħala spiji, messaġġiera u għal skopijiet taʼ prostituzzjoni, skond il-Koalizzjoni biex Twaqqaf l-Użu taʼ Tfal Suldati.” Taʼ spiss it-tfal jingħataw xi narkotiċi kontra l-biżaʼ. Dawk li jirrifjutaw id-drogi jinqatlu, qal suldat ribell t’14-il sena fi Sierra Leone. Żagħżugħ mill-Afrika taʼ Fuq jgħid hekk dwar sehmu fil-ġlied li sar fl-1999 meta kellu 15-il sena: “Fuq quddiemnett poġġew lil dawk kollha li kellhom 15 u 16-il sena filwaqt li l-armata rtirat. Kont m’40 oħra. Kont ilni 24 siegħa niġġieled. Meta rajt li minn sħabi tlieta biss kienu baqgħu ħajjin, ġrejt lura.” Ir-rapport tal-Koalizzjoni stqarr li l-gvernijiet jingaġġaw it-tfal minħabba “l-kwalitajiet tagħhom taʼ tfal li huma—ma jitolbux ħafna flus, ma jimportax jekk imutu, u tagħġinhom iktar faċilment biex joqtlu bla biżaʼ u jobdu bla tlaqliq.”
Rekord Ġdid għat-Traduzzjoni tal-Bibbja
“B’kollox il-Bibbja issa hija disponibbli, sħiħa jew partijiet minnha, f’total taʼ 2,261 lingwa, żjieda taʼ 28 lingwa fi 12-il xahar,” tirrapporta s-Soċjetà Biblika tal-Britannja. ‘Il-Bibbja sħiħa issa hija disponibbli bi 383 lingwa, 13 iktar mis-sena l-oħra.’ Volumi sħaħ taʼ l-Iskrittura Ebrajka jew Griega, magħrufin ukoll bħala t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, issa huma disponibbli b’987 lingwa.
Il-Perikli tat-Trasfużjonijiet tad-Demm
“Waħda minn kull tliet trasfużjonijiet kienet qed tingħata meta, skond l-istruzzjonijiet dwar is-Saħħa [taʼ New South Wales], ma kellhiex tingħata,” tirrapporta s-Sydney Morning Herald taʼ l-Awstralja. “L-istruzzjonijiet jgħidu li t-trasfużjoni għandha tingħata meta l-livell taʼ l-emoglobina tal-pazjent ikun sebgħa jew inqas.” Dr. Ross Wilson, li mexxa l-istudju fuq l-użu tad-demm, spjega li “jekk tingħata trasfużjoni bla bżonn, il-pazjent jistaʼ jmut b’attakk tal-qalb.” Skond studju li għamel Dr. Wilson sitt snin qabel, “madwar 18,000 [Awstraljan] fis-sena mietu minħabba l-komplikazzjonijiet li nqalgħulhom direttament mill-kura medika li ngħataw.” Dr. Wilson jirrikkmanda li t-tobba jiġu mfakkrin bl-istruzzjonijiet tas-saħħa dwar it-trasfużjonijiet tad-demm kull darba li jitolbu trasfużjoni. Jirrikkmanda wkoll li l-pazjenti jiġu informati dwar dawn l-istruzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jistaqsu lit-tabib tagħhom huma stess.
Piena Ħarxa għall- Pornografija fuq l-Internet
“L-ogħla qorti kriminali fil-Ġermanja ħabbret . . . li t-tqassim tal-pornografija tat-tfal fuq l-Internet m’huwiex differenti miċ-ċirkulazzjoni taʼ materjal bħal dan stampat u li s-sentenza għal dan tistaʼ tkun taʼ 15-i sena ħabs,” tgħid l-Associated Press. L-artiklu spjega li “d-deċiżjoni tal-Qorti Federali stabbiliet preċedent fil-Ġermanja, li qabel ma kellha l-ebda proċedura legali stabbilita biex jiġu kastigati n-nies li jibagħtu stampi pornografiċi tat-tfal fuq l-Internet.” Il-qorti għolja qalbet sentenza tal-qorti taʼ l-istat li kienet tgħid li t-tixrid tal-pornografija tat-tfal fuq l-Internet m’huwiex offiża sesswali serja daqs it-tixrid taʼ materjal bħal dan stampat fuq il-karta.
Il-Marijuana u l-Qalb
“Persuni taʼ mezz’età li jpejpu l-ħaxixa [marijuana] għandhom ħames darbiet iktar ċans t’attakk tal-qalb sa siegħa wara li jpejpuha,” tgħid il-Globe and Mail tal-Kanada f’rapport dwar studju ġdid. “It-tipjip tal-marijuana jġiegħel lill-qalb tħabbat iżjed—taʼ spiss id-doppju—u jġib bidla fil-pressjoni tad-demm . . . Jistaʼ wkoll jistieden attakk tal-qalb billi jġiegħel id-demm jagħqad f’ċapep li mbagħad jimblokkaw il-passaġġ tad-demm għall-muskolu tal-qalb.” Dr. Harold Kalant mill-Università taʼ Toronto qal: “Għal persuni iktar imdaħħlin fiż-żmien, il-fatt li l-qalb ikollha taħdem iżjed huwa wieħed mir-riskji li jikkaġunaw attakk tal-qalb.” Il-kokaina hija saħansitra iktar perikoluża, jgħid ir-rapport, għax din iżżid ir-riskju għal attakk tal-qalb b’madwar 25 darba matul l-ewwel siegħa wara l-abbuż.
Żraben mill-Ġilda tal-Ħut
Industrija ġdida fil-Muntanji Andes fil-Perù qed tagħmel żraben mill-ġilda tat-trota, tgħid il-gazzetta taʼ Lima El Comercio. Il-ġilda tal-ħut, li tittieħed minn postijiet fejn jitrabba u jfaqqas il-ħut, tiġi mnaddfa u kkurata b’affarijiet naturali. Wara, tingħata ż-żejt u mbagħad tinżebagħ bi prodotti naturali bħalma huma ż-żagħfran taʼ l-Indja (turmeric), iż-żebgħa lewn l-iskarlatt li tittieħed mill-kuċċinilja (cochineal), jew il-ħwawar Messikani (achiote). Dan it-trattament ma jneħħix id-disinn attraenti forma taʼ djamant li jkollha l-ġilda. Din tistaʼ tintuża wkoll biex isiru “portmonijiet, kartieri, ċineg taʼ l-arloġġi, jew covers għat-telefons ċellulari.” Barbara León, inġiniera industrijali li mexxiet il-proġett, tgħid: “L-iktar ħaġa importanti hi li ma tintuża l-ebda kimika artifiċjali bħall-kromju. Dan il-fatt jgħin biex ma jkunx hemm xi problema taʼ kontaminazzjoni, u l-ġilda tat-trota tkun prodott totalment ekoloġiku.”
Id-Daħq Għadu l-Aħjar Mediċina!
‘Instab li jekk tieħu doża taʼ daħq kuljum għal erbaʼ ġimgħat, dan inaqqas ħafna s-sintomi tad-dipressjoni,’ tgħid The Independent taʼ Londra. “Xi wħud mill-pazjenti li ntqalilhom biex iqattgħu nofs siegħa kuljum jisimgħu tejps terapewtiċi tal-kummidjanti fiequ, filwaqt li oħrajn sabu li l-gravità tas-sintomi tagħhom kienet naqset bin-nofs.” Iktar minn 100 studju taʼ riċerka fl-Istati Uniti wrew li d-daħq li jiġi mill-umoriżmu jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Mhux in-nies b’dipressjoni biss irreaġixxew, imma anki dawk b’allerġiji, bil-pressjoni għolja, b’sistemi dgħajfin taʼ immunità, u saħansitra dawk bil-kanċer u l-artrite rewmatika. Id-daħq ilu żmien twil magħruf li jgħin lil dak li jkun iħossu aħjar, imma eżatt kif isir dan għadu mhux mifhum ċar. Minkejja dan, il-psikoterapista Dr. Ed Dunkleblau jagħti xi twissijiet: Evita ċajt insolenti u sarkastiku, u oqgħod attent li ma tagħmilx għors żejjed. Inkella, il-pazjent għandu mnejn iħoss li l-problema tiegħu mhix qed tittieħed bis-serjetà.