LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 19-21
  • X’Għandi Nagħmel Meta Oħrajn Jgħiduli l-Problemi Tagħhom?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Għandi Nagħmel Meta Oħrajn Jgħiduli l-Problemi Tagħhom?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kun Semmiegħ Tajjeb
  • Offri Pariri taʼ Ħabib
  • Kliem taʼ Twissija
  • Meta Jkun Hemm Bżonn l-​Għajnuna t’Oħrajn
  • Għandi Ngħid lil Xi Ħadd li Jien Dipress?
    Stenbaħ!—2000
  • Kif Tkampa ma’ Problema taʼ Saħħa li Ma Kontx Qed Tistennieha
    Iktar Suġġetti
  • Appendiċi—Il-Ġenituri Jistaqsu . . .
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kif Tgħin lil Dawk li Jbatu b’Saħħa Mentali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2023
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 19-21

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Għandi Nagħmel Meta Oħrajn Jgħiduli l-​Problemi Tagħhom?

“Hemm tfajla l-​iskola li l-​ġenituri tagħha kienu se jiddivorzjaw, u bdiet iġġib marki baxxi. Hi kienet tkellimni dwar il-​problemi fil-​familja tagħha.”​—Jan, 14-il sena.

“Tfajla fl-​iskola qaltli li kellha relazzjonijiet sesswali maʼ ġuvni. Hi ħarġet tqila u għamlet abort mingħajr lanqas biss saru jafu l-​ġenituri tagħha.”​—Mira, 15-il sena.

IMMAĠINA li qed titkellem maʼ ħabib jew maʼ xi ħadd li tmur l-​iskola miegħu. F’daqqa waħda hu “jgħabbik” bi problema li jkollu.a Forsi qed jiffaċċja l-​problemi tipiċi taʼ l-​adoloxxenti​—il-​ħwejjeġ, il-​flus, id-​dehra, il-​ħbieb, jew il-​marki fl-​iskola. Mill-​banda l-​oħra, forsi għandu problemi li huma ħafna iktar serji u diffiċli.

Is-sitwazzjoni fl-​Istati Uniti turi kemm jistgħu jkunu serji l-​problemi taż-​żgħażagħ. Skond ir-​rivista Newsweek, “l-​Istituti Nazzjonali għas-​Saħħa Mentali (NIMH) jgħidu li bejn wieħed u ieħor tmienja minn kull mitt adoloxxenti u tnejn minn kull mitt tifel u tifla (xi wħud saħansitra t’erbaʼ snin) għandhom sintomi tad-​dipressjoni.” Stħarriġ ieħor qal: “Bejn wieħed u ieħor 97 minn kull 1,000 tfajla bejn l-​età taʼ 15 u 19-il sena​—miljun adoloxxenti Amerikana​—joħorġu tqal kull sena. Il-​maġġuranza minn dawn il-​każi taʼ tqala​—78 fil-​mija​—ma jkunux ippjanati.” Imbagħad hemm miljuni taʼ żgħażagħ li jgħixu fi djar fejn l-​ambjent mhux stabbli. Eluf huma vittmi t’abbuż fiżiku jew sesswali. Iktar min-​nofs l-​istudenti li huma fl-​aħħar snin taʼ l-​iskola fl-​Istati Uniti abbużaw mill-​alkoħol. Numru allarmanti taʼ żgħażagħ għandhom disturbi konnessi maʼ l-​ikel.

Mhux taʼ b’xejn li ħafna żgħażagħ għandhom bżonn lil xi ħadd maʼ min jiftħu qalbhom! U spiss l-​ewwel li jsibu jkun xi ħabib taʼ l-​età tagħhom. X’għandek tagħmel jekk int tinzerta dan il-​ħabib? Jekk int Kristjan, m’għandux ikun taʼ sorpriża li jiġu għandek. Il-​Bibbja tikkmanda lill-​Kristjani biex ikunu “t’eżempju” fil-​kondotta u biex ikunu raġunevoli. (1 Timotju 4:​12; Filippin 4:5) Għalhekk żgħażagħ oħra​—inkluż dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin​—jistgħu jkunu jridu jiftħu qalbhom miegħek. Allura, kif għandek tittratta sitwazzjoni bħal din? U x’tagħmel jekk taħseb li smajt iktar milli tkun tiflaħ?

Kun Semmiegħ Tajjeb

Il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħèlet 3:7) Meta xi ħadd għandu problema u jrid ikellmek, spiss l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li toqgħod tisimgħu. Wara kollox, il-​Bibbja tikkundanna lil min jagħlaq widnejh “għall-​għajta tal-​fqir.” (Proverbji 21:13) Forsi dam daqsxejn biex irabbi l-​kuraġġ ħalli jkellmek dwar il-​problema. Forsi jkun iktar faċli għalih li jitkellem jekk int tkun lest tisimgħu. “Jien ġeneralment inħalli lill-​persuna l-​oħra titkellem,” jgħid żagħżugħ Kristjan jismu Hiram. “Jien inħallih jgħid dak li jkun qed jinkwetah, u nipprova nissimpatizza miegħu.” Vincent bl-​istess mod josserva: “Xi kultant in-​nies ikunu sempliċement iridu jitkellmu.”

Għalhekk, il-​ħabib tiegħek forsi ma jistenniex li int issolvilu l-​problemi tiegħu. Forsi kull m’għandu bżonn hu taʼ semmiegħ tajjeb. Allura isimgħu! Ipprova titlifx il-​konċentrazzjoni minħabba dak li jkun qed jiġri madwarek jew inkella toqgħod twaqqfu għalxejn. Il-​fatt li int tkun hemm u qed tisimgħu jistaʼ jkun t’għajnuna kbira. Tkun qed turi li verament tieħu interess fih.

Ifisser dan li m’għandek tgħid xejn bħala tweġiba? Dan jiddependi mill-​problema. Tweġiba maħsuba sew u li turi qalb tajba ġeneralment ikun biżżejjed. (Proverbji 25:11) Per eżempju, jekk xi ħadd li taf għadda minn xi traġedja persunali, forsi jkun tajjeb li tesprimi simpatija. (Rumani 12:15) Proverbji 12:25 jgħid: “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem, imma kelma tajba tferraħha.” Forsi li hemm bżonn hu ftit inkuraġġiment. Uri lill-​individwu li int fiduċjuż li hu jistaʼ jegħleb l-​isfidi tiegħu b’suċċess. Espressjonijiet bħal “Nistaʼ nara għala qed tħossok hekk” jew “Jiddispjaċini li qed tgħaddi minn dan” jistgħu jgħinu lil sieħbek jara li int sinċier u li trid tgħinu.

Minkejja dan, Proverbji 12:18 (KŻ) iwissi: “Hemm min jitkellem bħall-​infid taʼ sejf.” Huwa importanti li tevita kummenti bħal “Mhux ħażin daqskemm ħsibt,” “Insa kollox,” jew “M’għandikx tħossok hekk.” Oqgħod attent ukoll li ma tipprovax iċċekken il-​problema b’xi ċajta. Sieħbek malajr jistaʼ jikkonkludi li ma tirrispettax is-​sentimenti tiegħu.​—Proverbji 25:20.

Però, xi ngħidu jekk ma tkunx taf x’se taqbad tgħid? Kun onest. Għid lil sieħbek li verament ma tafx x’se taqbad tgħidlu imma li xorta trid tkun hemm biex tgħinu. Staqsih, “X’nistaʼ nagħmel biex ngħinek?” Iva, forsi jkun hemm xi affarijiet prattiċi li tistaʼ tagħmel biex tħaffiflu t-​tagħbija.​—Galatin 6:2.

Offri Pariri taʼ Ħabib

X’għandek tagħmel jekk tħoss li sieħbek għandu bżonn parir? M’għandniex xi ngħidu, minħabba li int għadek żgħir, ma tantx għandek esperjenza. (Proverbji 1:4) Għalhekk forsi ma tkunx kwalifikat biex tagħti pariri fuq kull suġġett. Madankollu, Salm 19:8 (19:​7, NW) jgħid: “Ix-​xhieda tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.” Iva, minkejja li ‘ma tafx,’ jiġifieri m’għandikx esperjenza, forsi għandek biżżejjed għarfien tal-​prinċipji Bibliċi biex tkun t’għajnuna għal xi ħabib fil-​bżonn. (Proverbji 27:9) Mingħajr ma tinstemaʼ qisek qed tippridkalu, għala ma tipprovax turih xi punti mill-​Bibbja? Jekk m’intix ċert liema prinċipji Bibliċi japplikaw, agħmel ftit riċerka. Matul is-​snin l-​artikli “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” pubblikati f’din ir-​rivista pprovdew ħafna pariri Bibliċi dwar diversi suġġetti. Sors ieħor taʼ informazzjoni utli huwa l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.b

Forsi jkun effettiv li taqsam miegħu l-​esperjenzi tiegħek. Forsi għandek ukoll xi suġġerimenti prattiċi. Int tistaʼ tispjega x’għenek mingħajr ma timponi l-​ideat tiegħek. (Proverbji 27:17) Però, żomm f’moħħok li kull sitwazzjoni hi differenti. Dak li kien tajjeb għalik mhux bilfors tajjeb għal ħaddieħor.

Kliem taʼ Twissija

Tqattax ħafna ħin tismaʼ l-​problemi taʼ żgħażagħ li m’għandhomx il-​biżaʼ taʼ Ġeħova jew li ma jirrispettawx il-​livelli Kristjani. Ħafna mill-​problemi tagħhom jistgħu jkunu riżultat taʼ stil taʼ ħajja li mhux fi qbil mal-​Bibbja. Jekk tipprova tgħin lil min ma jagħtix kas il-​pariri tal-​Bibbja jistaʼ jkun taʼ frustrazzjoni għalik u għalih. (Proverbji 9:7) Kif ukoll, tistaʼ ssib ruħek f’pożizzjoni li jkollok toqgħod tismaʼ ħafna kliem bla sens jew saħansitra kliem baxx. (Efesin 5:3) Għalhekk jekk xi diskussjoni ġġagħlek tħossok skomdu, rabbi l-​kuraġġ biex tgħid li m’intix f’pożizzjoni li tgħin jew li m’intix komdu tismaʼ dwar dak is-​suġġett.

Oqgħod attent jekk membru tas-​sess oppost jipprova jiftaħ qalbu miegħek. Il-​Bibbja twissi li l-​qalb tistaʼ tkun qarrieqa. (Ġeremija 17:9) Assoċjazzjoni mill-​qrib tistaʼ tqanqal sentimenti romantiċi u saħansitra twassal għall-​immoralità sesswali.

Barra minn dan, tidħolx fin-​nassa li twiegħdu li m’int se tgħid lil ħadd. Bil-​modestja agħraf li dak li qed ikellmek jeħtieġ iktar għajnuna minn dik li tistaʼ tagħtih int.​—Proverbji 11:2.

Meta Jkun Hemm Bżonn l-​Għajnuna t’Oħrajn

F’ħafna każi l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li ssib xi ftit għajnuna int stess. Mira, li ssemmiet fil-​bidu, qalet: “Verament ma kontx naf kif se ngħin lil ħabibti taʼ l-​iskola. Għalhekk tkellimt m’anzjan fil-​kongregazzjoni dwar il-​kwistjoni, u hu tani parir tajjeb dwar kif nistaʼ ngħinha.” Iva, fil-​kongregazzjoni Kristjana tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, hemm irġiel t’esperjenza li jistgħu jgħinuk. (Efesin 4:​11, 12) L-​anzjan issuġġerixxa li Mira tinkuraġġixxi lill-​ħabiba biex titkellem mal-​ġenituri tagħha. It-​tfajla ħadet il-​parir taʼ Mira. Mira qalet: “Is-​sitwazzjoni tagħha qed tmur għall-​aħjar. Issa trid tkun taf iżjed dwar il-​Bibbja.”

X’għandek tagħmel jekk ħabib Kristjan jiftaħ qalbu miegħek? Naturalment, tkun trid tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tgħinu. (Galatin 6:​10) Jekk tħoss li jkun qed jitbiegħed mil-​livelli morali taʼ Ġeħova, tibżax ‘tgħidlu l-​verità.’ (Efesin 4:​25) Kun onest imma mhux li taħseb li int tajjeb iżżejjed. Jekk int tkun lest tkellmu bl-​onestà, tkun qed turi li int ħabib taʼ veru.​—Salm 141:5; Proverbji 27:6.

F’sitwazzjoni bħal din, huwa importanti ħafna li tinkuraġġixxi lil sieħbek biex ifittex l-​għajnuna​—mingħand il-​ġenituri tiegħu, xi anzjan, jew xi Kristjan matur ieħor li hu jirrispetta. Jekk ikun għadda ammont raġunevoli taʼ żmien u jkun għadu ma tkellem maʼ ħadd, int ikollok tkellem lil xi ħadd għan-​nom tiegħu. (Ġakbu 5:​13-15) Li tagħmel dan forsi jirrikjedi kuraġġ min-​naħa tiegħek, imma tkun qed turi li verament jimpurtak minn ħabibek u li trid l-​aħjar għalih.

M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma jistenniex li int issolvi l-​problemi taʼ kulħadd. Imma meta xi ħadd jiftaħ qalbu miegħek, m’għandikx għalfejn tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn. Uża t-​taħriġ Kristjan tiegħek, u uri li int ħabib veru.​—Proverbji 17:17.

[Noti taʼ taħt]

a Għas-sempliċità, se nirreferu għal dak li qed ikollu l-​problema fil-​maskil. Naturalment, din l-​informazzjoni tapplika għaż-​żgħażagħ kollha, kemm subien u kemm bniet.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 21]

F’xi każi forsi jkollok tfittex l-​għajnuna għal xi ħabib fil-​bżonn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja