LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 9/8 pp. 5-8
  • Hemm Xi Soluzzjoni?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Xi Soluzzjoni?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Narmu, Nirriċiklaw, jew Innaqqsu?
  • Il-​Perikli taʼ Mentalità taʼ “Uża u Armi”
  • Nuqqas taʼ Rispett Lejn il-​Ħajja
  • Ngħixu f’Soċjetà taʼ “Uża u Armi”
    Stenbaħ!—2002
  • Kif Tistaʼ Tkampa f’Soċjetà taʼ “Uża u Armi”
    Stenbaħ!—2002
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2002
  • X’Nistgħu Ngħidu dwar ir-Rivisti
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
Stenbaħ!—2002
g02 9/8 pp. 5-8

Hemm Xi Soluzzjoni?

X’GĦANDEK tagħmel b’xi ħaġa li xbajt minnha? “Sempliċement aqbad u armiha” tidher li hi t-​tweġiba sempliċi u ovvja. Madankollu, il-​mod kif neħilsu mill-​iskart m’huwiex dejjem sempliċi. Tarmiha fejn? Għaqda taʼ l-​ambjent fl-​Italja tikkalkula li flixkun tal-​ħġieġ mormi fil-​baħar jieħu 1,000 sena biex jitmermer. B’kuntrast, il-​karti assorbenti jitmermru fi tliet xhur biss. Filter taʼ sigarett idum iniġġes il-​baħar sa 5 snin; il-​basktijiet tal-​plastik minn 10 sa 20 sena; oġġetti tan-​nylon minn 30 sa 40 sena; il-​bottijiet 500 sena; u l-​ġablow 1,000 sena.

Il-kwantità taʼ dan it-​tip taʼ skart żdied b’mod enormi. Illum il-​ġurnata, fis-​suq insibu ħafna oġġetti, u d-​dinja tar-​reklamar trid tbellagħhielna li kollox huwa bżonn. Il-​gazzetta Ingliża The Guardian tgħid dan fil-​qosor: “Dawk li jirreklamaw jgħinuna nwieġbu għall-​ħtiġijiet li qatt ma konna nafu li kellna.” Tabilħaqq, tiġina t-​tentazzjoni li nixtru dak li joħroġ l-​aħħar fis-​suq, li ma mmorrux nibqgħu mingħajr xi ħaġa li tkun għadha kif ħarġet. U m’għandniex xi ngħidu, fir-​reklamar it-​terminu “ġdid” ifisser “aħjar u superjuri,” filwaqt li “qadim” ifisser “inferjuri u m’għadux moda.”

B’hekk, taʼ spiss niġu mħeġġin biex nixtru xi ħaġa ġdida minflok ma nsewwu xi ħaġa qadima. L-​argument tagħhom hu li jekk tixtri l-​ġdid ikun iktar prattiku u jaqbillek iktar milli ssewwih. Kultant dan hu minnu. Madankollu, taʼ spiss li tarmi l-​qadim u tixtri l-​ġdid jiswa ħafna flus u m’huwiex neċessarju.

Illum ħafna prodotti huma magħmulin biex tużahom u tarmihom. Forsi jkun diffiċli li ssewwihom—ħaġa li għandna nżommu f’moħħna meta nixtru xi ħaġa. Rivista Ġermaniża dwar xiri u bejgħ tinnota: ‘Iż-​żmien taʼ kemm iservu l-​prodotti individwali jkompli dejjem jiqsar. Dak li kien moda l-​bieraħ m’għadux moda llum u taʼ spiss jispiċċa fil-​barmil taż-​żibel. B’hekk, materja prima prezzjuża tispiċċa kuljum bħala skart li m’hu tajjeb għal xejn!’

Huwa dan ix-​xiri sfrenat verament taʼ ġid għall-​konsumatur? Il-​verità hi, li dawk li jibbenefikaw huma l-​ħwienet li jridu jimlew bwiethom. Die Weltwoche, gazzetta Svizzera targumenta: “Kollass ekonomiku huwa garantit jekk kulħadd juża’ l-​għamara u l-​karozza tiegħu għal għomru kollu jew saħansitra d-​doppju taʼ kemm qed jużahom bħalissa.” Kollass ekonomiku żgur li m’huwiex is-​soluzzjoni, ladarba dan ikun ifisser ukoll li l-​konsumaturi jispiċċaw bla xogħol. Mela, x’inhuma xi soluzzjonijiet għal dan l-​akkumular taʼ l-​iskart?

Narmu, Nirriċiklaw, jew Innaqqsu?

Xi pajjiżi industrijalizzati jagħżlu l-​eħfef triq billi sempliċement jitfgħu l-​iskart tagħhom f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Per eżempju, rapport jindika li “f’sit magħruf sew fin-​Niġerja nstabu 3,500 tunnellata kimika tossika li bdew inixxu mill-​iktar minn 8,000 ċilindru li kienu qed jissaddu u jitmermru, u dawn bdew jivvelenaw kemm il-​ħamrija u kemm l-​ilma taʼ taħt l-​art.” Dan il-​mod taʼ kif wieħed jeħles mill-​iskart la jidher li hu xi soluzzjoni prattika u lanqas mod xieraq kif wieħed għandu jittratta lil oħrajn.

Xi ngħidu li kieku l-​oġġetti li ma jibqgħux jintużaw jiġu riċiklati minflok ma jintremew? M’għandniex xi ngħidu, proġetti bħal dawn jirrikjedu li l-​konsumaturi jisseparaw l-​iskart tagħhom f’kategoriji differenti, xi ħaġa li hi diġà mitluba mil-​liġi f’ċertu lokalitajiet. L-​uffiċjali għandhom mnejn jitolbu li l-​iskart jiġi separat f’kategoriji bħalma huma l-​karti, il-​kartun, il-​metall, il-​ħġieġ, u l-​iskart organiku. Il-​ħġieġ, imbagħad, irid jiġi magħżul skond il-​kulur.

Jidher ċar li r-​riċiklaġġ għandu l-​vantaġġi tiegħu. Il-​ktieb 5000 Days to Save the Planet jinnota li r-​riċiklaġġ taʼ l-​aluminju “jiffranka ammonti enormi taʼ enerġija” u jistaʼ ‘jnaqqas il-​ħsara li ssir lil ambjent kaġunata mill-​proċess biex isibu l-​materjal li minnu jagħmlu l-​aluminju.’ Il-​ktieb jelabora: “Għall-​istess ammont prodott taʼ karti, ir-​riċiklaġġ juża’ biss nofs l-​enerġija, u wieħed minn kull għaxar parti taʼ l-​ilma. . . . Ħafna mill-​prodotti li jkunu se jintremew jistgħu jiġu rkuprati, riċiklati, u użati mill-​ġdid. . . . Anki meta l-​industriji ma jistgħux jerġgħu jużaw l-​iskart tagħhom stess, huma jistgħu xi drabi jirriċiklawh biex jużah ħaddieħor . . . Fl-​Olanda, grupp taʼ kumpaniji li jaħdmu id f’id biex ipartu l-​iskart ilhom joperaw b’suċċess mill-​bidu tas-​snin sebgħin.”

Minflok ma jfittxu modi kif jeħilsu mill-​iskart, xi awtoritajiet oħra qed ipoġġu iktar enfasi fuq li jaraw li ma jinħoloqx skart bla bżonn. Il-​ktieb li semmejna qabel iwissi li “azzjoni urġenti hija meħtieġa” jekk il-​bniedem ‘irid jeħles minn ekonomija taʼ “uża u armi” . . . u jersaq lejn soċjetà li taħdem kontra l-​ħela u l-​ħsara biex timminimizza l-​iskart u tnaqqas il-​konsum tagħha tar-​riżorsi.’

Madankollu, dawk li jridu ‘jeħilsu minn ekonomija taʼ “uża u armi”’ jridu jkunu lesti li jibqgħu jużaw l-​affarijiet li jixtru kemm jistaʼ jkun, u jarmuhom biss meta ma jkunux jistgħu jissewwew iktar. Affarijiet li jkunu xebgħu minnhom imma li jkunu għadhom tajbin iridu jagħtuhom lil xi ħadd li jużahom. L-​uffiċċju taʼ Darmstadt taʼ l-​Öko-Institut Ġermaniż (Istitut għall-​Ekoloġija Applikata) jikkalkula li familja li żżomm b’mod konsistenti mal-​prinċipju “Uża minflok ma taħli” tipproduċi sa 75 fil-​mija taʼ skart inqas minn kwalunkwe familja oħra.

Imma se jkun hemm biżżejjed familji li jżommu maʼ dawn il-​prinċipji? Ma tantx jidher li hu possibbli. Il-​problema taʼ l-​iskart tal-​bniedem hija sempliċement sintomu taʼ kwistjonijiet akbar. Fis-​soċjetà taʼ “uża u armi” taʼ llum, iktar u iktar nies adottaw dik li nistgħu nsejħulha mentalità taʼ “uża u armi.” Ejja neżaminaw din l-​attitudni—u ftit mill-​estremi li tistaʼ twassal għalihom.

Il-​Perikli taʼ Mentalità taʼ “Uża u Armi”

Mentalità taʼ “uża u armi” tistaʼ faċilment twassal għal iktar minn sempliċement ftit ħela. Tistaʼ ġġiegħel lin-​nies juru nuqqas taʼ apprezzament u nuqqas taʼ ħsieb, u minħabba f’hekk ma jsibuhiex bi tqila biex jaħlu kwantitajiet kbar taʼ ikel u riżorsi oħra, li lanqas biss ma jkunu mimsusa. Dawk li moħħhom fihom infushom u li huma influwenzati mir-​reklami u mill-​gosti tagħhom għandhom mnejn iħossuhom imġagħlin ibiddlu ħwejjeġ, għamara, u affarijiet oħra li jkunu għadhom tajbin u jixtru l-​ġodda.

Madankollu, il-​mentalità taʼ “uża u armi” ma tapplikax biss għall-​affarijiet. Proġett fil-​Ġermanja li sar bl-​għan li jutilizzaw affarijiet tad-​dar li jwarrbu n-​nies, innota dan reċentement: “Il-​mod kif nittrattaw is-​salott, li ma jkunx għadu jogħġobna u narmuh wara ħames snin biex nixtru ieħor ġdid, qed jiġi kopjat fil-​mod kif nittrattaw lin-​nies. Il-​mistoqsija hi kemm is-​soċjetà tagħna se ddum tittollerah dan.” Ir-​rapport jispjega: “Hekk kif xi ħadd ma jibqax effiċjenti mija fil-​mija, hu jiġi sostitwit minn ħaddieħor. Wara kollox, hemm ħafna ħaddiema minfejn tagħżel!”

Fil-ktieb tiegħu Earth in the Balance, Al Gore, dak li qabel kien il-​viċi president taʼ l-​Istati Uniti, staqsa din il-​mistoqsija f’lokha: “Jekk aħna sirna nqisu l-​affarijiet li nużaw bħala disposable, huwa possibbli li bdilna wkoll il-​mod taʼ kif naħsbu dwar sħabna l-​bnedmin?  . . . Tlifna aħna fil-​proċess l-​apprezzament għal dak li jagħmel lil kull wieħed minna uniku?”

Nies li jitilfu l-​apprezzament u r-​rispett lejn oħrajn, probabbilment se jsibuha eħfef—u jħossuhom inqas ħatja—biex jeħilsu mill-​ħbieb jew mill-​imseħbin tagħhom fiż-​żwieġ. Waqt li kkummentat dwar dan il-​mod taʼ ħsieb, il-​gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung targumenta: “Darbtejn fis-​sena nixtru ħwejjeġ ġodda, kull erbaʼ snin karozza ġdida, u kull għaxar snin salott ġdid; kull sena nfittxu post ġdid fejn se mmorru għall-​vaganza; inbiddlu d-​djar, l-​impjiegi, in-​negozju—allura għala mhux l-​imseħbin tagħna fiż-​żwieġ ukoll?”

Ħafna nies illum huma lesti li jarmu kważi kwalunkwe ħaġa li tibda ssir taʼ piż għalihom. Per eżempju, huwa stmat li f’pajjiż Ewropew, madwar 100,000 qattus u 96,000 kelb ġew abbandunati mis-​sidien tagħhom matul l-​1999. Attivista li taħdem għad-​drittijiet taʼ l-​annimali f’dan il-​pajjiż tgħid li ċ-​ċittadini sħabha “ma jqisux il-​fatt li jrabbu xi annimal bħala impenn għal ħafna żmien. Jixtrulek ġeru f’Settembru, u jabbandunawh [sena wara meta jmorru għal xi vaganza] f’Awissu.” Jerġaʼ agħar minn hekk, il-​mentalità taʼ “uża u armi” tiġi estiża għall-​istess ħajja tal-​bniedem.

Nuqqas taʼ Rispett Lejn il-​Ħajja

Illum, xi nies donnhom jaħsbu li ħajjithom stess ftit li xejn għandha valur veru. Dan kif? Per eżempju, rivista Ewropea nnotat reċentement li ż-​żgħażagħ saru iktar lesti li jieħdu riskji f’dawn l-​aħħar snin. Dan jistaʼ jidher minn kemm saru iktar lesti li jieħdu sehem fi sports estrem. Għal ftit mumenti taʼ eċċitament, ikunu lesti li jitilfu ħajjithom stess! Negozjanti li għandhom kilba għall-​flus, malajr jieħdu vantaġġ minn din it-​tendenza. Politikant Ġermaniż innota li dawk li jippromwovu dan l-​isports estrem “taʼ spiss jikkunsidraw il-​qligħ tal-​flus bħala iktar importanti mis-​saħħa u l-​ħajja tal-​bniedem.”

U xi ngħidu dwar il-​qtil taʼ trabi li għadhom ma tweldux? L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO) tikkalkula li “fid-​dinja kollha madwar 75 miljun tifel u tifla kkonċeputi kull sena, attwalment ħadd ma jridhom. Għal ħafna nisa, l-​abort huwa l-​uniku soluzzjoni.” Anki wara t-​twelid, dawn it-​trabi jkunu fil-​periklu. Skond il-​gazzetta Brażiljana O Estado de S. Paulo, “każi taʼ trabi abbandunati fit-​toroq qed jiżdiedu.” Qed jiġri dan fejn toqgħod int?

Kull fejn inħarsu fid-​dinja taʼ llum naraw evidenza li l-​ħajja tal-​bniedem taʼ spiss titqies li m’għandhiex valur, ma tiswiex, xi ħaġa li jekk titlifha qisu ma ġara xejn. Din it-​tendenza qed narawha fil-​vjolenza fid-​divertiment popolari, fejn l-​“eroj” ibiċċru għadd taʼ “nies ħżiena,” u dan f’programm televiżiv jew film wieħed. Qed narawha fil-​mewġa kontinwa taʼ kriminalità vjolenti li qed taħkem lid-​dinja, fejn ħallelin joqtlu l-​vittmi tagħhom għal ftit flus—jew bla ebda raġuni taʼ xejn. U narawha fl-​aħbarijiet fir-​rapporti li jkexkxuk taʼ atti terroristiċi, tindif etniku, u ġenoċidji totali, li lkoll kemm huma jinvolvu t-​tbiċċir kiefer taʼ bnedmin fuq skala kbira—ħajjiet prezzjużi mormijin qishom skart.

Forsi ma nistgħux nevitaw li ngħixu f’soċjetà taʼ “uża u armi,” imma nistgħu nevitaw li nadottaw mentalità taʼ “uża u armi.” L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti x’jistaʼ jgħinna nkampaw mas-​soċjetà taʼ “uża u armi” taʼ llum kif ukoll maʼ l-​attitudnijiet xejn sbieħ li jiġu magħha.

[Stampa f’paġna 6]

F’ħafna pajjiżi r-​riċiklaġġ huwa obbligatorju

[Stampi f’paġna 7]

Iġagħluk ir-​reklami, li dejjem jinbidlu, tarmi ħwejjeġ tajbin biex tixtri dawk ġodda?

[Stampa f’paġna 8]

It-​trabi li għadhom ma twildux għandna ngħożżuhom u mhux narmuhom

[Sors]

Index Stock Photography Inc./BSIP Agency

[Stampa f’paġna 8]

Il-​ħajja hija prezzjuża wisq biex nieħdu riskju li narmuha minħabba ftit eċċitament

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja