Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għandi Mmur Ngħix Barra?
“Ridt immur noqgħod f’post ieħor.”—Sam.
“Kont kurjuża, daqshekk kollox. Xtaqt nara xi ħaġa ġdida.”—Maren.
“Ħabib tal-qalb qalli li jagħmilli tajjeb li nitlaq ftit mid-dar.”—Andreas.
“Kelli kilba għall-avventura.”—Hagen.
QATT toħlom li tmur toqgħod f’pajjiż ieħor—forsi għal ftit taż-żmien biss? Kull sena, eluf taʼ żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu preċiż hekk. Andreas jgħid dwar l-esperjenza tiegħu meta mar jgħix barra: “Nixtieq nerġaʼ nagħmilha.”
Xi żgħażagħ imorru joqogħdu band’oħra għal ftit taż-żmien għaliex ikunu jridu jaqilgħu l-flus jew jitgħallmu lingwa oħra. Per eżempju, f’ħafna pajjiżi huma popolari l-programmi au pair. F’dawn il-programmi, żgħażagħ barranin ikunu jistgħu jagħmlu xogħol fid-dar għal xi familja filwaqt li jingħataw fejn jorqdu u x’jieklu, u mbagħad ikunu jistgħu jużaw il-ħin liberu tagħhom biex jistudjaw il-lingwa tal-post. Imbagħad hemm żgħażagħ li jmorru joqogħdu barra biex jiksbu edukazzjoni. Oħrajn jagħmlu dan biex isibu xogħol ħalli jkunu jistgħu jgħinu lill-familji tagħhom finanzjarjament. Jerġaʼ oħrajn imorru jgħixu barra għax ma jkunux ċerti x’se jaqbdu jagħmlu wara li jispiċċaw mill-iskola u jkunu jridu jaqtgħu ftit billi jmorru jgħixu barra.
Ħaġa interessanti hi li xi żgħażagħ Kristjani marru joqogħdu f’pajjiżi fejn hemm nuqqas taʼ evanġelizzaturi, sabiex ikabbru l-ministeru tagħhom. Tkun xi tkun ir-raġuni għala tmur tgħix band’oħra, esperjenza bħal din tistaʼ tgħallmek tkun indipendenti bħala adult. Tistaʼ tibda tifhem diversi kulturi oħra. Għandek mnejn titgħallem tajjeb lingwa oħra—xi ħaġa li tistaʼ żżidlek il-prospetti tiegħek fil-qasam tax-xogħol.
Minkejja dan, li tmur toqgħod f’pajjiż ieħor mhux dejjem tkun esperjenza pożittiva. Per eżempju, Susanne għamlet sena tistudja barra. Hi tgħid: “Kont ċerta li kienet se tkun esperjenza l-veru sabiħa mill-bidu sa l-aħħar. Imma ma kinitx hekk.” Xi żgħażagħ saħansitra sabu min jieħu vantaġġ minnhom jew ġew f’inkwiet kbir. Allura qabel ma tippakkja l-bagalji, tagħmel tajjeb jekk toqgħod tqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi.
Analizza l-Motivi Tiegħek
Biex tanalizza dawn l-affarijiet, żgur li trid tinkludi li teżamina l-motivi tiegħek għala trid tmur toqgħod barra. Jistaʼ jkun li ssiefer biex tfittex interessi spiritwali jew biex tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja. Imma bħaż-żgħażagħ li kkwotajna fil-bidu, ħafna jixtiequ jmorru jgħixu xi mkien ieħor sempliċement għax ikunu jixtiequ l-avventura, divertiment, jew iktar libertà. Din mhux bilfors tkun ħaġa ħażina. Wara kollox, Koħèlet 11:9 jinkuraġġixxi liż-żgħażagħ biex ‘jithennew . . . f’żgħożithom.’ Madankollu, vers 10 jwissi: “Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib, u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek.”
Jekk l-intenzjoni tiegħek hi li tmur toqgħod f’pajjiż ieħor sabiex teħles mis-sikkatura tal-ġenituri tiegħek, għandek mnejn tkun qed tistieden “il-ħsara.” Tiftakarha l-parabbola taʼ Ġesù dwar l-iben il-ħali? Din kienet tittratta dwar żagħżugħ li kien egoist u li siefer ’il bogħod biex x’aktarx ikollu iktar libertà. Iżda, malajr ġie fl-inkwiet, u sab ruħu bil-ġuħ, fqir, u marid spiritwalment.—Luqa 15:11-16.
Imbagħad hemm oħrajn li jkunu jridu jmorru joqogħdu barra biex jaħarbu mill-problemi fil-familja. Imma, bħalma kitbet Heike Berg fil-ktieb tagħha What’s Up, “jekk trid titlaq biss għax tinsab imdejjaq . . . u taħseb li kollox se jkun aħjar xi mkien ieħor—insieha!” Fil-fatt, ikun aħjar li tiffaċċja l-problemi direttament. M’int se tieħu xejn billi taħrab mis-sitwazzjonijiet li ma jogħġbukx.
Motivi perikolużi oħrajn huma r-regħba u l-materjaliżmu. Xi żgħażagħ, billi jkunu mxennqin għall-għana, jiżviluppaw ideat kbar u mhux realistiċi taʼ kif inhi l-ħajja f’pajjiżi industrijalizzati. Xi wħud jimmaġinaw li n-nies kollha tal-Punent huma sinjuri. Imma dan m’hu veru xejn. Wara li jmorru joqogħdu xi mkien ieħor, ħafna żgħażagħ isibu ruħhom f’pajjiż stranġier, jitħabtu biex ma jibqgħux fil-faqar.a Il-Bibbja twissi: “Ir-regħba għall-flus hi l-għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:10.
Preparat biex Tmur?
Hemm fattur ieħor li trid tikkunsidra: Int verament matur biżżejjed biex tkampa mad-diffikultajiet, mal-problemi, u l-konflitti li se tiltaqaʼ magħhom barra? X’aktarx li se jkollok taqsam il-kamra maʼ xi ħadd jew tmur toqgħod maʼ familja oħra u taddatta għar-rutina tagħhom. Allura bħalissa kif int sejjer id-dar maʼ tal-familja? Il-ġenituri tiegħek igergru xejn minħabba li int ma jimpurtakx minn ħaddieħor ħlief minnek innifsek? Għandek fsied fl-ikel? Kemm int lest li tagħti sehmek fil-faċendi tad-dar? Jekk dawn l-affarijiet qed issibhom diffiċli bħalissa, aħseb u ara kemm se ssibhom diffiċli f’pajjiż differenti!
Jekk int Kristjan, se tkun kapaċi żżomm l-ispiritwalità tiegħek? Jew il-ġenituri jridu joqogħdu jfakkruk il-ħin kollu biex ma tittraskurax l-istudju tal-Bibbja, il-laqgħat Kristjani, u x-xogħol taʼ l-ippridkar? Se tkun b’saħħtek biżżejjed spiritwalment biex tirreżisti l-pressjonijiet u t-tentazzjonijiet li se tiffaċċja f’post barrani u li forsi f’pajjiżek ma tiffaċċjahomx? Fl-ewwel ġurnata taʼ l-iskola f’pajjiż barrani, ċertu żagħżugħ Kristjan, li kien mar hemm biex jistudja, intqallu minfejn setaʼ jikseb drogi illegali. Wara ftit, waħda minn sħabu taʼ l-iskola staqsietu biex joħroġ magħha. F’pajjiżu, tfajla qatt ma kienet se tgħidlu b’mod daqshekk dirett li tiffansjah. Żagħżugħ Afrikan li mar joqgħod fl-Ewropa josserva wkoll: “Fil-pajjiż tiegħi qatt ma tara stampi immorali fil-pubbliku. Imma hawn tarahom kullimkien.” Jekk wieħed ma jkunx ‘sħiħ fil-fidi’ jistaʼ jkisser l-ispiritwalità tiegħu billi jmur joqgħod barra.—1 Pietru 5:9.
Ikseb il-Fatti!
Qabel ma tmur tgħix barra, għandek bżonn tkun taf il-fatti kollha. Toqgħodx fuq informazzjoni li jagħtik ħaddieħor. Per eżempju, jekk qed tikkunsidra li tmur tistudja barra, kemm se tiġik l-ispiża? Għandek mnejn tibqaʼ skantat meta ssir taf li ħafna drabi jkun hemm eluf taʼ liri involuti. Trid tara wkoll jekk l-edukazzjoni li se tirċievi barra hix se tkun aċċettata f’pajjiżek. Ukoll, iġbor kemm jistaʼ jkun informazzjoni dwar il-pajjiż—il-liġijiet, il-kultura, u l-użanzi t’hemmhekk. Xi spejjeż huma involuti biex tgħix hemmhekk? Liema taxxi se jkollok tħallas? Hemm xi riskji għas-saħħa li trid tikkunsidrahom? Forsi tistaʼ ssibha t’għajnuna li titkellem maʼ xi ħadd li fil-fatt kien jgħix hemmhekk.
Imbagħad hemm il-kwistjoni taʼ fejn se toqgħod. Ġenituri li jilqgħu f’darhom studenti barranin, ġeneralment ma jistennew l-ebda kumpens materjali. Xorta waħda, jistaʼ jkollok pressjoni kbira jekk tkun tgħix maʼ nies li ma jirrispettawx il-prinċipji Bibliċi. Forsi alternattiva oħra tistaʼ tkun li toqgħod mal-ħbieb jew xi qraba. Imma ħu ħsieb li ma tkunx taʼ piż għalihom—anki jekk dawn jinsistu li għandek toqgħod magħhom. Dan jistaʼ jkun taʼ ħsara jew saħansitra jkissirlek ir-relazzjoni tiegħek magħhom.—Proverbji 25:17.
Jekk bi ħsiebek taqlaʼ l-flus waqt li tkun qed tgħix barra, tinsiex li bħala Kristjan għandek l-obbligu li tobdi l-awtoritajiet sekulari. (Rumani 13:1-7) Skond il-liġi, tistaʼ taħdem f’dak il-pajjiż? Jekk inhu hekk, b’liema kundizzjonijiet tistaʼ taħdem? Jekk taħdem illegalment tistaʼ tipperikola l-waqfa tiegħek bħala Kristjan onest u tibqaʼ mingħajr ebda protezzjoni bażika, bħal xi assigurazzjoni għal xi inċident. Anki jekk il-liġi tippermettilek li taħdem, trid toqgħod attent b’sebaʼ għajnejn u tuża moħħok. (Proverbji 14:15) Ħafna drabi mgħallmin bla skruplu japprofittaw ruħhom mill-barranin.
Trid Tittieħed Deċiżjoni
Jidher ċar, mela, li d-deċiżjoni biex tmur toqgħod f’pajjiż ieħor hija deċiżjoni kbira—u m’għandekx tiħodha ħafif ħafif. Oqgħod bil-qegħda mal-ġenituri tiegħek, u kkunsidra bir-reqqa l-affarijiet li taħseb li jkunu taʼ benefiċċju u dak li taħseb li jistaʼ jkun taʼ periklu. Ipprova tħallix l-entużjażmu jagħmik u ma tużax id-dehen. Kun onest meta tanalizza l-motivi tiegħek. Agħti widen sew lill-ġenituri tiegħek. Wara kollox, huma xorta se jħossuhom responsabbli tiegħek, anki jekk tkun mijiet taʼ kilometri ’l bogħod. X’aktarx li se jkollok bżonn l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex tkampa.
Meta tikkunsidra kollox, forsi ssib li m’huwiex għaqli li tmur toqgħod xi mkien ieħor—għall-inqas għalissa. Tistaʼ forsi tiddiżappunta ruħek, imma tistaʼ tagħmel ħafna affarijiet eċċitanti oħra. Per eżempju, ikkunsidrajt il-possibbiltà li żżur postijiet interessanti f’pajjiżek stess? Jew għax ma tibdiex minn issa titgħallem lingwa oħra? Maż-żmien, forsi tiġik l-opportunità li ssiefer.
Imma xi ngħidu jekk tiddeċiedi li tmur tgħix barra? Artiklu fil-futur se jiddiskuti kif jistaʼ jkollok suċċess meta tkun qed toqgħod hemm.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Counting the Cost of Moving to an Affluent Land,” fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 t’April, 1991, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 13]
Xi żgħażagħ imorru jgħixu xi mkien ieħor biex jgħinu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna
[Stampa f’paġna 14]
Tkellem mal-ġenituri tiegħek dwar il-benefiċċji u l-perikli taʼ li tmur toqgħod xi mkien ieħor