Il-Glaucoma—Il-Ħalliela tal-Vista
GĦAL ftit mumenti żomm għajnejk iffokati fuq l-aħħar kelma taʼ din is-sentenza. Mingħajr ma ċċaqlaq għajnejk, jirnexxilek tara l-affarijiet l-oħrajn mad-dawra u mat-truf taʼ din ir-rivista? Wisq probabbli li iva, u dan grazzi għall-vista periferali—ir-retina tgħin lill-għajn tara affarijiet mill-ġenb waqt li tkun qed tħares fiss ’il quddiem. Din l-abbiltà tgħinek tinduna b’dik il-persuna suspettuża li tkun ġejja mill-ġenb. Tgħinek taqbeż l-affarijiet li jkun hemm maʼ l-art u tevita li tidħol f’xi ħajt waqt li tkun miexi. U jekk int issuq karozza, il-vista periferali tistaʼ tgħinek tinduna b’xi ħadd li jkun niżel minn fuq il-bankina.
Iżda anki waqt li qed taqra din il-paġna, il-vista periferali tiegħek tistaʼ tkun qed tonqos bil-mod il-mod—mingħajr ma tinduna b’dan. Mad-dinja kollha, madwar 66 miljun persuna huma effettwati minn grupp taʼ mard taʼ l-għajnejn, magħruf bħala glaucoma. Minn dak in-numru, iktar minn ħames miljuni għamew għalkollox, u dan jagħmel il-glaucoma t-tielet l-akbar raġuni għala n-nies jagħmew b’mod permanenti. “Madankollu, anki f’dawk il-pajjiżi żviluppati li għandhom programmi edukattivi għall-pubbliku li jiffokaw fuq il-glaucoma, nofs l-individwi b’din il-marda ma jindunawx biha qabel ma jkun tard wisq,” tgħid ir-rivista medika The Lancet.
Min qiegħed f’riskju li jiżviluppa l-glaucoma? Kif tistaʼ ssir taf jekk għandikx din il-marda, u kif tistaʼ tikkuraha?
X’inhi l-Glaucoma?
L-ewwel irridu nifhmu ftit kif inhuma magħmulin għajnejna. L-Assoċjazzjoni tal-Glaucoma fl-Awstralja ħarġet browxer li jgħid li “l-forma taʼ l-għajn tinkiseb permezz tal-pressjoni—it-tessuti rotob taʼ l-għajn jiġu ‘minfuħin’ bħal tajer taʼ karozza jew bħal bużżieqa.” Ġewwa l-għajn, pompa msejħa ciliary body tmexxi likwidu, li jissejjaħ aqueous humor, mill-kanali tad-demm għal ġo l-għajn. “L-aqueous jiċċirkola sa ġewwanett fl-għajn, u b’hekk isaħħaħ is-sistemi ħajjin taʼ l-għajn, u mbagħad jerġaʼ lura lejn id-demm billi jgħaddi minn sistema oħra qisha passatur li tissejjaħ trabecular meshwork.”
Jekk dan il-meshwork jinstadd jew jirqaq, għal xi raġuni jew oħra, il-pressjoni fl-għajn tiżdied u eventwalment tibda tagħmel ħsara lill-fibri tan-nervituri delikati li qegħdin fuq wara taʼ l-għajn. Din il-kundizzjoni tissejjaħ open-angle glaucoma (glaucoma b’angolu miftuħ) u hija responsabbli għal madwar 90 fil-mija tal-każijiet kollha.
Il-pressjoni ġewwa għajnejk, magħrufa bħala pressjoni intraokulari (IOP), tistaʼ tvarja matul il-ġurnata u hija effettwata minn diversi fatturi inkluż it-taħbit taʼ qalbek, l-ammont taʼ likwidu li tixrob, u l-pożizzjoni taʼ ġismek. Dawn il-varjazzjonijiet naturali ma jagħmlu l-ebda ħsara lill-għajn. Minnha nfisha, il-pressjoni għolja fl-għajnejn ma tfissirx li għandek il-glaucoma ladarba l-pressjoni “normali” fl-għajnejn tvarja minn persuna għal oħra. Madankollu, IOP għolja hija waħda mis-sintomi tal-glaucoma.
Forma rari taʼ din il-marda hija msejħa glaucoma akuta jew angle-closure (glaucoma b’angolu li jiċkien). Kuntrarju għall-open-angle glaucoma, dan it-tip jinvolvi żjieda f’daqqa taʼ pressjoni fl-għajn. Jikkaġuna wkoll ħafna wġigħ fl-għajnejn, kif ukoll vista mċajpra u l-individwu jibda jirremetti. Jekk dan ma jiġix trattat fi ftit sigħat minn meta jibdew jinħassu s-sintomi, taʼ spiss jikkaġuna li l-persuna tagħma. Kategorija oħra hija msejħa glaucoma sekondarja. Bħalma jindika l-isem, dan it-tip jinħoloq minħabba kundizzjonijiet oħra fl-għajn bħal tumuri, katarretti, jew ħsara oħra fl-għajnejn. Numru żgħir taʼ nies għandhom ir-rabaʼ tip, magħruf bħala glaucoma konġenita. Dan it-tip ikun preżenti fit-twelid jew ftit wara, u tinduna li tarbija għandha dan jekk il-boċċi t’għajnejha jkunu kbar iżżejjed u tkun iktar sensittiva għad-dawl.
Kif “Tisraq” il-Vista
Il-glaucoma tistaʼ tisraq 90 fil-mija mill-vista f’għajn waħda mingħajr ma tinduna. Dan kif inhu possibbli? Kollha kemm aħna għandna parti żgħira wara kull għajn li ma narawx minnha u li tissejjaħ disk taʼ l-għajn. Din it-tikka żgħira fuq ir-retina, fejn il-fibri tan-nervituri jingħaqdu biex jifformaw in-nerv taʼ l-għajn, m’għandhiex ċelluli li jħossu d-dawl. Madankollu, int m’intix konxju taʼ dan id-disk taʼ l-għajn, minħabba li moħħok għandu l-abbiltà li “jimla” l-partijiet taʼ l-istampa li jkunu neqsin. Ironikament, hija din l-abbiltà tal-moħħ li tagħmel il-glaucoma perikoluża u sottili.
Ivan Goldberg, tabib taʼ l-għajnejn Awstraljan magħruf, qal lil Stenbaħ!: “Il-glaucoma hija msejħa l-ħalliela qarrieqa tal-vista għax m’għandhiex sintomi. L-iktar tip komuni taʼ glaucoma jiżviluppa bil-mod imma b’mod stabbli u, mingħajr twissija taʼ xejn, jikkaġuna ħsara lis-sistema taʼ nervituri li tqabbad l-għajn mal-moħħ. Kemm jekk għajnejk idemmgħu u kemm jekk le, kemm jekk huma xotti u kemm jekk m’humiex, kemm jekk jaraw ċar meta taqra u tikteb u kemm jekk le, dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-glaucoma. Minkejja li ma jkollokx dawn it-tipi taʼ problemi, xorta jistaʼ jkollok każ serju taʼ glaucoma.”
Kif Tinqabad il-Ħalliela
Sfortunatament, m’hemm l-ebda eżami mediku li bih biss tistaʼ tinduna li għandek il-glaucoma. Billi juża apparat magħruf bħala tonometer, speċjalista taʼ l-għajnejn jistaʼ jibda jiċċekkjalek il-pressjoni tal-likwidu t’għajnejk. It-tabib juża l-istrument li semmejna qabel biex jiċċattja bil-ġentilezza l-kornea, il-parti taʼ quddiem t’għajnejk. Jitkejjel l-ammont taʼ forza li hemm bżonn biex issir din il-biċċa xogħol, u b’dan il-mod tistaʼ titkejjel il-pressjoni ġewwa għajnejk. L-ispeċjalista taʼ l-għajnejn jistaʼ wkoll ifittex għal xi sinjali tal-glaucoma billi juża strumenti li jidentifikaw xi ħsara lit-tessuti fis-sistema tan-nervituri li tqabbad l-għajn mal-moħħ. It-Tabib Goldberg jgħid: “Aħna naraw jekk il-fibri tan-nervituri jew il-kanali tad-demm li qegħdin fuq wara taʼ l-għajn għandhomx xi forma stramba, għax dan jistaʼ jindika li n-nervituri qed iġarrbu xi ħsara.”
Mod ieħor kif jindunaw bil-glaucoma huwa billi jsir ċertu tip taʼ ttestjar fuq il-medda tal-vista magħruf bħala visual-field testing. It-Tabib Goldberg jispjega: “Persuna tħares lejn tip t’apparat li minnu joħroġ dawl abjad, u dawl abjad ieħor iktar qawwi jinxtegħel fuq tikka żgħira fl-apparat. L-individwu jaġixxi billi jagħfas buttuna kull darba li jara dan id-dawl abjad żgħir.” Jekk ma jarax dan id-dawl abjad meta jkun fit-tarf tal-medda tal-vista tiegħu, dan jistaʼ jindika li għandu l-glaucoma. Madankollu, qed jiġu żviluppati strumenti ġodda li jistgħu jissimplifikaw din il-proċedura pjuttost tedjanti.
Min Qiegħed f’Riskju?
Paul huwa raġel f’saħħtu li għandu ftit iżjed minn 40 sena. Hu jgħid: “Mort għand tabib taʼ l-għajnejn biex jara jekk għandix bżonn nuċċali ġdid, u waqt li kont hemm staqsieni jekk kellix lil xi ħadd fil-familja li kellu l-glaucoma. Staqsejt ftit u skoprejt li kelli zija u anki ziju li kellhom din il-marda. Bagħtuni għand speċjalista taʼ l-għajnejn, u kkonferma li kelli l-glaucoma.” It-Tabib Goldberg jispjega: “Jekk ommok jew missierek għandu l-glaucoma, għandek bejn tlieta u ħames darbiet iktar ċans li taqbdek. U jekk ħuk jew oħtok għandha l-glaucoma, imbagħad ir-riskju tiegħek ikun bejn ħamsa u sebaʼ darbiet iktar.”
It-Tabib Kevin Greenidge taʼ l-Assoċjazzjoni tal-Glaucoma fl-Istati Uniti jenfasizza fatturi oħra taʼ riskju, billi jgħid: “Jekk għandek iktar minn 45 sena u int taʼ nisel Afrikan, jew jekk għandek xi ħaġa minn dawn il-fatturi li ġejjin—xi ħadd fil-familja tiegħek għandu l-glaucoma, għandek vista qasira, għandek id-dijabete, weġġajt għajnejk jew tuża prodotti li fihom il-kortison/sterojdi—agħmel test taʼ l-għajnejn kull sena.” Anki jekk m’għandek l-ebda fatturi taʼ riskju u għandek taħt il-45 sena, l-assoċjazzjoni tirrikkmanda li xorta tiċċekkja għajnejk għall-glaucoma kull erbaʼ snin. Jekk għandek iktar minn 45 sena, għandek tagħmel dan l-eżami kull sentejn.
Ikkuraha u Ikkontrollaha
Il-kura għall-glaucoma taʼ Paul tinkludi li jagħmel qtar speċjali taʼ l-għajnejn darba kuljum. Hu jgħid: “Il-qtar li nuża jnaqqas il-produzzjoni taʼ l-aqueous fil-boċċa taʼ l-għajn.” Paul għamel ukoll trattament b’tip taʼ laser li ntuża biex “iħaffer” madwar għaxar toqob irqaq fl-għajn fuq quddiem fejn hemm it-toqob naturali minfejn joħroġ il-likwidu. Hu jgħid: “Meta operawni fl-ewwel għajn bil-laser, kont beżgħan ħafna, u dan żiedli l-iskomdu li ħassejt. Madankollu, meta wara ftit ġranet operawni fit-tieni għajn, kont naf x’inhu ġej. Kont ħafna iktar rilassat u t-tabib spiċċa l-operazzjoni qabel ma indunajt b’dan.” L-operazzjoni għenet biex il-pressjoni t’għajnejn Paul tkun stabbli.
Għalhekk, il-ħarsa taʼ Paul hija waħda pożittiva. Hu jgħid: “Għajnejja ġarrbu biss ftit ħsara fir-retina, u għall-grazzja t’Alla, għad għandi l-vista periferali kollha. Jekk niftakar nuża l-qtar taʼ għajnejja kuljum, wisq probabbli li hekk tibqaʼ.”
Qiegħda “l-ħalliela qarrieqa tal-vista” tisraqlek il-vista? Jekk qatt ma ċċekkjajt għajnejk għall-glaucoma—u speċjalment jekk int qiegħed f’wieħed mill-gruppi fir-riskju—ikun għaqli li tistaqsi lit-tabib biex jeżaminak għall-glaucoma. Bħalma jgħid it-Tabib Goldberg, “ħafna mill-ħsara li tagħmel il-glaucoma tistaʼ tiġi evitata fil-ħin u bit-trattament addattat.” Iva, int tistaʼ tiskansa minn din il-ħalliela tal-vista!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 26]
Għandek riskju akbar li tiżviluppa l-glaucoma jekk
● Int taʼ nisel Afrikan
● Xi ħadd mill-familja tiegħek għandu l-glaucoma
● Għandek id-dijabete
● Għandek vista qasira
● Tuża b’mod regulari, jew ilek tuża, il-kortison/sterojdi—li jintużaw f’xi ingwent u sprejs għal kontra l-ażżma
● Weġġajt xi darba għajnejk
● Għandek iktar minn 45 sena
[Stampa]
Ittestjar regulari t’għajnejk jistaʼ jgħinek biex ma titlifx serjament il-vista tiegħek
[Dijagramma/Stampi f’paġna 25]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
OPEN-ANGLE GLAUCOMA
Kornea
Ħabba taʼ l-għajn
Lenti
Retina
Id-disk taʼ l-għajn, jew “blind spot,” huwa fejn il-fibri tan-nervituri jingħaqdu biex jifformaw in-nerv taʼ l-għajn
In-nerv taʼ l-għajn iġorr impulsi viżwali lejn il-moħħ
“Ciliary body” jippompja l-likwidu
1 “Aqueous humor” huwa likwidu ċar li jsaħħaħ il-lenti, il-ħabba taʼ l-għajn, u l-kornea minn ġewwa. M’huwiex l-istess bħad-dmugħ, li jlaħlaħ l-għajn minn barra
2 “Trabecular meshwork” ineħħi l-likwidu
3 Jekk il-“meshwork” jeħel jew jinstadd, tiżdied il-pressjoni ġewwa l-għajn
4 Jekk tiżdied il-pressjoni, issir ħsara fil-fibri delikati tan-nervituri li hemm fuq in-naħa taʼ wara taʼ l-għajn, u dan jikkaġuna l-“glaucoma” jew inaqqas il-vista
[Stampi f’paġna 25]
Disk taʼ l-għajn
Xi tkun tistaʼ tara
VISTA NORMALI
GLAUCOMA FIL-BIDU
GLAUCOMA FI STAT AVANZAT
[Sors]
Ritratti tad-disk taʼ l-għajn: Courtesy Atlas of Ophthalmology