Qegħdin intom bħala koppja miżżewġa ssibu li ma tistgħux tiddiskutu l-affarijiet bil-kalma? Tħossukom stressati għax ma tafux jekk hux se tgħidu jew tagħmlu xi ħaġa li biha tirritaw lil xulxin u tispiċċaw targumentaw?
Jekk inhu hekk, ibqgħu ċerti li l-affarijiet jistgħu jitjiebu. Imma l-ewwel tridu ssiru tafu għala targumentaw daqshekk.
GĦALA JIĠRI DAN
Nuqqas taʼ qbil.
Mara jisimha Jilliana tammetti: “Xi drabi ngħid xi ħaġa lil żewġi imma ma ngħidhilux kif inkun xtaqt. Jew inkun ċerta li nkun għedtlu xi ħaġa, meta fir-realtà nkun biss ħlomt li għedthielu. Infatti ġieli ġrali hekk!”
Differenzi.
Intom kemm intom kompatibbli bħala koppja miżżewġa, l-opinjonijiet tagħkom fuq ċerti kwistjonijiet se jkunu differenti. Għala? Għaliex l-ebda tnejn min-nies mhuma eżatt l-istess. Dan il-fatt jistaʼ jew iżid il-varjetà jew it-tensjoni fiż-żwieġ. Għal ħafna koppji, ir-riżultat ikun tensjoni.
Eżempji ħżiena.
“Il-ġenituri tiegħi kienu jargumentaw ħafna u kienu jkellmu lil xulxin bla rispett,” tgħid mara jisimha Rachel, “u għalhekk, meta żżewwiġt kont inkellem lil żewġi bl-istess mod li ommi kienet tkellem lil missieri. Ma kontx tgħallimt kif nuri rispett.”
Ir-raġuni vera.
Spiss argument jaħraq fir-realtà ma jkunx dwar dak li jkun ikkaġunah, imma dwar xi ħaġa oħra. Pereżempju, argument li jibda bil-kliem “Int dejjem tard!” jistaʼ ma jkunx dwar il-bżonn tal-puntwalità, imma dwar kif tħossha l-persuna l-oħra fiż-żwieġ—forsi tħoss li ma tkunx qed tintwera konsiderazzjoni.
Hi x’inhi r-raġuni, jekk targumenta spiss jistaʼ jeffettwalek saħħtek u jistaʼ jwassal għal divorzju. Mela, kif tistaʼ ma tibqax targumenta?
X’TISTAʼ TAGĦMEL
Mod tajjeb kif tevita l-argumenti hu li ssir taf xi jkun verament qed jikkaġunahom. Meta t-tnejn tkunu kalmi, ipprova agħmel dan l-eżerċizzju mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ.
1. Fuq karti separati, it-tnejn li intom għandkom tiktbu s-suġġett taʼ argument reċenti. Pereżempju, ir-raġel forsi jikteb, “Int qattajt ġurnata sħiħa maʼ ħbiebek u lanqas biss ċempiltli biex tgħidli fejn kont.” Il-mara forsi tikteb, “Int għamilt in-nervi għax jien qattajt il-ħin maʼ ħbiebi.”
2. B’moħħ miftuħ, iddiskuti dan li ġej: Kienet il-kwistjoni daqshekk serja? Stajt għalaqt għajnejja? F’ċerti każi, biex iżżomm il-paċi, jistaʼ jkun aħjar li taċċetta li għandkom opinjoni differenti u bl-imħabba tinjora l-kwistjoni.—Prinċipju Bibliku:Proverbji 17:9.
Jekk it-tnejn li intom tikkonkludu li ma kinitx xi ħaġa serja, itolbu apoloġija lil xulxin u insewha.—Prinċipju Bibliku:Kolossin 3:13, 14.
Jekk il-kwistjoni tkun tidher iktar serja għal xi ħadd minnkom, jew għat-tnejn li intom, għaddi għall-pass li jmiss.
3. Ikteb kif ħassejtek waqt l-argument, u għid lill-parti l-oħra tagħmel l-istess. Pereżempju, ir-raġel forsi jikteb, “Ħassejt li int ippreferejt il-kumpanija taʼ ħbiebek milli l-kumpanija tiegħi.” Il-mara forsi tikteb, “Ħassejt li kont qed tittrattani bħal tifla żgħira li trid titlob permess mingħand missierha.”
4. Partu l-karti, u aqraw il-kummenti taʼ xulxin. X’kien li inkwieta lill-parti l-oħra matul l-argument? Iddiskutu dak li stajtu tagħmlu differenti biex tittrattaw dak li kien hemm verament wara l-kwistjoni mingħajr ma targumentaw.—Prinċipju Bibliku:Proverbji 29:11.
5. Iddiskuti x’tgħallimt minn dan l-eżerċizzju. Kif tistaʼ tuża dak li tgħallimt biex issolvi jew tevita xi argument fil-futur?