LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 2/14 pp. 10-11
  • Bijoteknologu jispjega t-twemmin tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bijoteknologu jispjega t-twemmin tiegħu
  • Stenbaħ!—2014
  • Materjal Simili
  • Il-Ħallieq Tiegħek—Tgħallem Dwar x’Tip taʼ Persuna Hu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Bijokimiku Jispjega t-Twemmin Tiegħu
    Stenbaħ!—2013
  • Mikrobijologa tispjega t-twemmin tagħha
    Stenbaħ!—2014
  • “Jien konvint li hemm Ħallieq”
    Stenbaħ!—2014
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2014
g 2/14 pp. 10-11
Dr. Hans Kristian Kotlar waqt ix-​xogħol

INTERVISTA | HANS KRISTIAN KOTLAR

Bijoteknologu jispjega t-​twemmin tiegħu

Dr. Hans Kristian Kotlar

Fl-​1978, l-​ewwel impjieg li kellu Dr. Hans Kristian Kotlar fir-​riċerka xjentifika kien fin-​Norwegian Radium Hospital, fejn studja l-​kanċer u s-​sistema tal-​immunità tal-​bniedem. Dak iż-​żmien, interessa ruħu wkoll fl-​oriġini tal-​ħajja. Stenbaħ! staqsieh dwar ir-​riċerka u t-​twemmin reliġjuż tiegħu.

X’qajjimlek l-​interess fl-​oriġini u l-​iskop tal-​ħajja?

Missieri kien Kattoliku u ommi kienet Protestanta. Minkejja dan, ma qisuhiex importanti r-​reliġjon. Imma jien, matul żgħożiti ħsibt dwar it-​tifsir tal-​ħajja u qrajt ħafna kotba dwar il-​Buddiżmu, il-​Ħinduiżmu, u l-​Iżlam. Saħansitra tlabt lil Alla jurini l-​verità.

Sas-​snin 70, il-​qasam tal-​bijoloġija molekulari għamel żviluppi ġmielhom, u ħsibt dwar jekk forsi jistax jirrivela kif bdiet il-​ħajja. Il-​mekkaniżmi fiċ-​ċelluli ħajjin affaxxinawni, u għalhekk għażilt li nistudja l-​bijoteknoloġija. Barra minn hekk, ħafna mill-​għalliema tiegħi qalu li l-​ħajja evolviet bi proċessi naturali, u jien emminthom.

Għala ħadt interess fil-​Bibbja?

Kienu ġew għandna tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kienu dħulin, ħadthom bil-​herra u għedtilhom li ma kontx interessat. Marti semgħetni. “Ma kontx qalbek tajba, Hans Kristian,” qaltli. “Int dejjem kont interessat fl-​iskop tal-​ħajja.” Kellha raġun, u ddispjaċieni. Għalhekk, ġrejt biex nilħaq lil dawk ix-​Xhieda. Matul il-​konversazzjoni tagħna, għedtilhom li ridt inkun naf jekk il-​Bibbja taqbilx max-​xjenza.

Kif wiġbuk għal dan?

Urewni x’tgħid il-​Bibbja dwar is-​Sors tal-​enerġija li tidher fl-​univers. L-​iskrittura li qrawli tgħid: “Erfgħu għajnejkom fl-​għoli u araw. Min ħalaqhom dawn l-​affarijiet? . . . Minħabba l-​abbundanza t’enerġija attiva, billi għandu wkoll qawwa enerġetika, lanqas waħda minnhom m’hi nieqsa.”a Din l-​istqarrija affaxxinatni. Kien jidher raġunevoli wkoll li Sors intelliġenti t’enerġija biss setaʼ jkun responsabbli għall-​ordni li hemm fl-​univers.

Inbidlet il-​ħarsa tiegħek tal-​evoluzzjoni?

Gradwalment irrealizzajt li d-​diversi teoriji tal-​evoluzzjoni ma kellhomx provi xjentifiċi konkreti. Infatti, bażikament dawn huma stejjer ivvintati biex jispjegaw kif id-​disinji rimarkevoli li jinsabu f’affarijiet ħajjin, bħal pereżempju s-​sistema tal-​immunità, setgħu oriġinaw bi proċess bla ħsieb. Iktar ma studjajt is-​sistema tal-​immunità, iktar irrealizzajt kemm hi kumplessa u effettiva. B’hekk, ir-​riċerka tiegħi wasslitni biex nikkonkludi li l-​ħajja hija prodott taʼ Ħallieq intelliġenti.

Ir-​riċerka tiegħi wasslitni biex nikkonkludi li l-​ħajja hija prodott taʼ Ħallieq intelliġenti

Tistaʼ tagħtina xi evidenza taʼ disinn?

Is-​sistema tal-​immunità hi fil-​fatt ġabra taʼ strutturi u mekkaniżmi tal-​għaġeb iddisinjati biex jiddefenduna minn varjetà kbira t’affarijiet, inkluż il-​mikrobi u l-​virus. Dawn il-​mekkaniżmi, min-​naħa tagħhom, jistgħu jinġabru f’żewġ gruppi taʼ sistemi li jikkumplimentaw lil xulxin. L-​ewwel waħda, f’temp taʼ sigħat tattakka mikrobi li jkunu daħlu fil-​ġisem. It-​tieni waħda tieħu diversi ġranet biex tirreaġixxi imma tattakka l-​invażuri bħal vleġġa mmirata sew. It-​tieni sistema għandha wkoll memorja tajba, biex jekk invażur speċifiku jerġaʼ jiġi snin wara, dan l-​għadu se jintlaqaʼ b’respons veloċi. Is-​sistema kollha tant taħdem tajjeb li spiss lanqas biss tirrealizza li għadek kif ġejt infettat u effettivament protett. Impressjonanti wkoll hu l-​mod kif is-​sistema tal-​immunità tagħraf id-​differenza bejn sustanzi barranin u l-​mijiet taʼ tipi taʼ ċelluli li ġisimna hu magħmul minnhom.

Għidilna naqra, x’jiġri meta mikrobu jidħol f’ġisimna?

Il-​mikrobi jidħlu inkiss inkiss mal-​ikel, minn imnifsejna, mill-​ġenitali, jew minn xi qatgħa fil-​ġilda. Meta s-​sistema tal-​immunità tinduna bihom, tagħti bidu għal serje konsekuttiva taʼ reazzjonijiet li jinvolvu bosta proteini li huma ddisinjati biex jagħmlu xogħol partikulari. Kull parti minn din is-​serje tattiva lil taʼ warajha biex iżżid il-​kontrattakk. Dan il-​proċess jgħaġġbek.

Nistgħu ngħidu, allura, li l-​għarfien tiegħek tax-​xjenza saħħaħlek il-​fidi tiegħek f’Alla?

Dażgur! Il-​qawwa u s-​sofistikazzjoni tas-​sistema tal-​immunità tagħna jagħtu evidenza taʼ Ħallieq t’għerf u taʼ mħabba. Nistaʼ nżid li x-​xjenza saħħitli wkoll il-​fidi tiegħi fil-​Bibbja. Pereżempju, Proverbji 17:22 jgħidilna li “qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.” Xi riċerkaturi skoprew li l-​istat mentali tagħna jistaʼ jinfluwenza s-​sistema tal-​immunità tagħna. L-​istress, pereżempju, jistaʼ jdgħajjef ir-​reazzjoni tas-​sistema tal-​immunità.

Ħafna min-​nies li taf ma jemmnux f’Alla. Għala?

Ir-​raġunijiet ivarjaw. Uħud sempliċement jaċċettaw dak li ġew mgħallmin, bħalma kont nagħmel jien. Forsi jassumu li hemm provi xjentifiċi għat-​teorija tal-​evoluzzjoni. Oħrajn ma tantx jaħsbu dwar kif bdiet il-​ħajja. X’ħasra! Naħseb li għandhom jistaqsu iktar mistoqsijiet.

Għala sirt Xhud taʼ Ġeħova?

Inġbidt mill-​ospitalità tagħhom u l-​fidi tagħhom fil-​wegħda tal-​Ħallieq għal futur aħjar.b U dik il-​fidi hi bbażata fuq riċerka u raġunar sod, mhux ħrejjef jew spekulazzjoni.c

a Isaija 40:26.

b Rivelazzjoni 21:3, 4.

c Ebrej 11:1.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja