Esperti Medjevali tal-Mediċina
ĦAFNA aspetti tal-mediċina moderna jistgħu ma jkunux moderni daqskemm jaħsbu xi wħud. Fil-fatt, diversi prattiki mediċi komuni tal-lum kienu diġà qed jintużaw sekli ilu f’xi pajjiżi. Pereżempju, ejja nieħdu l-istorja tal-mediċina fi żminijiet medjevali fil-Lvant Nofsani.
● Fis-sena 805 W.K., CALIPH HARUN AR-RASHID fetaħ sptar fil-belt kapitali tiegħu, Bagdad. Mid-9 sat-13-il seklu, ħakkiema oħrajn bnew u ħadu ħsieb sptarijiet fl-imperu Iżlamiku kollu, minn Spanja sal-Indja.
Dawn l-isptarijiet laqgħu lis-sinjuri u lill-fqar tar-reliġjonijiet kollha. Tobba professjonali mhux biss ikkuraw lill-morda li kien hemm imma wkoll għamlu riċerka u ħarrġu tobba ġodda. Swali separati tħallew għal trattamenti partikulari—mediċina interna, mard tal-għajnejn, mard tal-għadam, kirurġija, mard li jittieħed, u mard mentali. Tobba, akkumpanjati mill-istudenti tagħhom, eżaminaw lill-morda kull filgħodu u ordnawlhom dieti u mediċini. U spiżjara li kienu jaħdmu fl-isptar kienu jlestu u jagħtu l-mediċini. Ħaddiema oħrajn ħadu ħsieb li jżommu r-rekords, li jikkontrollaw l-ispejjeż, li jitħejja l-ikel, kif ukoll xogħlijiet amministrattivi oħrajn—l-istess bħal-lum.
L-istorjografi jqisu dawn l-isptarijiet bħala “wieħed mis-suċċessi l-kbar tas-soċjetà Iżlamika medjevali.” Fl-imperu Iżlamiku kollu, “l-isptar bħala istituzzjoni kien qed jiżviluppa b’modi rivoluzzjonarji li kienu se jinfluwenzaw l-iżvilupp tax-xjenzi tas-saħħa u l-kura tas-saħħa proprju saż-żmien modern,” jgħid l-awtur u storjografu Howard R. Turner.
● RHAZES twieled f’nofs id-disaʼ seklu, fil-belt antika taʼ Rayy, illum raħal ’il barra minn Tehran. Hu jissejjaħ “l-aqwa tabib u kliniku tal-Iżlam u bla dubju tal-Medju Evu kollu.” Għall-benefiċċju taʼ tobba oħra, dan ix-xjenzat niżżel bil-miktub il-metodi, il-kundizzjonijiet, it-tagħmir, u r-riżultati tal-esperimenti tiegħu. Hu ta parir lit-tobba kollha biex jibqgħu aġġornati mal-aħħar żviluppi fil-qasam tagħhom.
Rhazes kellu diversi suċċessi. Pereżempju, il-kitbiet mediċi tiegħu huma mniżżlin fil-ktieb taʼ 23 volum Al-Hawi (Comprehensive Book), li jħabbatha fost kitbiet mediċi kbar. Jingħad li l-oriġini tal-operazzjonijiet konnessi mat-twelid, mal-ġinekoloġija, u mal-għajnejn tinsab f’dan il-ktieb. Fost is-56 biċċa xogħol dwar suġġetti mediċi hemm l-eqdem deskrizzjonijiet taʼ min joqgħod fuqhom tal-ġidri u l-ħosba. Ukoll, Rhazes skopra li d-deni hu wieħed mid-difiżi tal-ġisem.
Iktar minn hekk, hu mexxa sptarijiet f’Rayy u f’Bagdad, fejn ix-xogħol tiegħu maʼ dawk b’mard mentali wasslu biex ikun imfaħħar bħala missier il-psikoloġija u l-psikoterapija. Flimkien mal-mediċina, Rhazes sab ukoll ħin biex jikteb kotba dwar il-kimika, l-astronomija, il-matematika, il-filosofija, u t-teoloġija.
● AVICENNA, li wkoll kien minn taʼ quddiem fil-qasam mediku, kien minn Bukhara, fl-Uzbekistan tal-lum. Hu sar wieħed mill-aqwa tobba, filosfi, astronomi, u matematiċi tas-seklu 11. Avicenna kiteb enċiklopedija, The Canon of Medicine, li fiha ġie diskuss dak kollu li għandu x’jaqsam mal-għarfien tal-mediċina.
Fil-ktieb tiegħu, Avicenna stqarr li t-tuberkulosi tittieħed, li l-mard jistaʼ jinfirex permezz tal-ilma u l-ħamrija, li l-emozzjonijiet jeffettwaw is-saħħa fiżika, u li n-nervituri jibagħtu messaġġi fil-moħħ kemm taʼ wġigħ kif ukoll taʼ forzi stimulanti għall-ġbid tal-muskoli. The Canon iddeskriva xi 760 preparazzjoni taʼ mediċini—il-proprjetajiet tagħhom, il-mod kif jaħdmu, u l-indikazzjonijiet tagħhom—u pprovda prinċipji biex jiġu ttestjati mediċini ġodda. Din il-kitba, li ġiet tradotta bil-Latin, baqgħet tintuża għal mijiet taʼ snin wara fl-iskejjel tal-mediċina Ewropej.
● ALBUCASIS ukoll għamel isem għalih fl-istorja tal-mediċina. Dan ir-raġel li għex fis-seklu għaxra minn Andalusia, fi Spanja tal-lum, daħħal ideat ġodda u pproduċa enċiklopedija taʼ 30 volum, inkluż teżi taʼ 300 paġna dwar l-operazzjonijiet. Fiha ddeskriva proċeduri avanzati bħalma huma l-użu tal-korda tal-musrana għall-punti minn ġewwa, it-tneħħija tal-ġebel mill-bużżieqa tal-awrina permezz taʼ strument imdaħħal fil-passaġġ tal-awrina, it-tneħħija tal-glandola tat-tirojde, u dik tal-katarretti.
Albucasis uża dawk li huma deskritti bħala “tekniki kliniċi pjuttost moderni” biex jiffaċilita twelid diffiċli u jikkura spallejn żlogati. Introduċa l-qoton għall-infaxxar tal-feriti u uża l-ġibs għall-ksur tal-għadam. Ukoll, iddeskriva tekniki biex jitpoġġew lura f’posthom snien li jkunu ċċaqalqu, biex jintgħamlu snien foloz, biex jiġu ddrittati s-snien, u biex jitneħħa t-tartru mis-snien.
It-teżi taʼ Albucasis dwar l-operazzjonijiet uriet l-għodda tal-kirurgu għall-ewwel darba. Kien fiha tpinġija ċara taʼ xi 200 strument tal-operazzjonijiet u tat direzzjoni fuq kif u meta jintużaw. F’millennju sar ftit tibdil f’uħud mid-disinji tiegħu.
L-Għarfien Jasal sal-Punent
Fil-11 u t-12-il seklu, l-iskulari bdew jaħdmu fuq traduzzjonijiet Latini taʼ testi mediċi bl-Għarbi, partikularment f’Toledo, Spanja, u f’Monte Cassino u f’Salerno, l-Italja. Imbagħad, it-tobba studjaw dawn it-traduzzjonijiet fl-universitajiet fl-Ewropa fejn il-Latin kien mitkellem. B’hekk, l-għarfien mediku tal-Lvant Nofsani “daħal sew fl-Ewropa fis-sekli taʼ wara, forsi iżjed minn xi xjenza oħra Iżlamika,” jgħid Ehsan Masood, kittieb tax-xjenza.
Biċ-ċar, l-iskoperti u l-invenzjonijiet taʼ esperti medjevali bħal Rhazes, Avicenna, Albucasis, u oħrajn li għexu fi żmienhom jistgħu bix-xieraq jiġu deskritti bħala l-pedament taʼ dik li llum insejħulha l-mediċina moderna.
[Stampa f’paġna 25]
Rhazes, tabib fil-laboratorju tiegħu fejn kien jaħdem bil-kimiki
[Sors]
© Sheila Terry/Photo Researchers, Inc.
[Stampa f’paġna 26]
Manuskritt Għarbi li juri l-istrumenti tal-operazzjonijiet taʼ Albucasis
[Stampa f’paġna 26]
Avicenna jieħu ħsieb il-preparazzjoni tal-kura għall-ġidri
[Sors tal-istampa f’paġna 26]
Strumenti tal-operazzjonijiet: © bpk, Berlin/Staatsbibliothek zu Berlin/Ruth Schacht/Art Resource, NY; Avicenna: Gianni Dagli Orti/The Art Archive at Art Resource, NY