Il-Moda li Dejjem Tinbidel
KEMM jekk nirrealizzaw jew le, id-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum dwar x’se nilbsu, sa ċertu punt, jiġu influwenzati mill-moda. Fl-aħħar mill-aħħar, l-influwenza qawwija tal-moda tiddetermina ħafna dak li ssib x’tixtri.
Anki dawk il-ħwejjeġ li issa nħarsu lejhom bħala li huma ordinarji, xi darba kienu tal-moda. Per eżempju, iktar minn seklu ilu, il-qmis u l-ingravata taʼ l-irġiel kienu saru verament popolari. U lura fis-snin 20 il-flokkijiet tan-nisa saru stil permanenti fil-moda.
Żewġ xewqat bażiċi jqanqlu l-industrija tal-moda—li tkun oriġinali u li taddatta ruħek. Kważi kulħadd jieħu pjaċir jilbes xi ħaġa ġdida. Din hija r-raġuni għala xi drabi nixtru l-ħwejjeġ, mhux minħabba li xi libsa ma tkunx għadha tajba iżda sempliċement għax inkunu rridu bidla. Fl-istess ħin, ma nkunux irridu nidhru differenti, għalhekk nixtru l-ħwejjeġ biex sa ċertu punt naqblu maʼ l-istil taʼ sħabna. Tul is-sekli l-industrija tal-ħwejjeġ ħadet ħsieb dawn ix-xewqat taʼ l-individwu li jrid ikun oriġinali u li jaddatta ruħu, u kultant saħansitra ħadet vantaġġ minnhom.
Storja fil-Qosor
Biex joħolqu stil, l-istilisti jużaw ħames elementi bażiċi: il-kulur, il-forma, id-drapp, in-nisġa, u kif jitqassmu l-linji (jew id-disinn fil-wiċċ tad-drapp). Tul is-snin, l-għażliet disponibbli għall-istilisti u l-ħajjata mmultiplikaw f’dawn il-ħames aspetti. Per eżempju, fl-Eġittu tal-qedem, id-drapp trasparenti magħmul mill-għażel, li kien isir lokalment, kien mitlub ħafna u kien ideali għal temp sħun. Iżda minħabba li l-għażel ma setax jinżebagħ faċilment, spiss kien ikun taʼ kulur wieħed—abjad ibbliċjat. Madankollu, l-istilisti Eġizzjani kienu jagħmlu l-piegi fid-drapp biex b’hekk ħwejjiġhom kellhom drapp u forma sabiħa. B’hekk, beda jeżisti wieħed mill-iktar stili li damu fl-istorja tad-dinja.
Sa l-ewwel seklu E.K., saru disponibbli drappijiet u kuluri ġodda. Ir-Rumani għonja kienu jimportaw il-ħarir miċ-Ċina u l-Indja, għalkemm il-ħarir minsuġ kien jiswielhom daqs id-deheb minħabba n-nefqa biex jittrasportawh. Drapp tal-moda ieħor kien is-suf kulurit minn Tir, li kull libbra minnu setgħet tiswa maʼ l-1,000 dinar—tliet snin paga taʼ ħaddiem komuni. Minħabba l-kuluri u d-drappijiet ġodda, ir-Rumani għonja setgħu jilbsu l-istola—mantar twil u wiesaʼ—magħmul mill-qoton kaħlani mill-Indja jew forsi mill-ħarir isfar miċ-Ċina.
Għalkemm kultant żmien kien ikun hemm stili ġodda, fiż-żminijiet taʼ l-imgħoddi libsa li kienet tiswa ħafna flus kienet iddum moda tul ħajjithom kollha. Il-bidliet saru bil-mod u ġeneralment effettwaw biss lin-nobbli. Madankollu, minħabba l-bidla mgħaġġla li saret fl-ekonomija, il-moda bdiet tinfluwenza iktar u iktar lin-nies komuni.
Matul is-seklu 19, industriji sħaħ bdew jipproduċu ħwejjeġ kemm għas-sinjuri u kemm għall-foqra. Il-fabbriki tal-qoton u s-suf bdew jiżdiedu malajr, u l-prezz tad-drappijiet beda jorħos. Minħabba l-magni tal-ħjata, il-ħwejjeġ setgħu jsiru iktar bl-irħis, u ż-żebgħa sintetika ġdida offriet għażla akbar taʼ kuluri.
Il-bidliet soċjali u teknoloġiċi kellhom irwol akbar fl-ilbies tan-nies komuni. Fl-Ewropa tal-Punent u fl-Amerika taʼ Fuq, in-nies kellhom iktar flus x’jonfqu. Fis-snin 50, bdew joħorġu r-rivisti tan-nisa, u ftit wara dan il-ħwienet bdew joħorġu ħwejjeġ lesti tad-daqsijiet normali. Ukoll, fis-seklu 19, Charles Frederick Worth introduċa l-wirjiet tal-moda, waqt li uża n-nies bħala mudelli biex iqanqal l-interess tal-klijenti prospettivi.
Fis-seklu 20, fibri sintetiċi ġodda, bħalma huma r-rayon, in-nylon, u l-polyester, offrew lill-manifatturi varjetà akbar taʼ drappijiet. Id-disinni bil-kompjuter għamluha iktar faċli biex jipproduċu stili ġodda, u minħabba l-globalizzazzjoni, il-moda ġdida setgħet tidher kważi fl-istess perijodu f’Tokjo, New York, Pariġi, u São Paulo. Sadanittant, l-istilisti u l-manifatturi sabu modi ġodda kif jippromwovu l-prodotti tagħhom.
Illum, iż-żgħażagħ ħadu post is-sinjuri bħala l-iktar uħud li jiġġennu wara l-moda. Kull xahar, miljuni minnhom jixtru ħwejjeġ ġodda, u din l-industrija tipproduċi b’mijiet taʼ biljuni taʼ dollari taʼ ħwejjeġ kull sena.a Iżda hemm xi xkiel li ma jidhirx?
[Nota taʼ taħt]
a F’sena reċenti, il-valur tal-ħwejjeġ li ġew prodotti kien jiswa total taʼ kważi Lm132 biljun.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 4, 5]
Dawk li Joħolqu l-Moda
Għal sekli sħaħ is-slaten u n-nobbli ħolqu l-istil fl-ilbies. Fis-seklu 17, ir-Re Lwiġi XIII taʼ Franza ddeċieda li jilbes parrokka biex jgħatti l-qargħa. Fi żmien qasir, nobbli oħra mill-Ewropa bdew iqaxxru xagħarhom u jilbsu l-parrokka—moda li damet teżisti għal iktar minn seklu.
Fis-seklu 19, ir-rivisti tan-nisa mexxew il-moda ’l quddiem u saħansitra offrew disinni li ma jiswewx ħafna sabiex in-nisa jagħmlu ħwejjiġhom stess. Fis-seklu 20, hekk kif il-films u t-televixin saru iktar popolari, l-atturi saru idoli internazzjonali u daħħlu ċerti xejriet fil-moda. Il-mużiċisti popolari wkoll bdew joħolqu ċertu stil taʼ ilbies li ħafna żgħażagħ malajr bdew jimitawh. Illum, kważi xejn ma nbidel, hekk kif dawk li jirreklamaw jużaw b’mod effettiv il-wirjiet tal-moda, ir-rivisti sbieħ, il-kartelluni, il-vetrini, u r-reklami tat-televixin biex iqanqlu domanda għal ħwejjeġ ġodda.
[Stampa]
Ir-Re Lwiġi XIII
[Sors]
From the book The Historian’s History of the World
[Stampa f’paġna 4]
Din il-libsa taʼ l-għażel taʼ l-Eġizzjani tal-qedem kienet waħda mill-iktar affarijiet li damet fil-moda
[Sors]
Ritratt b’korteżija tal-British Museum
[Stampa f’paġna 4]
F’Ruma tal-qedem in-nisa kienu jilbsu l-istola
[Sors]
Mill-ktieb Historia del Traje, 1917
[Stampa f’paġna 4, 5]
Il-kimono baqaʼ jeżisti sa madwar is-650 E.K.
[Sors]
Mill-gazzetta La Ilustración Artística, Volum X, 1891
[Stampa f’paġna 5]
Fi żminijiet taʼ l-imgħoddi, libsa li tiswa ħafna kienet iddum moda tul ħajjithom kollha
[Sors]
EclectiCollections
[Stampa f’paġna 5]
Minħabba l-bidla mgħaġġla li saret fl-ekonomija, sar iktar possibbli għan-nies komuni li jimxu skond il-moda
[Sors]
EclectiCollections