Mingħand il-Qarrejja
Familji b’Ġenitur Wieħed Ma nistax nispjega kemm ħadt gost naqra s-serje t’artikli tal-bidu “Familji b’Ġenitur Wieħed Jistgħu Jirnexxu.” (8 t’Ottubru, 2002) Inkun irrid nerġaʼ naqraha darba wara l-oħra! Jien ġenitur waħdi b’żewġt itfal. Kull darba li naqra dawn l-artikli, inqawwi qalbi għax nara li nistaʼ nirnexxi u li miniex waħdi. Grazzi ħafna!
C. B., Stati Uniti
Grazzi ħafna talli stampajtu dawn l-artikli. Kont għadni kif bdejt inħossni skuraġġita minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti tiegħi bħala ġenitur waħdi u li kelli nerġaʼ nibda naħdem wara li kont ili nieħu ħsieb uliedi d-dar għal bosta snin. Madankollu, l-artikli tawni t-tama u l-inkuraġġiment li kelli bżonn. Qed nippjana biex napplika s-suġġerimenti, bħal per eżempju li nkun organizzata tajjeb u li jkolli studju tal-Bibbja regulari mal-familja. Se nżomm din ir-rivista fejn nistaʼ nsibha malajr u se naqraha kull meta nerġaʼ nibda nħossni skuraġġita.
B. A., Stati Uniti
Pingwini Ir-raġel tiegħi ma ħalliex liż-żewġ uliedi subien jistudjaw il-Bibbja. Bħala riżultat, uliedi m’humiex interessati li jistudjaw. Imma grazzi għall-artikli istruttivi tagħkom, xorta waħda nistaʼ nedukahom b’mod spiritwali. Jien nagħżel dawk l-artikli li ma jsemmux il-Bibbja jew lil Alla b’mod speċifiku imma li jistgħu jkunu taʼ interess għal uliedi. Per eżempju, għamilt kopja taʼ l-artiklu “Ara Ġejjin il-Pingwini Żgħar Jimmarċjaw Qishom f’Parata! (8 taʼ Novembru, 2002) u poġġejtu ġo folder żgħir li għamilt għalihom u semmejtu L-Għeġubijiet tan-Natura. Nitlob lil Jehovah biex ibierek l-isforzi tiegħi biex nipperswadi lil uliedi.
J. G., Franza
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu Nixtieq nikkummenta dwar l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Ma Jħobbunix il-Ġenituri Tiegħi?” (8 t’Ottubru, 2002) Wara li l-ġenituri tiegħi ddivorzjaw, bdejt għaddejja minn dipressjoni serja. Xi drabi, kien jidher li ħadd ma setaʼ jgħinni. Għandi l-aqwa omm u ħu li qatt ħadd jistaʼ jixtieq, imma xi drabi nħoss li biċċa minn qalbi hija nieqsa—il-biċċa li missieri ħa minħabba li ma ħabbnix. Tlabt lil Jehovah biex jagħtini xi ħaġa li kienet se tgħinni. Dan hu dak li għamel dan l-artiklu għalija. Għenni biex inħossni aħjar dwari nnifsi, u tgħallimt kif għandi nkampa. L-iktar li messitli qalbi kienet l-iskrittura taʼ Salm 27:10. Għenitni nagħraf li Jehovah iħobbni anki meta jkun jidher li ħadd ma qed jagħmel dan.
D. B., Stati Uniti
Telefons Ċellulari L-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Bżonnu t-Telefon Ċellulari?” (8 taʼ Novembru, 2002) għenni ħafna. Qabel ma qrajt dan l-artiklu, ma kontx inkun nistaʼ norqod qabel ma nwieġeb il-messaġġi li kont nirċievi. Imma issa għentuni nara l-vantaġġi u l-iżvantaġġi taʼ dan l-oġġett.
. A., Filippini
Jien kont nuża t-telefon tiegħi biex inżomm kuntatt maʼ ġuvni permezz taʼ l-E-mail. Konna nitkellmu dwar problemi persunali, u kont ferħana li stajt niftaħ qalbi maʼ xi ħadd. Maż-żmien, hu waqaf jibgħatli l-E-mails, u ħadt għalija. Iżda l-artiklu għenni nara li meta jinżamm kuntatt bl-E-mail, dan jistaʼ jkun forma taʼ namur. U naħseb li l-ġuvni rrealizza dan ukoll. Issa nagħti l-indirizz taʼ l-E-mail tiegħi lil dawk l-uħud biss li għandhom bżonn ikunu jafuh.
Y. M., Ġappun