L-“Iktar Triq Wieqfa”?
◼ X’hemm speċjali dwar it-Triq Baldwin, f’Dunedin, New Zealand? Dunedin ilha ssostni li din it-triq hija l-iktar triq wieqfa fid-dinja. Għalkemm din l-istqarrija ġiet sfidata, ħaġa waħda hija ċerta: Triq Baldwin hija wieqfa b’mod eċċezzjonali.
Din it-triq magħrufa sew saret post turistiku popolari għall-viżitaturi minn madwar id-dinja. Le, m’għandekx għalfejn tkun xi ħadd li jħobb jitlaʼ l-muntanji biex tilħaq il-quċċata tagħha. Tistaʼ titlaʼ din it-triq taʼ 359 metru bil-mixi, imma s-sewwieqa huma skuraġġiti li jitilgħuha bil-karozza.
Ejja Itlaʼ t-Telgħa Magħna
Il-ġurnata hija sabiħa u jien u sħabi qed nagħtu daqqa t’għajn lejn it-triq wieqfa kollha li hawn quddiemna. Hekk kif nibdew telgħin, diġà qed nieħdu nifs qawwi filwaqt li ninklinaw ’il quddiem biex ma negħlbux lura. “Qisek tielgħa maʼ ħajt tal-konkrit,” jgħid xi ħadd b’nifsu maqtugħ. Fil-pront naraw bank li bħallikieku qed jgħajtilna biex immorru nistrieħu.
Hekk kif inkomplu telgħin, malajr naslu fil-quċċata fejn qed ingawdu l-veduta u fl-istess ħin nistrieħu ftit. Taħtna qed naraw ringieli sbieħ taʼ djar u ġonna li huma miżmumin tajjeb. Fix-xefaq nistgħu naraw mhedda t’art mhux kultivata b’ħaxix aħdar salvaġġ fi sfond taʼ sema ikħal.
Il-mixja tagħna sal-quċċata ma kisret l-ebda rekord taʼ veloċità. Wara li ninżlu n-niżla kollha, nieqfu biex nieħdu ritratt tal-konkwista tagħna u biex nistaqsu għall-kopja taċ-ċertifikat li jgħid li tlajna “l-Iktar Triq Wieqfa fid-Dinja.”