Nawgurawlek Tmiem il-Ġimgħa mill-Isbaħ!
KWAŻI kulħadd iħares ’il quddiem lejh, u meta jasal, ikun taʼ spiss l-iktar parti eċċitanti tal-ġimgħa. Xi wħud isiefru fih, oħrajn jilagħbu fih, oħrajn iqimu fih, u xi oħrajn joqogħdu d-dar u jorqdu fih.
Qegħdin nitkellmu dwar dak il-perijodu bejn l-aħħar tal-ġimgħa tax-xogħol (jew il-ġimgħa taʼ l-iskola) u l-bidu taʼ dik li jmiss—tmiem il-ġimgħa! Għal xi nies li jgħixu fid-dinja tal-Punent, tmiem il-ġimgħa jibda f’xi ħin il-Ġimgħa u jibqaʼ sejjer sal-Ħadd. Iżda minfejn oriġinat l-idea taʼ tmiem il-ġimgħa? U jekk tgħix fejn ġimgħa taʼ xogħol taʼ ħamest ijiem hija komuni, kif tistaʼ tuża tmiem il-ġimgħa b’mod siewi?
Minn Ġurnata taʼ Mistrieħ għal Tmiem il-Ġimgħa
Il-liġijiet tas-Sabat li ngħataw lill-ġens taʼ Iżrael xi 3,500 sena ilu kienu jesiġu: “Int taħdem għal sitt ijiem, imma s-sebaʼ jum hu s-Sibt tal-mistrieħ, jum qaddis għall-Mulej; kull min jaħdem f’jum is-Sibt, ikun ħaqqu l-mewt.” (Eżodu 31:15) Is-Sabat kien ukoll opportunità għall-ġenituri Iżraelin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-familji tagħhom.
Is-Sabat Lhudi kien idum minn inżul ix-xemx tal-Ġimgħa sa nżul ix-xemx tas-Sibt. Madankollu, skond The World Book Encyclopedia, dawk li kienu jistqarru li huma Kristjani “għamlu l-Ħadd ġurnata speċjali taʼ qima, għax kienu jemmnu li Ġesù kien ġie rxoxtat f’dik il-ġurnata. Fis-sena 300 A.D. u fil-ftit snin taʼ wara, kemm il-knisja u kemm l-istat irrikonoxxew uffiċjalment din il-ġurnata bħala jum taʼ mistrieħ fl-Ewropa.”
Ħaġa taʼ interess hi li dan il-perijodu taʼ mistrieħ m’ilux ħafna li ġie mtawwal għal iktar minn ġurnata waħda biss. Dan beda fil-Britannja fis-snin 70 tas-seklu 19, fejn il-ġimgħa tax-xogħol kienet tispiċċa f’nofsinhar tas-Sibt. Tmiem il-ġimgħa sar jinkludi dak in-nofs taʼ nhar vaganza flimkien mal-Ħadd. Is-Sibt wara nofsinhar kien jibda b’ikla mal-familja, li skond ir-rivista Atlantic Monthly, “taʼ spiss kienet tiġi segwita minn banju li kien jittieħed darba f’ġimgħa f’post lokali bil-banjijiet.”
Fl-Istati Uniti, tmiem il-ġimgħa kien imtawwal saħansitra iktar, għal vaganza taʼ jumejn. Skond sors wieħed, l-ewwel ġimgħa xogħol taʼ ħamest ijiem ġiet introdotta minn fabbrika fi New England fl-1908. Dan l-arranġament kien aċċettabbli kemm għall-ħaddiema Lhud u kemm għal dawk “Kristjani,” ladarba kull grupp kellu l-ġurnata taʼ mistrieħ tiegħu—is-Sibt għal-Lhud u l-Ħadd għall-“Kristjani.” Il-ġimgħa tax-xogħol taʼ ħamest ijiem malajr saret popolari. Henry Ford, li kien manifattur tal-karozzi, mexxa din l-idea ’l quddiem. Dan peress li, taʼ bniedem moħħu jilħaqlu li kien, ikkonkluda li l-ħruġ mal-familja fi tmiem il-ġimgħa kien se jżid il-bejgħ tal-karozzi.
X’Għandek Ippjanat għal Tmiem il-Ġimgħa?
Illum, tmiem il-ġimgħa taʼ jumejn daħal ħafna fl-istil taʼ ħajja tal-Punent. Jekk tgħix f’din il-parti tad-dinja, lejn l-aħħar taʼ ġimgħa xogħol, x’aktarx li sħabek se jistaqsuk, “X’għandek ippjanat għal tmiem il-ġimgħa?” It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinkludi possibbiltajiet eċċitanti.
Ladarba matul il-ġimgħa kollha l-ħin tiegħek huwa kontrollat mill-imgħallem, tmiem il-ġimgħa jistaʼ jagħtik opportunità biex terġaʼ tikseb sens taʼ kontroll fuq ħajtek. Jistaʼ jgħinek ukoll tieħu pawsa mir-rutina tiegħek taʼ matul il-ġimgħa u jagħtik l-opportunità li tieħu l-mistrieħ li għandek bżonn jew li tqattaʼ ftit tal-ħin mal-maħbubin tiegħek. Jew jistaʼ sempliċement jagħtik l-opportunità biex tieħu sehem f’wieħed mill-iktar passatempi popolari fi tmiem il-ġimgħa—ix-xiri għall-gost. “Vera nieħu pjaċir meta mmur indur il-ħwienet,” tgħid Brigitte, li tgħix il-Ġermanja.
Xi studji juru li ħafna nies jippreferu li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom sempliċement jirrilassaw. Dawk l-uħud li fi tmiem il-ġimgħa jkunu jridu joqogħdu d-dar akkost taʼ kollox, jistgħu jagħmlu affarijiet oħra: jieħdu ħsieb il-pjanti taʼ ġewwa jew taʼ barra, iġemmgħu l-bolol, idoqqu jew jisimgħu l-mużika, jaraw il-vidjos, isajru, jiktbu l-ittri, jaqraw, iħitu, jaħdmu s-suf, jieħdu sehem f’xi sport, u jpinġu, biex insemmu ftit biss. Xi wħud jippreferu jagħmlu affarijiet li bihom ikunu jistgħu jikkomunikaw maʼ wliedhom u l-parti l-oħra fiż-żwieġ, bħal per eżempju bil-jigsaw puzzles jew b’xi logħob ieħor li jintlagħab fuq il-mejda.a
Tikkundanna l-Bibbja li wieħed juża l-ħin tiegħu b’modi bħal dawn li jidhru li huma ħela taʼ żmien? Mhux bilfors. Salamun kiteb: “Aħjar id waħda mimlija u fil-mistrieħ, milli tnejn imfawwra u fit-taħbit, u l-ġiri wara r-riħ.” (Koħèlet 4:6) Meta jsiru bil-moderazzjoni, il-logħob, il-mistrieħ, u r-rilassament żgur li għandhom posthom fil-ħajja taʼ Kristjan.
Meta Tmur fl-Estrem
Mill-banda l-oħra, iż-żejjed minn ħaġa tajba wkoll jistaʼ jkollu r-riżultat oppost taʼ dak mixtieq, u jagħmel il-ħsara. Per eżempju, it-taħriġ fiżiku għandu l-benefiċċji tiegħu. (1 Timotju 4:8) Iżda xi atleti taʼ tmiem il-ġimgħa jipprattikaw l-isport b’devozzjoni kważi reliġjuża. Billi jkunu determinati li jiżviluppaw il-metodu t-tajjeb biex jirbħu, xi wħud iqattgħu żżejjed ħin u jonfqu wisq flus biex jieħdu lezzjonijiet u jixtru apparat elaborat taʼ l-isport.
Barra minn hekk, hemm involuti riskji taʼ saħħa meta wieħed jisforza lil ġismu iktar milli jiflaħ avolja ma jkunx trenjat. Ġurnal wieħed jirrapporta dwar nies taʼ mezz’età msejħin “gwerrieri taʼ l-isport taʼ tmiem il-ġimgħa” li, billi huma determinati li jidhru iżgħar, jispiċċaw jilwu, ifekku, jaqtgħu, u jbenġlu xi mkien. Oħrajn jirriskjaw ħajjithom jew iweġġgħu serjament fi sport hekk imsejjaħ eċċitanti jew estrem.b B’hekk il-Bibbja tagħti l-parir għaqli ħafna biex wieħed juża r-‘rażna.’ (Titu 2:2) L-eżerċizzju għandu jġiegħel lil dak li jkun iħossu rifreskat, mhux jixroblu saħħtu jew jipperikolah.
B’hekk xi wħud jippreferu jieħdu sehem f’attivitajiet fiżiċi inqas estremi. Per eżempju, il-mixi huwa popolari ferm fil-Ġermanja. Fil-fatt, passatemp favorit wieħed fl-Ewropa jissejjaħ il-mixi bi sfida. Dan jirrikjedi li tiġri wara l-ħin u mhux wara nies oħra. L-idea hi li timxi minn mogħdija speċifika f’ċertu ħin stipulat. Dan żgur hu mod pjaċevoli kif tagħmel l-eżerċizzju u fl-istess ħin tgawdi veduti mill-isbaħ. U hija xi ħaġa li l-familja kollha tistaʼ tieħu pjaċir tagħmilha.
Tmiem il-Ġimgħa Mimli Daqs Bajda
Xi drabi xi wħud jimlew wisq tmiem il-ġimgħa b’attivitajiet li jispiċċaw ma jiħdux gost jagħmluhom jew igawdu ftit biss minnhom. Meta tibda l-ġimgħa l-ġdida, dawn iħossuhom għajjenin ferm, mhux rifreskati. Ir-rivista Ġermaniża Focus irrapportat dwar studju li fih 27 fil-mija taʼ dawk mistoqsijin sabu li l-attivitajiet tagħhom taʼ rikreazzjoni kienu qed isiru b’wisq ġenn u kienu stressanti żżejjed.
“Il-mistrieħ jipproteġi l-effiċjenza,” kitbet ir-rivista Time. Bl-istess mod, Ġesù Kristu fehem li għandna bżonn nistrieħu u nirrilassaw. Mark 6:31 jirrapporta li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “‘Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.’ Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.” Għalhekk, filwaqt li l-eżerċizzju, ix-xiri, u affarijiet simili għandhom posthom, jekk tippjana xi ħin għall-qari, il-mistrieħ, jew l-irqad tistaʼ tħossok rifreskat ħafna. Madankollu, hemm xi ħaġa oħra li tistaʼ tagħmel biex tmiem il-ġimgħa tgawdih iktar.
Bżonnijiet Spiritwali
Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mattew 5:3) Wieħed mill-iskopijiet tas-Sabat, il-jum oriġinali tal-mistrieħ, kien biex in-nies ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Jistaʼ tmiem il-ġimgħa jintuża għal skop simili llum? Ikkunsidra l-eżempju tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-biċċa l-kbira mill-kongregazzjonijiet tagħhom ikollhom il-laqgħat prinċipali jew nhar taʼ Sibt jew nhar taʼ Ħadd. Fi tmiem il-ġimgħa jsiru wkoll laqgħat akbar, bħalma huma l-assembleat u l-konvenzjonijiet. Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah spiss jużaw ċertu ħin fi tmiem il-ġimgħa biex imorru minn dar għal dar u jiddiskutu l-Bibbja mal-proxxmu tagħhom.
M’għandniex xi ngħidu, bħal kulħadd, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom xogħlijiet, djar, u familji x’jieħdu ħsieb. Għalhekk, meta jkun possibbli, huma jippjanaw ukoll attivitajiet taʼ rikreazzjoni għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Iżda huma jagħtu l-prijorità lill-affarijiet spiritwali. Huwa dan taʼ piż għalihom? Ikkunsidra l-esperjenzi taʼ l-individwi li ġejjin.
Qabel ma saru Xhieda, Jürgen u Doris, raġel u mara mill-Ġermanja, kienu jqattgħu tmiem il-ġimgħa jittrennjaw fi klabb taʼ l-isports. Melle u Helena kienu jqattgħu l-ħin iżuru l-mużewijiet taʼ l-arti. Wieħed raġel jismu Helmut, fi tmiem il-ġimgħa kien iħobb joħroġ u jgawdi n-natura. U waħda mara jisimha Silvia kienet tqattaʼ tmiem il-ġimgħa fid-diskoteka. Iżda mindu saru Xhieda taʼ Jehovah id-drawwiet tagħhom taʼ rikreazzjoni nbidlu ferm.
Jürgen u Doris jispjegaw: “Vera li dejjem kien ikollna x’nagħmlu bl-attivitajiet tagħna taʼ rikreazzjoni, imma mhux li kienu jtejbulna ħajjitna. Illum il-ġurnata, meta ngħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja, kemm ħajjithom kif ukoll ħajjitna, ssir iżjed sinifikanti u mimlija skop.” Xi ngħidu dwar Melle u Helena? “Il-Bibbja tagħti gwida biex ikollna l-aqwa ħajja possibbli, u meta nitkellmu maʼ nies oħra dwarha nħossuna ferħanin ħafna.” Ħajjet Helmut issa għala hi iktar sodisfaċenti? “Jiena naf li dak li qiegħed nagħmel fil-ministeru pubbliku huwa importanti għal Jehovah,” jgħid hu. U Silvia tikkummenta: “Fl-ippridkar niltaqaʼ man-nies u jkolli konversazzjonijiet interessanti, u jien nieħu gost nagħmilhom it-tnejn li huma.”
Għax ma tkellimhomx lix-Xhieda taʼ Jehovah meta jerġgħu jiġu jżuruk? Diskussjoni qasira maʼ xi ħadd minnhom tistaʼ tkun l-ewwel pass biex issib iktar skop fil-ħajja, mhux biss fi tmiem il-ġimgħa imma kull ġurnata tal-ġimgħa!
Huma x’inhuma l-attivitajiet taʼ rikreazzjoni li tħobb, kun ċert li tmiem il-ġimgħa jkun inkuraġġanti u pjaċevoli. Jekk tifhem bil-Ġermaniż, nixtiqulek “schönes Wochenende.” Jekk taf bl-Ispanjol, mela, “¡Buen fin de semana!” Jekk inti mill-Ukraina, nistgħu ngħidulek, “Бажаю вам приємно провести вихідні.” Tgħix fejn tgħix u tagħmel x’tagħmel, nawgurawlek tmiem il-ġimgħa mill-isbaħ!
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar il-perikli taʼ ċertu logħob elettroniku, ara l-artiklu “Young People Ask . . . Should I Play Computer or Video Games?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Nilgħab Logħob tal-Kompjter jew Video Games?) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 t’Awissu, 1996, u fis-serje “Il-Logħob Elettroniku—Fih Xi Aspett Negattiv?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Jannar, 2003.
b Ara l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: ‘Sport Estrem’—Għandek Tieħu r-Riskju?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 t’Ottubru, 2000. Ara wkoll “Young People Ask . . . Thrill Sports—Should I Take a Chance?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Sport Eċċitanti—Għandi Nirriskja?) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Lulju, 1994, u “Thrill Seekers—Why the Fatal Attraction?” (Għala Ħafna Jinġibdu Lejn Eċcitament Fatali?) fil-ħarġa tat-8 taʼ Ottubru, 2002.
[Kumment f’paġna 21]
Tmiem il-ġimgħa sabiħ huwa taħlita bnina taʼ mistrieħ, rikreazzjoni, u attività spiritwali