Ġojjelli Ħajjin mid-Dinja taʼ l-Insetti
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA
TAĦT it-tinda għolja tagħha taʼ weraq, il-foresta tropikali taħbi eluf taʼ ħaġar prezzjuż ħaj. Xi wħud minnhom ileqqu bħad-deheb u l-fidda; oħrajn ilellxu bħall-iżmeraldi, ir-rubini, u ż-żaffiri. Dawn il-ġojjelli tal-foresta, li fil-parti l-kbira l-bniedem ma jarahomx, huma l-ħanfus.
X’jiġik f’moħħok meta taħseb dwar il-ħanfus? Xi dudu iswed t’għamla stramba li jħaxwex taħt is-saqajn? Fir-realtà, il-ħanfus hu fost l-iktar ħlejjaq kuluriti u numerużi fuq l-art. Skond The Guinness Book of Animal Records, hemm kważi 400,000 speċi identifikata taʼ Coleoptera—il-kategorija xjentifika li tinkludi l-ħanfus—u dawn l-ispeċi jifformaw kważi terz mill-ispeċi kollha taʼ l-annimali magħrufin fid-dinja. U jekk xi darba tkun tixtieq tiskopri xi speċi ġdida, ipprova fittex fost il-ħanfus. Dr. Terry Erwin, studjuż taʼ l-insetti, jikkalkula li jistaʼ jkun hemm miljuni iktar taʼ speċi taʼ ħanfus li għadhom ma ġewx skoperti mix-xjenza. Ħaġa taʼ l-iskantament, Erwin sab madwar 1,200 speċi differenti taʼ ħanfus sempliċement f’19-il siġra tropikali kbira.
Varjetà taʼ l-Għaġeb
Meta tqis l-għadd taʼ speċi taʼ ħanfus li jeżisti, ma tiskantax meta tkun taf li hawn ħanfus taʼ ħafna għamliet u daqsijiet differenti. Xi wħud “tant huma kbar li fl-antik il-kollezzjonisti kienu jisparawlhom fl-arja bi snieter ikkargati bir-ramel,” tgħid ir-rivista National Geographic. Oħrajn “tant huma żgħar li biex jieħdu rikba jidħlu fil-partijiet taʼ ħalq in-naħal. Hemm anki ħanfus li jirnexxilu jidħol fil-mużewijiet u jiekol kollezzjonijiet sħaħ taʼ ħanfus ieħor,” tinnota r-rivista.
Fil-fatt, kollezzjoni taʼ dawn l-insetti għandha mnejn iġġib kemxa flus ġmielha. Kemm il-kulur u kemm ir-rarità tal-ħanfus jeffettwaw il-valur tiegħu. Issib ħanfus skarabew b’kull sfumatura taʼ l-aħdar u l-aħmar, kif ukoll lewn il-fidda u d-deheb. Per eżempju, skarabew aħmar jgħajjat jistaʼ jinbiegħ madwar 70 lira Maltija, filwaqt li skarabew li jkun ilellex b’lewn id-deheb jistaʼ anki jinbiegħ id-doppju taʼ dak il-prezz.
Xi ħanfus tal-qrun twil, li jissejjaħ hekk minħabba l-antenni twal ħafna li għandu, issibu b’ħafna disinji kuluriti u impressjonanti. Jerġaʼ, hemm ħanfus ieħor ileqq qisu xi mużajk żgħir imżewwaq. Il-kuluri ħodor u blu jlellxu jħabbtuha mal-kuluri taʼ ċerti għasafar bħall-hummingbird. Iżda m’humiex biss il-kuluri tiegħu li jagħmlu l-ħanfus prezzjuż. Billi jirriċikla l-weraq niexef u d-demel, għandu parti vitali biex tinżamm b’saħħitha s-sistema ekoloġika.
Ġojjelli Magħmulin mill-Insetti
Dawk li jikkollezzjonaw il-ħanfus m’humiex l-uniċi nies li japprezzaw dawn l-insetti qishom ġojjelli. Fl-Amerika, xi nisa jagħmlu ġiżirani billi jdommu flimkien il-qxur kulurit tal-ġwienaħ tal-ħanfus. F’xi partijiet tal-Messiku, il-ħanfus tal-ġojjelli—isem addattat ħafna—jinbidel f’labar ħajjin, billi jiġi mżejjen b’biċċiet taʼ ħġieġ kulurit u żibeġ li jitwaħħlu bil-kolla, u jeħel mal-ħwejjeġ taʼ sidhom b’katina qasira.
Kemm jekk tippreferi tammira l-ħanfus mill-bogħod u kemm jekk tħobb tistudjah mill-qrib, dawn il-ġojjelli ħajjin juru b’mod ċar il-ġmiel affaxxinanti u l-komplessità tal-ħlejjaq taʼ fuq il-pjaneta tagħna.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]
Ħanfus tal-Weraq
Xi ħanfus, għalkemm sabiħ, jistaʼ jkun taʼ ħsara. Per eżempju, il-ħanfus jiekol il-weraq, iz-zokk, u l-għeruq taʼ diversi pjanti u ħxejjex.
Għalkemm hemm madwar 25,000 speċi taʼ ħanfus tal-weraq, għal ħafna bdiewa dan l-isem ifakkarhom f’waħda biss—il-ħanfusa tal-patata (Colorado potato beetle). L-ewwel darba li n-nies li marru jgħixu fl-Amerika taʼ Fuq indunaw li din il-ħanfusa kienet taʼ theddida għall-uċuħ tal-patata kien fl-1859. Sa kmieni fis-seklu 20, din il-ħanfusa kienet daħlet sew fl-Ewropa, u issa nfirxet mal-kontinent kollu u daħlet ukoll fl-Asja.
Minħabba l-abbiltà tagħha li tiżviluppa reżistenza għall-insettiċidi, il-ħanfusa tal-patata saret għadu tal-biżaʼ. Illum, jintużaw flimkien diversi metodi agrikoli, bijoloġiċi, u kimiċi biex jinżamm ’il bogħod dan l-insett li jiekol b’kilba kbira l-weraq taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ.
[Stampa]
Ħanfusa tal-patata, Stati Uniti
[Sors]
Scott Bauer/Agricultural Research Service, USDA
[Kaxxa/Stampi]
Ħanfus li Għandu r-Rekord
◼ Il-ħanfus għandu r-rekord għall-iktar insett li jgħix. Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-insetti jgħixu inqas minn sena, xi ħanfus tal-ġojjelli jgħix iktar minn 30 sena, u hemm waħda li kisret ir-rekord billi laħqet l-età sabiħa taʼ 47 sena. Il-ħanfus tal-ġojjelli “jbid taħt il-qoxra taz-zokk taʼ xi siġra ħajja,” jispjega The Guinness Book of Animal Records. “Jekk tinqataʼ s-siġra, mhix ħaġa kbira li d-dud li jkun faqqas mill-bajd jibqaʼ ħaj, u mbagħad jinġarr madwar id-dinja fl-injam; peress li xi speċi jdumu s-snin biex jilħqu l-maturità, l-adulti jistgħu maż-żmien joħorġu mill-għamara.”
◼ Il-ħanfus Gulija taʼ l-Afrika tropikali jikser ir-rekord tal-piż fid-dinja taʼ l-insetti. Xi rġiel minn din l-ispeċi jistgħu jkunu jiżnu sa 100 gramma, tliet darbiet iktar minn ġurdien taʼ l-imramma.
◼ Il-premju għall-iktar annimal li jerfaʼ piż (bi proporzjon għad-daqs tiegħu) imur għand il-ħanfus rinoċeront mill-familja Dynastinae. Dawn il-ħlejjaq b’saħħithom jifilħu 850 darba iktar mill-piż tagħhom stess.
[Stampa]
Ħanfusa Gulija, Repubblika Demokratika tal-Kongo
[Sors]
Faunia, Madrid
[Stampa]
Ħanfusa rinoċeront, Ginea Ekwatorjali
[Stampa f’paġna 16]
Ħanfusa skarabew tal-ġojjelli, Messiku
[Stampa f’paġna 16]
Ħanfusa skarabew tal-ġojjelli, Ħonduras
[Stampa f’paġna 16]
Ħanfusa skarabew tal-ġojjelli, Kosta Rika
[Stampa f’paġna 17]
Ħanfusa tal-qrun twil, Indoneżja
[Stampa f’paġna 17]
Ħanfusa skarabew, Tajlandja
[Stampa f’paġna 17]
Ħanfusa taʼ l-injam tleqq, Tajlandja
[Stampa f’paġna 17]
Ħanfusa taʼ l-injam tleqq, Ungerija
[Stampa f’paġna 17]
Ħanfusa skarabew tal-ġojjelli, Ħonduras
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Fuq, xellug u fin-nofs: © David Hawks; lemin: © Barbara Strnadova/Photo Researchers, Inc.
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 17]
Fuq, mix-xellug għal-lemin: L-ewwel tlieta: Faunia, Madrid; ir-rabaʼ: Gyorgy Csoka, Hungary Forest Research Institute, www.insectimages.org; il-ħames: © Barbara Strnadova/Photo Researchers, Inc.