Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Nistaʼ Nagħmel biex Kollox Imur Sew waqt li Nkun Qed Ngħix Barra?
“Meta wasalt fl-ajruport, kulma ridt kien li nerġaʼ mmur id-dar! . . . Ma kontx għadni nħoss dik ix-xewqa għall-avventura u tlift il-ferħ kollu f’li niskopri affarijiet ġodda. F’kelma waħda, lanqas qatt ma mmissjajt id-dar daqs dakinhar.”—Uta.
HIJA xi ħaġa tal-biżaʼ li ssib ruħek waħdek f’pajjiż barrani. Imma bħalma wera l-artiklu taʼ qabel f’din is-serje, ħafna żgħażagħ qed jagħżlu li jqattgħu ftit żmien jgħixu barra. Xi wħud jagħmlu dan biex jiksbu xi edukazzjoni jew biex jirċievu taħriġ speċjali. Xi wħud ikunu jridu jitgħallmu lingwa u xi wħud sempliċement ikunu jridu jaqilgħu l-flus. Iżda kien hemm oħrajn li marru f’pajjiż barrani biex jaqdu fejn hemm bżonn taʼ wħud li jippridkaw dwar is-Saltna.
Ejja niħduha li int se tmur toqgħod f’pajjiż ieħor għal raġunijiet tajbin—raġunijiet li jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-miri spiritwali tiegħek.a X’tistaʼ tagħmel biex tkun ċert li kollox imurlek sew?
Kun Determinat li Taddatta Ruħek
L-ewwelnett trid tkun lest li taddatta ruħek. Dan ma jfissirx li twarrab il-prinċipji Kristjani jew ir-rutina spiritwali tiegħek. Imma forsi jkollok bżonn issir tħobb ikel differenti, titgħallem xi regoli ġodda taʼ l-etikett, jew tipprova modi ġodda taʼ kif tagħmel xi ħaġa. Dawn id-drawwiet ġodda jistgħu jkunu differenti ħafna minn kif kont imdorri f’pajjiżek. Imma l-kmand taʼ Ġesù biex ma ‘niġġudikawx’ joqgħod tajjeb hawn. (Mattew 7:1) Fil-fatt, l-ebda razza jew kultura m’għandha d-dritt li titgħolla fuq oħra. (Atti 17:26) Iż-żgħażagħ li jkunu qed jgħixu barra għandhom jevitaw li joqogħdu jqabblu pajjiż barrani maʼ pajjiżhom biex jikkritikawh. L-istess bħalma wħud li huma akbar fl-età għandhom jevitaw li joqogħdu jqabblu ż-żgħażagħ taʼ l-imgħoddi maʼ dawk taʼ issa biex jikkritikawhom. (Koħèlet 7:10) Iffoka fuq l-affarijiet pożittivi li għandu x’joffri dan il-pajjiż ġdid u l-kultura tiegħu. Barra minn hekk, iktar ma titgħallem il-lingwa taʼ dan il-pajjiż malajr, iktar se tibda tħossok rilassat u komdu.
L-appostlu Pawlu rnexxielu jaddatta ruħu għal kulturi differenti fix-xogħol tiegħu bħala missjunarju. Dan minħabba li kien lest li jsir “kollox maʼ kulħadd.” (1 Korintin 9:22) Jekk ikollok l-istess attitudni tkun tistaʼ taddatta ruħek. Adrianne hija tfajla li marret tgħix fil-Ġermanja bħala au pair. Hi tagħmel xogħol fid-dar taʼ familja, u huma jagħtuha l-ikel u l-kamra. Hi tispjega: “Ikolli nkun flessibbli ħafna għax ma nistax nippretendi li ħaddieħor jaddatta ruħu għalija.”
‘Irrid Immur id-Dar!’
Matul l-ewwel ftit ġimgħat, hija ħaġa normali li tħossok imdejjaq u li timmissja d-dar. Il-Bibbja turi li Ġakobb kien għadu ‘miġbud lejn dar missieru,’ avolja kien ilu jgħix f’pajjiż barrani għal iktar minn 20 sena! (Ġenesi 31:30) Għalhekk tiħodhiex bi kbira li xi drabi tinfaqaʼ tibki. M’għandniex xi ngħidu, jekk moħħok joqgħod jhewden il-ħin kollu fuq dak li ħallejt warajk, iktar se tħossok imdejjaq. (Numri 11:4, 5) Biex tneħħi d-dwejjaq, l-aħjar ħaġa hi li tagħmel kulma tistaʼ biex tidra r-rutina differenti tiegħek u l-ambjent ġdid li tinsab fih. Veru, huwa tajjeb li tibqaʼ f’kuntatt mal-familja tiegħek permezz taʼ ittri jew telefonati. Però, jekk toqgħod iċċemplilhom il-ħin kollu għandu mnejn ma tkunx tistaʼ tidra d-dar ġdida tiegħek.
Ħafna żgħażagħ Kristjani jsibu li l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu biex ma jħossuhomx waħedhom hi li jerġgħu jaqbdu r-rutina spiritwali tagħhom. (Filippin 3:16) Amber tiftakar dwar l-ewwel ftit ġimgħat li għamlet barra: “Kont insibha iebsa fil-għaxija meta ma kien ikolli xejn x’nagħmel, allura pprovajt nagħmel ftit iktar studju jew naqra xi ktieb.” Rachel, tfajla mill-Britannja li marret tgħix fil-Ġermanja bħala au pair, tagħti dan il-parir mill-esperjenza persunali tagħha: “Involvi ruħek mal-kongregazzjoni mill-ewwel. Ibda attendi l-laqgħat minnufih.” Għall-ewwel, forsi jkollok bżonn ftit għajnuna biex tasal għal-laqgħat. Imma fil-kongregazzjoni Kristjana, tistaʼ ssib ħbieb tajbin li jistgħu jkunu bħal ‘aħwa u ommijiet’ għalik.—Mark 10:29, 30.
Parti importanti oħra f’rutina spiritwali tajba hija li nieħdu sehem fix-xogħol Kristjan taʼ l-evanġelizzar. L-ippridkar mhux biss se jkun taʼ ġid għalik spiritwalment imma jistaʼ wkoll jgħinek taddatta ruħek għall-kultura u l-lingwa ġdida.
Fl-aħħarnett, ara li jkollok rutina taʼ talb u studju persunali. Dawn huma vitali biex tibqaʼ b’saħħtek spiritwalment. (Rumani 12:12; 1 Timotju 4:15) Għalhekk, Adrianne, li semmejnieha qabel, ħadet ħsieb li tieħu magħha letteratura tal-Bibbja bil-lingwa tagħha.
Meta Tgħix maʼ Familja Oħra
Xi żgħażagħ Kristjani ftehmu biex jgħixu maʼ familji Kristjani bħalhom meta kienu jgħixu barra. Veru, ma tistax tippretendi li l-familja li tilqgħek jagħmluha tal-ġenituri tiegħek. Imma dawn jistgħu jkunu taʼ sħubija tajba u sors taʼ inkuraġġiment spiritwali.—Proverbji 27:17.
Xorta waħda, komunikazzjoni sinċiera mal-familja li tilqgħek hija essenzjali biex ikollok relazzjoni tajba magħhom. (Proverbji 15:22; 20:5; 25:11) Amber tinnota: “Irid ikollok idea fuq fuq taʼ x’se jkollok tagħmel. Trid tkun taf x’qed jistennew minnek dawk li jilqgħuk, u huma jridu jkunu jafu x’tistenna minnhom int.” Skopri x’inhuma r-regoli tal-familja fid-dar u kemm int mistenni li tieħu sehem fil-faċendi. Dawn il-kwistjonijiet trid tiddiskutihom sew.
Per eżempju, se tiffaċċja sfida iebsa b’mod speċjali jekk tkun qed taħdem għal xi familja li ma jkollhiex l-istess twemmin tiegħek. Peress li din il-familja forsi ma tifhimhiex il-waqfa tiegħek fuq prinċipji Bibliċi, tistaʼ ssib ruħek f’sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu taʼ periklu. (Proverbji 13:20) Jistaʼ jkun li jitolbuk tagħmel affarijiet fid-dar li jfixklulek l-obbligi spiritwali tiegħek, bħal per eżempju li tattendi l-laqgħat Kristjani. Mela jekk ma tistax tagħmel mod ieħor ħlief li toqgħod maʼ familja li m’għandhiex l-istess twemmin tiegħek, allura hemm għadd taʼ prekawzjonijiet li għandek tieħu.
Rachel tirrikkmanda: “Kun ċert li jkunu jafu li int Kristjan. L-aħjar hu li tgħidilhom mill-ewwel bl-onestà kollha.” Jekk tispjegalhom il-livelli reliġjużi u morali tiegħek jistaʼ jkun taʼ protezzjoni għalik. Ukoll, lil min jimpjegak trid tagħmilhielu ċara kemm huma importanti għalik il-laqgħat u l-ippridkar Kristjan. Finalment, huwa għaqli li qabel ma tibda, tkun ċert li jitniżżlu bil-miktub affarijiet importanti bħall-ħinijiet tax-xogħol, il-leave, u l-paga. Imbagħad tkun tistaʼ tevita l-inkwiet iktar tard.
Biex Issolvi l-Problemi
Tipprova kemm tipprova, xorta jistaʼ jqum xi inkwiet. Per eżempju, xi ngħidu jekk dawk li toqgħod magħhom jitolbuk titlaq minn darhom? Forsi ma tkunx taf fejn se taqbad tagħti rasek. Jekk ikollkom xi tgħidu, tistaʼ tipprova ssolvi l-affarijiet billi titkellem magħhom bil-kalma u b’mod raġunevoli. (Proverbji 15:1) Kun lest li tammetti kwalunkwe żbalji li forsi tkun għamilt. Għandek mnejn iddawrilhom il-ħsieb. Jekk le, ikollok issib post ieħor fejn toqgħod.
F’ċerti problemi oħrajn forsi jkollok bżonn titlob l-għajnuna taʼ xi ħadd. Per eżempju, jistgħu jinqalgħulek problemi taʼ flus jew timrad. Għandek mnejn toqgħod lura milli tgħarraf lill-ġenituri tiegħek b’dak li jkun qed jiġri, minħabba li tibżaʼ li se jiġu għalik biex jiħduk lura d-dar. Barra minn hekk, huma jkunu ’l bogħod ferm u forsi ma jkunux jafu kif jittrattaw sitwazzjoni bħal din f’pajjiż differenti. Madankollu, l-anzjani tal-kongregazzjoni lokali jistgħu jkollhom l-esperjenza biex jittrattaw problemi bħal dawn u forsi jkunu jistgħu joffrulek ftit pariri prattiċi. Forsi jkunu jistgħu wkoll jgħinuk tiddeċiedi jekk din hix kwistjoni li għandhom isiru jafu biha l-ġenituri tiegħek.
Meta Tkun Sejjer Lura Lejn Pajjiżek
Minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi li tistaʼ tiffaċċja, iż-żmien li tqattaʼ barra jistaʼ jkun tassew taʼ ġid, speċjalment jekk tmur hemm għal raġunijiet spiritwali. Naturalment jiġi l-waqt meta jkollok tmur lura d-dar. Andreas jgħid: “B’daqstant memorji sbieħ, malajr insejthom il-koroh, u kien tassew diffiċli għalija li nitlaq.” Xorta waħda, issa li tkun tgħallimt attitudnijiet differenti minn post ieħor, m’għandekx tistenna li l-ħbieb jew il-familja tiegħek lura f’pajjiżek jibdlu f’daqqa waħda l-mod kif jagħmlu l-affarijiet. Barra minn hekk, toqgħodx ittellagħhomlhom billi tixorbilhom moħħhom dwar kif isiru l-affarijiet f’pajjiż ieħor. Ovvjament, se tkun tixtieq tgħid lil kulħadd minn xiex għaddejt, imma tiħux għalik jekk mhux kulħadd iħossu entużjast bħalek.
Jidher ċar li d-deċiżjoni biex tmur toqgħod f’pajjiż barrani għal ftit taż-żmien trid tiħodha bis-serjetà kollha. L-ewwel iddiskuti l-kwistjoni mal-ġenituri tiegħek. Imbagħad, jekk tiddeċiedi li hemm raġunijiet validi biex tmur toqgħod barra, kun lest li tkampa maʼ l-isfidi li se tiffaċċja. Bħal f’kull deċiżjoni oħra li tiffaċċja fil-ħajja, ikun għaqli li l-ewwel tqis in-nefqa.—Luqa 14:28-30.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Mmur Ngħix Barra?” li deher fil-ħarġa tat-8 taʼ Lulju, 2000.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]
Pariri għas-Sigurtà Tiegħek
● Il-passaport, il-flus u l-biljett tar-ritorn żommhom f’post fiż-żgur.
● Agħmel fotokopji tal-passaport tiegħek, kif ukoll tal-permess u/jew tal-visa tiegħek, tal-biljett tar-ritorn u taʼ karti importanti oħra. Żomm sett taʼ dawn il-kopji għandek, u ibgħat sett lill-ġenituri jew lill-ħbieb f’pajjiżek.
● Dejjem ġorr miegħek in-numru tat-telefon tal-ġenituri jew tal-ħbieb f’pajjiżek u dak tal-familja li tkun qed toqgħod magħha.
● Żomm kondotta nadifa mal-membri tas-sess oppost, sew jekk ikunu fil-familja li tilqgħek, fl-iskola, fuq ix-xogħol u f’postijiet oħrajn.
● Tgħallem xi kliem u frażijiet bażiċi bil-lingwa tal-pajjiż li tkun mort toqgħod fih.
● Qabel titlaq mur agħmel vista għand it-tabib. Jekk ikollok bżonn xi mediċina, kun ċert li tieħu miegħek biżżejjed minnha.
[Stampa f’paġna 26]
Jekk ikollok xi tgħid mal-familja li tkun qed toqgħod magħha, tkellem dwar il-problema bil-kalma