LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 3/13 pp. 6-9
  • Immigrazzjoni—Ħolm u Realtajiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Immigrazzjoni—Ħolm u Realtajiet
  • Stenbaħ!—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tfittxija Għal Ħajja Aħjar
  • Sforz Kif Wieħed Jasal u Jistabbilixxi Ruħu
  • Familja Magħquda—Iktar Importanti mill-​Flus
  • Ħadd ma jistaʼ jkun qaddej taʼ żewġ sidien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Għidilhom li tħobbhom
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Nisa fil-Bibbja—X’Nistgħu Nitgħallmu Minnhom?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • X’Nistaʼ Nagħmel biex Kollox Imur Sew waqt li Nkun Qed Ngħix Barra?
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2013
g 3/13 pp. 6-9

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Immigrazzjoni—Ħolm u Realtajiet

Tfittxija Għal Ħajja Aħjar

GEORGE ħassu ddisprat. Ma kellux biżżejjed biex jitmaʼ ’l-​familja tiegħu. Il-​ġirien kienu qed jimirdu u xi wħud dehru li kienu qed ibatu l-​ġuħ. Madankollu, ftit mijiet taʼ kilometri lejn in-​Nofsinhar, hemm pajjiż iktar sinjur. Hu ħaseb, ‘Immur ngħix f’pajjiż ieħor, insib impjieg, u mbagħad nibgħat għal familti biex jingħaqdu miegħi.

Patricia wkoll kienet ħolmot dwar ħajja ġdida f’pajjiż ieħor. Ma kellhiex xogħol, u opportunitajiet ftit li xejn. Hi u l-​għarus tagħha ddeċidew li jivvjaġġaw min-​Niġerja għall-​Alġerija, fi triqithom lejn Spanja, mingħajr ma kienu konxji kemm kien se jkun diffiċli l-​vjaġġ biex jaqsmu d-​Deżert tas-​Saħara. Hi qalet: “Kont tqila u determinata li nagħti lit-​tarbija tiegħi ħajja aħjar.”

Rachel xtaqet ittejjeb il-​qagħda finanzjarja tagħha billi tmur l-​Ewropa. Hi kienet tilfet ix-​xogħol tagħha fil-​Filippini, u l-​qraba tagħha assigurawha li jkun iktar faċli li ssib xogħol taʼ fattiga f’pajjiż ieħor. Għalhekk issellfet il-​flus biex tixtri biljett tal-​ajru, sellmet lil żewġha u ’l bintha, u wegħdithom, “Mhux se ndumu wisq separati.”

Dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, huwa stmat li iktar minn 200 miljun ruħ bħal George, Patricia, u Rachel marru jgħixu f’pajjiż ieħor. Għalkemm xi wħud ħarbu minħabba gwerer, diżastri naturali, jew persekuzzjoni, il-​biċċa l-​kbira telqu minħabba raġunijiet ekonomiċi. L-​immigranti liema problemi ffaċċjaw fil-​pajjiż il-​ġdid tagħhom? Ilkoll isibu l-​ħajja aħjar li kienu qed ifittxu? It-​tfal kif jiġu effettwati meta ġenitur jitlaq biex ifittex paga aħjar? Ikkunsidra t-​tweġibiet li ġejjin għal dawn il-​mistoqsijiet.

EMIGRANT TAL-​QEDEM

“L-​immigrazzjoni . . . hi l-​iktar azzjoni antika kontra l-​faqar,” kiteb l-​ekonomista J. K. Galbraith. Il-​fundatur tal-​ġens taʼ Iżrael, il-​patrijarka Ġakobb, ħa azzjoni bħal din. Minħabba l-​ġuħ f’Kangħan, Ġakobb u l-​familja estiża tiegħu taʼ kważi 70 ruħ marru jgħixu l-​Eġittu, fejn baqgħu għal ħafna żmien. (Ġenesi 42:1-​5; 45:9-​11; 46:26, 27) Infatti, Ġakobb miet hemmhekk, u d-​dixxendenti tiegħu baqgħu l-​Eġittu għal madwar 200 sena qabel ma marru lura lejn Kangħan.

Sforz Kif Wieħed Jasal u Jistabbilixxi Ruħu

L-​ewwel sfida biex wieħed imur jgħix f’pajjiż ieħor spiss hi l-​vjaġġ innifsu. George, li ssemma fl-​ewwel artiklu, ivvjaġġa mijiet taʼ kilometri bi ftit ikel. Hu jiftakar, “Il-​vjaġġ kien tal-​biżaʼ.” Ħafna immigranti saħansitra lanqas biss jaslu fid-​destinazzjoni tagħhom.

L-​għan taʼ Patricia kien li tasal Spanja. Hi vvjaġġat fi trakk mikxuf biex taqsam id-​Deżert tas-​Saħara. “Il-​vjaġġ min-​Niġerja għall-​Alġerija ħadilna ġimgħa, u konna 25 ruħ marsusin fit-​trakk. Mat-​triq, rajna ħafna iġsma mejtin, kif ukoll nies mitlufin fid-​deżert jistennew li jmutu. Mid-​dehra, xi sewwieqa bla qalb jabbandunaw lill-​passiġġieri matul it-​triq.”

Għall-​kuntrarju taʼ George u Patricia, Rachel setgħet tmur l-​Ewropa bl-​ajruplan, fejn diġà kellha xogħol taʼ fattiga jistennieha. Imma qatt ma immaġinat kemm kienet se timmissja lil bintha taʼ sentejn. Hi tiftakar, “Kull darba li kont nara omm tieħu ħsieb lil uliedha żgħar, kienu jaqbduni dwejjaq kbar.

George bata biex adatta ruħu għall-​pajjiż il-​ġdid tiegħu. Għaddew ix-​xhur sakemm setaʼ jibgħat xi flus id-​dar. Hu jammetti: “Ħafna ljieli bkejt minħabba s-​solitudni u l-​frustrazzjoni.

Wara diversi xhur fl-​Alġerija, Patricia waslet ħdejn il-​fruntiera Marokkina. Hi tgħid: “Hemmhekk ulidt it-​tifla tiegħi. Kelli nistaħba minn traffikanti li jaqbdu nisa immigranti u jisforzawhom biex jipprostitwixxu ruħhom. Sa fl-​aħħar ġemmajt biżżejjed flus biex nagħmel il-​vjaġġ perikoluż bil-​baħar ħalli naqsam għal Spanja. Id-​dgħajsa ma kinitx f’kundizzjoni tajba u ma kinitx mgħammra kif suppost għall-​għad kbir taʼ passiġġieri. Biex inbattlu l-​ilma mid-​dgħajsa, kellna nużaw iż-​żraben tagħna! Meta wasalna fil-​kosta taʼ Spanja, ma kellix saħħa nimxi għal fuq ix-​xatt.”

Naturalment, dawk li biħsiebhom imorru jgħixu f’pajjiż ieħor m’għandhomx jikkunsidraw biss ir-​riskji li jistaʼ jkun hemm involuti fl-​ivvjaġġar. Għandhom jikkunsidraw ukoll id-​diffikultajiet li jistgħu jġibu magħhom lingwa u kultura differenti fil-​pajjiż il-​ġdid, kif ukoll il-​komplikazzjonijiet finanzjarji u legali biex jipprovaw isiru ċittadini jew residenti permanenti t’hemmhekk. Dawk li ma jirnexxilhomx jiksbu stat legali spiss isibuha bi tqila biex jiksbu impjieg tajjeb, post xieraq fejn jgħixu, edukazzjoni, jew kura tas-​saħħa. Forsi jsibuha diffiċli wkoll biex jiksbu l-​liċenzja tas-​sewqan jew kont bankarju. U sfortunatament ħafna drabi, immigranti mingħajr dokumenti jiġu sfruttati, forsi billi jingħataw xogħol b’paga baxxa.

Il-​flus stess huma fattur ieħor li għandu jiġi kunsidrat. Kemm tistaʼ verament tafda fil-​flus? Il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir għaqli: “La titħabatx biex tistagħna: la tibqax taħseb fuq dan. Trid titfaʼ għajnejk fuq ħaġa li tgħib? għax il-​għana tabilħaqq għandu l-​ġwienaħ; itir bħal ajkla lejn is-​sema.” (Proverbji 23:4, 5, Il-​Bibbja Mqaddsa taʼ Karm Żammit) Żomm f’moħħok ukoll li l-​iktar affarijiet li jkollna bżonn huma dawk li ma jistgħux jinxtraw bil-​flus—l-​imħabba, sigurtà emozzjonali, u familja magħquda. Kemm ikun taʼ dispjaċir meta l-​ġenituri jħallu x-​xewqa għall-​flus tkun iktar importanti mill-​imħabba taʼ bejniethom jew minn kwalunkwe “mħabba naturali” li jkollhom għal uliedhom!—2 Timotju 3:1-​3.

Il-​bnedmin ġew maħluqin bil-​bżonn li jsiru jafu lil Alla. (Mattew 5:3) Għalhekk, ġenituri responsabbli jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwettqu r-​responsabbiltà li tahom Alla sabiex jgħallmu lil uliedhom dwaru, l-​iskop tiegħu, u l-​livelli tiegħu.—Efesin 6:4.

“NIXTIEQU LI ĦADU DEĊIŻJONI DIFFERENTI”

Airen, li kienet tgħix fil-​Filippini, tgħid: “Jien l-​ikbar minn tlett ibniet; kelli disaʼ snin meta ommi marret l-​Ewropa. Hi wegħditna ikel aħjar, edukazzjoni aħjar, u dar aħjar. Għadni niftakar il-​ġurnata li telqet. Għannqitni u qaltli biex nieħu ħsieb lil ħuti, Rhea u Shullamite. Domt nibki ħafna.

“Erbaʼ snin wara, missieri telaq biex jingħaqad m’ommi. Meta kien magħna, kont nipprova nsegwih kull fejn kien imur. Meta sellmilna, jien u ħuti bqajna mqabbdin miegħu sakemm telaʼ fuq tal-​linja. Għal darb’oħra domt nibki ħafna u xejn ma setaʼ jfarraġni.”

Shullamite, l-​iżgħar mit-​tlett ibniet, tiftakar: “Meta Airen kellha disaʼ snin ħadet ħsiebi bħallikieku kienet ommi. Kont ngħidilha l-​problemi tiegħi, u għallmitni kif naħsel ħwejġi, nagħmel is-​sodda tiegħi, u affarijiet hekk. Meta l-​ġenituri tagħna kienu jċemplulna, xi kultant kont nipprova nispjegalhom kif kont inħossni, imma ma stajtx nesprimi ruħi sewwa. Naħseb li mhux dejjem fehmuni.

“In-​nies spiss kienu jistaqsuni jekk kontx nimmissja lill-​ġenituri tiegħi. ‘Ħeqq, iva,’ kont inwieġeb. Imma biex inkun sinċiera, lanqas kont niftakarha lil ommi. Hi telqet meta kelli erbaʼ snin u kont drajt mingħajrha.”

Airen tgħid: “Meta kelli 16-​il sena, jien u ħuti sa fl-​aħħar ivvjaġġajna biex nerġgħu ningħaqdu mal-​ġenituri tagħna. Tgħidx kemm ħassejtni eċċitata! Imma meta wasalna, indunajt li l-​emozzjonijiet tagħna lejhom ma kinux għadhom bħal qabel.”

Rhea żżid tgħid: “Ma kontx niftaħ qalbi dwar il-​problemi tiegħi. Kont mistħija u kont insibha diffiċli biex nuri affezzjoni. Fil-​Filippini konna ngħixu maz-​ziju u z-​zija, li kellhom tlett itfal. Għalkemm kienu jieħdu ħsiebna, ma kinux il-​ġenituri veri tagħna.”

Bħala konklużjoni, Airen tgħid: “Ma batejniex meta konna familja fqira—qatt ma rqadna bil-​ġuħ. Imma jien u ħuti batejna meta telqu l-​ġenituri tagħna. Il-​familja tagħna issa ilha kważi ħames snin li reġgħet ingħaqdet, imma s-​snin li konna separati ħallew l-​effett tagħhom. Nafu li l-​ġenituri tagħna jħobbuna, imma nixtiequ li ħadu deċiżjoni differenti.”

Familja Magħquda—Iktar Importanti mill-​Flus

L-​istejjer tal-​immigranti għandhom mnejn ivarjaw, imma ħafna jkollhom riżultat simili, kif nistgħu naraw mill-​eżempji taʼ George, Rachel, u Patricia, li ssemmew qabel f’din is-​serje t’artikli. Meta ġenitur isiefer jew meta l-​miżżewġin jinfirdu minn xulxin, il-​familja kollha tbati u għandu mnejn jgħaddu s-​snin sakemm terġaʼ tingħaqad flimkien. Fil-​każ tal-​familja taʼ George, dan ħa iktar minn erbaʼ snin.

Sa fl-​aħħar Rachel marret lura l-​Filippini biex tieħu lil bintha lura magħha wara li kienet ilha mifruda minnha kważi ħames snin. Patricia waslet Spanja bit-​tarbija tagħha f’dirgħajha. Hi tgħid: “Lilha biss għandi bħala familja, allura nipprova nieħu ħsiebha sew.

Ħafna immigranti jipprovaw jibqgħu fil-​pajjiż il-​ġdid tagħhom minkejja s-​solitudni, ostakli finanzjarji, u separazzjoni fit-​tul minn mal-​familja tagħhom. Tant ikunu użaw ħin, enerġija, u flus li meta l-​affarijiet ma jirnexxux, ftit ikunu lesti li jammettu dan. Isibuha bi tqila li jmorru lura pajjiżhom u jissograw li jiffaċċjaw għajb u umiljazzjoni.

Wieħed li kellu kuraġġ jagħmel dan kien Allan, mill-​Filippini. Hu kien sab impjieg tajjeb fi Spanja, imma sena u nofs wara, mar lura pajjiżu. “Immissjajthom wisq lil marti u liċ-​ċkejkna binti,” jgħid hu. “Iddeċidejt li qatt ma kont se nerġaʼ naħdem f’pajjiż ieħor jekk ma nemigrawx bħala familja. U dan hu dak li eventwalment għamilna. Il-​familja hi bil-​wisq iktar importanti mill-​flus.”

Bħalma skopriet Patricia, hemm xi ħaġa oħra iktar importanti mill-​flus. Hi waslet Spanja b’kopja tat-​“Testment il-​Ġdid,” jew l-​Iskrittura Griega Kristjana. Kont inqis il-​ktieb bħala xi ħaġa li ġġib il-​fortuna,” tgħid hi. “Imbagħad ġejt f’kuntatt maʼ mara li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Qabel, ma kellix interess nitkellem magħhom. Allura staqsejtha bosta mistoqsijiet sabiex nuri li t-​twemmin tagħha hu żbaljat. Imma, kuntrarju għal dak li ħsibt, hi ddefendiet it-​twemmin tagħha u wieġbet il-​mistoqsijiet tiegħi proprju mill-​Bibbja.”

Patricia tgħallmet li l-​ferħ dejjiemi u t-​tama żgura għall-​futur ma jiddependux mill-​pajjiż jew mill-​flus imma milli jkollok għarfien dwar Alla u dwar l-​iskop tiegħu għalina. (Ġwanni 17:3) Fost affarijiet oħrajn, Patricia tgħallmet li l-​Alla l-​veru għandu isem—Ġeħova. (Salm 83:18) Hi qrat ukoll mill-​Bibbja li Alla dalwaqt se jneħħi l-​faqar kollu permezz tal-​gvern tas-​Saltna tiegħu mmexxi minn Ġesù Kristu. (Danjel 7:13, 14) Salm 72:12, 14 jgħid: “[Ġesù] se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna, u lill-​magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu. Mill-​moħqrija u mill-​vjolenza se jifdilhom ruħhom.

Għala ma tiħux il-​ħin biex teżamina l-​Bibbja? Dan il-​ktieb taʼ għerf divin jistaʼ jgħinek tifhem x’inhu l-​iktar importanti f’ħajtek, tieħu deċiżjonijiet għaqlin, u tissaporti kwalunkwe prova li għandek fil-​preżent b’ferħ u tama.—Proverbji 2:6-​9, 20, 21.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja