In-Nies Għala Qed Jitilqu r-Reliġjonijiet Tradizzjonali?
IR-RELIĠJONIJIET LI JISTQARRU li jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq dak taʼ Ġesù Kristu għandhom xi 1.7 biljun prattikant. Il-Kristjaneżmu huwa meqjus bħala l-akbar reliġjon fid-dinja, u saħansitra akbar fin-numru mir-reliġjonijiet popolari bħall-Buddiżmu, il-Ħinduiżmu, u l-Islam. Madankollu, ir-rapporti juru li f’ħafna pajjiżi li jgħidu li huma Kristjani, il-Kristjaneżmu qed jitlef il-kontroll li għandu fuq in-nies.
In-nies minn kull sfond soċjali qed jabbandunaw il-knejjes tagħhom. Ronald F. Inglehart, riċerkatur fl-Università taʼ Michigan u d-direttur taʼ l-Istħarriġ tal-Valuri fid-Dinja, qal li l-irwol tar-reliġjon qed jonqos ħafna fil-pajjiżi żviluppati. Ir-rivista Bible Review tikkwota dak li qal hu: “Mhux talli l-attendenza taʼ kull ġimgħa fil-knisja nieżla b’rata mgħaġġla, imma talli l-pajjiżi Amerikani Latini issa qed jibagħtu missjunarji biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies li kienu ġew jikkolonizzawhom.” Hu jsostni li l-“waqgħa tar-reliġjon” qed tidher partikolarment f’xi pajjiżi Ewropej tat-tramuntana. Fin-Norveġja u d-Danimarka, 5 fil-mija biss tal-popolazzjoni jmorru l-knisja regolarment. Fl-Isvezja l-figura hija baxxa, 4 fil-mija, u fir-Russja 2 fil-mija.
Rapporti mill-Ġermanja juru li bejn is-snin 1984 u l-1993, in-numru taʼ dawk li jmorru l-knisja regolarment fost il-Kattoliċi uffiċjali niżel minn 25.3 fil-mija għal 19 fil-mija. Sa l-1992, 4 fil-mija biss mill-Protestanti kienu qed jattendu regolarment il-quddiesa tal-Ħadd. Fl-1999, Christianity Today irrapportat: “Wieħed minn kull għaxar Ġermaniżi biss imur il-knisja kull ġimgħa.”
Rigward in-nuqqas taʼ nies li jemmnu fil-Britannja, il-gazzetta The Guardian tgħid: “Il-Kristjanità qatt ma kienet f’kundizzjoni agħar milli hi.” L-artiklu jgħid li ‘għall-qassis u l-presbiteru, is-snin mill-1950 sa l-2000 kienu l-agħar 50 sena mis-sekli kollha.’ Waqt li tirreferi għal rapport speċjali dwar ir-reliġjon fir-Renju Unit, il-gazzetta turi li mhux iż-żgħażagħ biss imma anki dawk imdaħħlin fiż-żmien qed jitilfu l-fidi fir-reliġjon organizzata. Din tgħid: “In-nies imdaħħlin fiż-żmien qed jitilfu l-fidi f’Alla iktar ma jikbru. Ir-riċerka ġdida li qed tikkonferma t-tendenza se tixxokkja l-knejjes tal-Britannja li jinsabu fi kriżi, li s’issa qiesu lil dawk imdaħħlin fiż-żmien bħala l-qafas dejjiemi tal-kongregazzjonijiet tagħhom li qegħdin dejjem jonqsu.”
Hemm tendenzi simili barra l-Ewropa. Per eżempju, ir-rivista Kanadiża Alberta Report tgħid li l-Kanada qed tesperjenza “waqgħa fit-twemmin u l-qima istituzzjonali” u li “t-triplu tal-Kanadiżi jippreferu l-fantasiji tagħhom stess dwar Alla milli jissottomettu ruħhom għal twemmin definit.”
Ħafna nies sempliċement ma jħossuhomx għonja jew imdawlin spiritwalment billi jattendu l-quddiesa tal-knisja. Skond ir-rivista Kanadiża Maclean’s, kemm il-Lhud u kemm il-Kattoliċi li ġew intervistati f’ermitaġġ, jew irtir reliġjuż għall-Ħindu fil-Ħimalaja, esprimew din l-opinjoni: “Ma bqajniex nitqanqlu minn ritwali mingħajr emozzjoni.” Tabilħaqq, anki wara ħafna snin t’attendenza regulari fil-knisja, xi wħud jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom, ‘X’tgħallimt tassew fil-knisja? Ninsab eqreb t’Alla bħala riżultat?’ Mhux taʼ b’xejn li, bħalma jpoġġiha l-awtur Gregg Easterbrook, “fil-Punent, il-faqar spiritwali ħa post il-faqar materjali bħala l-bżonn prinċipali taʼ żmienna.”
M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna pajjiżi fejn il-figuri taʼ l-attendenza fil-knisja huma ogħla. Madankollu, li wieħed imur il-knisja mhux dejjem ifisser li qed iżomm lealment mat-tagħlim tal-knisja. Per eżempju, il-gazzetta Awstraljana The Age tgħid li fil-Punent, in-numru tal-Kristjani li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom qed jonqos b’rata mgħaġġla. Fil-biċċa l-kbira taʼ l-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina, il-Kristjanità hija bħal velu li minn warajh ħafna nies qed ikomplu jħaddnu t-twemmin eżotiku taʼ xi tribù jew kult. Dan it-twemmin ħafna drabi jikkontradixxi u m’għandu xejn x’jaqsam mat-tagħlim tradizzjonali Kristjan, li ilu snin sħaħ imwarrab uffiċjalment.
Għala hawn tant nies, żgħar u kbar, li qed jabbandunaw il-knejjes tagħhom? Mid-dehra, fattur kbir huwa d-diżappunt.
Ir-Rekord mill-Agħar tar-Reliġjon
The Guardian tosserva dan li ġej: “Il-knisja Kattolika Rumana kellha rekord ħażin dwar kemm ftehmet minn taħt mal-faxxiżmu matul is-seklu 20, mill-prosit li tat lill-Ġeneral Franco wara l-gwerra ċivili Spanjola, sa l-isforzi reċenti li saru għan-nom tal-Ġeneral Pinochet.” Il-Guardian semmiet ukoll li Papa Piju XII, il-papa taʼ żmien il-gwerra, kien kuntent li jagħmel arranġament maʼ [Hitler] u jevita li jħossu imbarazzat billi, per eżempju, jikkundanna l-Olokawst.
The Age tistqarr li l-Kristjanità wriet li l-istqarrijiet tagħha kienu foloz f’wisq okkażjonijiet. Il-Kristjani ma rnexxilhomx jippreservaw il-paċi ġewwinija u l-unità tagħhom stess. Bħala prova taʼ dan, il-ħafna gwerer taʼ serq u konkwisti ġew ġustifikati billi ntqal li l-iskop tagħhom kien li jikkonvertu n-nies lejn Kristu. Il-fidi, it-tama, u l-imħabba suppost li huma l-iktar virtujiet Kristjani importanti, imma dawk li jgħidu li qed jipprovaw jilħqu dawn il-virtujiet jistgħu jkunu ċiniċi u indifferenti daqs dawk li m’humiex Kristjani u x’aktarx ma jagħmlux iktar karità minn dawk li m’humiex Kristjani. Il-gazzetta kompliet tgħid li kien pajjiż Kristjan li ta bidu għall-Olokawst u pajjiż Kristjan ieħor li qanqal il-biżaʼ kbir tal-gwerra atomika fuq il-Ġappun.
Xi wħud għandhom mnejn jargumentaw li l-Kristjaneżmu ilu jħeġġeġ virtujiet bħall-prudenza, il-qawwa, ir-rażna, u l-ġustizzja. Madankollu, The Age tikkummenta: “Sewwa, ġeneralment il-Kristjani fl-Ewropa, fl-Amerika taʼ Fuq, u fl-Awstralja jaħlu ħafna iktar milli hu xieraq mir-riżorsi taʼ l-Art u jkomplu jittolleraw l-isfruttar, il-moħqrija, u d-disprezz taʼ l-ambjent taʼ pajjiżi ġirien inqas qawwija biex jissodisfaw ix-xewqat tagħhom.”
Rigward il-futur tal-Kristjaneżmu, The Age tkompli li mingħajr struttura taʼ ideat organizzati u stabbli, il-Kristjanità qatt ma tistaʼ tittama li jerġaʼ jkollha l-qawwa soċjali li kellha fis-sekli li għaddew. Il-gazzetta kompliet tgħid li dan jistaʼ jkun tajjeb jew ħażin, jiddependi mill-ħarsa taʼ dak li jkun, imma li din hija r-realtà li se tiffaċċja l-Kristjanità fis-snin li ġejjin.
Bħala riżultat taʼ din il-korruzzjoni fid-dinja tar-reliġjon organizzata, ħafna qed jitilqu mill-knejjes stabbiliti. Imma l-alternattiva li jsibu tissodisfalhom tassew il-bżonnijiet tagħhom? Hija din is-soluzzjoni?
[Stampi f’paġna 7]
Ċerimonji elaborati jħallu lil ħafna jħossuhom mhux sodisfati spiritwalment
[Stampa f’paġna 7]
Ħafna telqu mir-reliġjonijiet tradizzjonali minħabba l-irwol tagħhom f’li jappoġġaw il-gwerer u l-gvernijiet politiċi kefrin
[Sors]
ritratt: age fotostock