LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 1/8 pp. 4-7
  • Perikli Moħbija fit-Tfittxija għas-Sbuħija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Perikli Moħbija fit-Tfittxija għas-Sbuħija
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​“Apparenza Ideali”​—Iġġib Riżultati Ideali?
  • Għandi Nuża l-Kirurġija Kosmetika?
    Stenbaħ!—2002
  • Is-sbuħija fiżika
    Stenbaħ!—2016
  • Għala Jien Daqshekk Irqiq?
    Stenbaħ!—2000
  • It-Tip taʼ Sbuħija l-Iktar Importanti
    Stenbaħ!—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 1/8 pp. 4-7

Perikli Moħbija fit-​Tfittxija għas-​Sbuħija

HEMM xi regola li biha tistaʼ tiddeċiedi liema hi s-​sbuħija vera? “Għal kull par għajnejn koroh hawn par għajnejn boloh,” jgħid qawl magħruf. Tabilħaqq, m’hemmx fatti jew evidenza li tiddeċiedi liema hi s-​sbuħija vera, iżda din tiddependi fuq l-​opinjonijiet u s-​sentimenti. Barra minn hekk, l-​idea popolari taʼ x’inhi s-​sbuħija vera tvarja ħafna minn kultura għal oħra u minn perijodu għal ieħor.

Jeffery Sobal, professur assoċjat tax-​xjenzi tan-​nutrizzjoni f’Cornell University, l-​Istati Uniti, jispjega: “Matul is-​seklu dsatax, kważi s-​soċjetajiet kollha kienu jassoċjaw il-​ħxuna maʼ stat soċjali għoli. Il-​ħxuna kienet meqjusa bħala sinjal taʼ prosperità u saħħa, filwaqt li statura magħluba kienet tindika li l-​persuna kienet fqira wisq biex tiekol sa ma tixbaʼ.” Ix-​xogħlijiet taʼ ħafna artisti taʼ dak iż-​żmien jirriflettu din l-​idea, peress li l-​mudelli tagħhom​—il-​biċċa l-​kbira nisa​—kellhom statura b’dirgħajn, koxxtejn, dahar, u ġenbejn ħoxnin. U ħafna minn dawn ix-​xogħlijiet kienu ritratti taʼ nies veri li kienu meqjusin bħala xempji tas-​sbuħija.

Din l-​idea għadha evidenti llum għalkemm is-​sbuħija tinvolvi iktar milli persuna tkun ħoxna jew irqiqa. Anki fi żmienna, f’xi kulturi taʼ gżejjer fin-​nofsinhar tal-​Paċifiku, il-​ħxuna hija stmata ħafna. F’xi postijiet fl-​Afrika, tfajliet li jkunu se jiżżewġu jinżammu f’postijiet apposta fejn jiġu mitmugħin ammonti kbar taʼ ikel rikk bl-​idea li jsiru iktar attraenti. Sid taʼ nightclub fin-​Niġerja jgħid: “Normalment il-​mara Afrikana hija qawwija . . . Dan hu t-​tip taʼ sbuħija li toffri. Hija parti mill-​kultura tagħna.” F’ħafna kulturi tradizzjonali taʼ l-​Amerika Latina, il-​ħxuna hija stmata wkoll bħala sinjal taʼ prosperità u suċċess.

Madankollu, f’ħafna postijiet oħrajn, il-​ħxuna m’hijiex meqjusa bħala sbuħija. Għala? Xi wħud jgħidu li hekk kif infirex il-​kummerċ, u l-​industrijalizzazzjoni ġabet provvisti akbar taʼ ikel li setaʼ jitqassam aħjar, il-​klassi tal-​fqar setgħet tibda tiekol bħas-​sinjuri. B’hekk, bil-​mod il-​mod in-​nies ma baqgħux iqisu l-​ħxuna bħala sbuħija. Mill-​banda l-​oħra, xi twemmin reliġjuż jorbot il-​piż żejjed mal-​gula, u dan tefaʼ dell ikrah fuq il-​ħxuna. Ukoll, skoperti xjentifiċi dwar ir-​riskji tas-​saħħa relatati maʼ l-​obeżità influwenzaw l-​opinjoni tan-​nies. Dawn u fatturi oħrajn wasslu lin-​nies biex jibdlu l-​opinjoni tagħhom dwar x’inhi s-​sbuħija, u għal għaxriet taʼ snin issa parti kbira mid-​dinja tippreżenta l-​irquqija bħala l-​ideal.

Il-mezzi tax-​xandir kellhom sehem kbir fit-​tixrid taʼ din il-​mentalità. Normalment, nies li jidhru fir-​reklami u fuq it-​televixin ikunu rqaq u b’ġisem bħal taʼ xi atleta. L-​apparenza tagħhom għandha l-​iskop li tippreżenta sens taʼ sigurtà u suċċess. L-​istess jistaʼ jingħad dwar l-​artisti taċ-​ċinema u tat-​televixin.

Dan kif jinfluwenza lin-​nies komuni, inkluż liż-​żgħażagħ? Artiklu reċenti dwar kif l-​individwu jaħseb dwar l-​apparenza tiegħu jindika li “saż-​żmien li t-​tfajla Amerikana tiggradwa mill-​università, hi tkun rat 22,000 siegħa televixin.” Matul ħafna minn dak il-​ħin, tkun ġiet bombardjata bi stampi taʼ nisa affaxxinanti b’figura hekk imsejħa perfetta. L-​artiklu jżid jgħid: “Nisa li jaraw kontinwament quddiem għajnejhom dawn l-​istampi jrawmu fihom rabta bejn din l-​apparenza ideali u l-​prestiġju, il-​kuntentizza, l-​imħabba, u s-​suċċess.” Għalhekk, ma niskantawx li wara li raw ritratti taʼ mudelli f’rivista, 47 fil-​mija mit-​tfajliet li kienu intervistati ħassew li għandhom bżonn jonqsu avolja fil-​fatt 29 fil-​mija biss minnhom kellhom piż żejjed.

L-industrija tal-​moda wkoll għandha influwenza qawwija fuq kif in-​nies iħarsu lejn is-​sbuħija. Jennifer, mudella minn Venezwela li taħdem f’Mexico City, tgħid: “Ix-​xogħol taʼ mudella hu li tidher attraenti, u llum dan ifisser li tkun irqiqa.” Mudella Franċiża jisimha Vanessa tgħid: “Il-​punt m’huwiex daqstant li huma jinsistu li tkun irqiqa, iżda int stess tinsisti dwar dan. Hija tendenza mad-​dinja kollha.” Fi stħarriġ li sar fuq tfajliet, 69 fil-​mija stqarrew li l-​mudelli li jidhru fir-​rivisti influwenzaw l-​opinjoni tagħhom dwar kif ikun ġisem sabiħ.

Iżda n-​nisa m’humiex l-​uniċi li jċedu għall-​influwenza taʼ dik li hi meqjusa bħala l-​apparenza ideali. Il-​gazzetta Messikana El Universal tgħid: “Qatt ma dehru fuq is-​suq daqshekk prodotti għall-​kura taʼ l-​apparenza maskili.”

L-​“Apparenza Ideali”​—Iġġib Riżultati Ideali?

Biex jiksbu l-​“apparenza ideali” jew sempliċement biex jidhru aħjar, ħafna nies qed jirrikorru għall-​kirurġija kosmetika. Din il-​fergħa tal-​mediċina qed toffri servizzi li dejjem qed jorħsu fil-​prezz u li qed isiru iktar varjati. Kif bdiet il-​kirurġija kosmetika?

Skond l-​Encyclopædia Britannica, żviluppi ġodda tal-​kirurġija plastika oriġinaw fis-​snin taʼ wara l-​ewwel gwerra dinjija, meta saru sforzi minn kirurgi biex isewwu d-​difetti kaġunati mill-​feriti tal-​gwerra. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, din it-​teknika serviet taʼ għodda imprezzabbli biex tissewwa ħsara fiżika kbira kaġunata minn ħruq, feriti trawmatiċi, u mankamenti mit-​twelid. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-​Britannica, il-​kirurġija plastika spiss “issir sempliċement biex ittejjeb l-​apparenza taʼ nies li altrimenti huma f’saħħithom.” Per eżempju, l-​imnieħer jistaʼ jingħata forma oħra, tistaʼ titneħħa ġilda żejda mill-​wiċċ u l-​għonq, jistaʼ jitnaqqas id-​daqs tal-​widnejn, jistaʼ jitneħħa x-​xaħam miż-​żaqq u l-​ġenbejn, ċerti partijiet tal-​ġisem jistgħu jiġu mkabbrin, u saħansitra ż-​żokra tistaʼ tingħata dehra iktar “attraenti.”

Iżda, xi ngħidu dwar nies f’saħħithom li lesti li jpoġġu lilhom infushom f’riskju biex isebbħu d-​dehra tagħhom? Liema perikli jistgħu jiffaċċjaw? Angel Papadopulos, segretarju tal-​Mexican Association of Plastic, Aesthetic, and Reconstructive Surgery, jispjega li kultant nies li ma jkunux imħarrġin tajjeb iwettqu dan it-​tip taʼ kirurġija, u dan jistaʼ jikkaġuna ħafna ħsara. Hemm kliniċi li jamministraw materjal perikoluż lill-​pazjenti sabiex jagħtu dehra aħjar lill-​figura tagħhom. Kmieni fl-​2003, rapport f’gazzetta qal li kundizzjonijiet mhux sanitarji f’salons tas-​sbuħija ħolqu skandlu fil-​Gżejjer Canary, fejn mijiet taʼ nisa sfaw vittmi t’operazzjonijiet riskjużi.a

L-irġiel ukoll jistgħu jsiru involuti fit-​tfittxija taʼ l-​“apparenza ideali.” Xi wħud iqattgħu ħafna sigħat fil-​ġimm, fejn jgħaddu kważi l-​ħin liberu kollu tagħhom jifformaw u jsaħħu l-​muskoli taʼ ġisimhom. Ir-​rivista Milenio tgħid, “Eventwalment, il-​bżonn li jagħmlu l-​eżerċizzju jġagħalhom jittraskuraw l-​attivitajiet soċjali u r-​relazzjonijiet tagħhom maʼ nies oħrajn.” Ix-​xewqa kbira li jiksbu dehra muskolari, saħansitra ġġiegħel lil ħafna jużaw sustanzi li bihom jistgħu jagħmlu ħsara lil ġisimhom, inkluż l-​isterojdi.

Fissazzjoni dwar id-​dehra persunali tagħhom ġagħlet lil xi nisa żgħażagħ jaqgħu vittmi taʼ disturbi konnessi maʼ l-​ikel bħall-​bulimja u l-​anoreksja. Xi wħud jużaw prodotti tad-​dieta li jwiegħdu riżultati straordinarji fi żmien qasir iżda ma jkollhomx l-​approvazzjoni taʼ istituzzjonijiet tas-​saħħa li tistaʼ toqgħod fuqhom. L-​użu taʼ prodotti bħal dawn jistaʼ jikkaġuna ħsara serja.

Ir-​riskji tal-​fissazzjoni dwar id-​dehra persunali ma jinkludux biss il-​problemi fiżiċi. It-​Tabiba Katherine Phillips taʼ Brown University, l-​Istati Uniti, tgħid li nies li jinkwetaw iżżejjed dwar id-​dehra fiżika tagħhom jistgħu jimirdu psikoloġikament b’marda msejħa body dysmorphic disorder, li ġġiegħel lil min ibati biha jiffissa dwar difetti immaġinarji fid-​dehra tiegħu. Din hi xi ħaġa li għandha mnejn qed teffettwa persuna minn kull 50 ruħ. Dawk li jkollhom din il-​fissazzjoni “jistgħu tant ikunu konvinti li huma koroh li jiżolaw ruħhom minn ħbiebhom u l-​maħbubin tagħhom,” tgħid hi. “Jistgħu jaqgħu f’dipressjoni u jiżviluppaw tendenzi suwiċidali.” Phillips issemmi eżempju taʼ tfajla gustuża li kellha ftit ponot f’wiċċha iżda kienet konvinta li wiċċha kien mimli tbajjaʼ. It-​tfajla ma baqgħetx tmur l-​iskola minn meta kellha 13-il sena, għax ma riditx li jarawha n-​nies.

Hija d-​dehra taʼ barra f’persuna tabilħaqq daqshekk importanti li hi jew hu għandu jissagrifika s-​saħħa mentali u fiżika tiegħu biex jikseb l-​“apparenza ideali”? Hemm xi tip taʼ sbuħija iktar importanti li wieħed għandu jistinka għaliha?

[Nota taʼ taħt]

a Għall-Kristjan, jekk issirlux kirurġija kosmetika jew le hija deċiżjoni persunali. Iżda, fatturi vitali għandhom jiġu kunsidrati. Għal diskussjoni fil-​fond, ara Stenbaħ! tat-​8 taʼ Settembru, 2002, paġni 18-20.

[Kumment f’paġna 5]

L-​opinjoni taʼ 69 fil-​mija mit-​tfajliet dwar x’inhu ġisem sabiħ hija influwenzata mill-​mudelli li jidhru fir-​rivisti

[Stampa f’paġna 4]

Ir-​reklami għandhom influwenza qawwija rigward dik li hi meqjusa sbuħija fiżika

[Stampa f’paġna 6]

Xi wħud għamlu ħsara lilhom infushom minħabba kirurġija plastika eċċessiva

[Stampi f’paġna 7]

Xi wħud jagħmlu sforz kbir biex jiksbu d-​dehra mixtieqa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja