LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 6/14 pp. 14-15
  • Kif tikkontrolla l-infiq

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif tikkontrolla l-infiq
  • Stenbaħ!—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​ISFIDA
  • Kif tqassmu l-flus
    Il-familja tiegħek tista’ tkun ferħana
  • Huma l-Flus Sidek jew il-Qaddej Tiegħek?
    Stenbaħ!—2009
  • L-istabbilità finanzjarja
    Stenbaħ!—2019
  • Qassam Flusek bil-Għaqal
    Stenbaħ!—2009
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2014
g 6/14 pp. 14-15
Koppja miżżewġa żagħżugħa jixtru

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IŻ-​ŻWIEĠ

Kif tikkontrolla l-​infiq

L-​ISFIDA

Daqqa t’għajn lejn il-​karti tal-​bank u l-​kontijiet tagħkom turi li fluskom donnhom qed imorru f’but imtaqqab. Ma tantx ilkom miżżewġin, u m’intomx tikkontrollaw l-​infiq tagħkom. Huwa tort tar-​raġel jew il-​mara tiegħek? Tgħaġġilx! Aħsbu bħala tim, u kkunsidraw xi affarijiet li setgħu wasslu lit-​tnejn li intom f’din is-​sitwazzjoni diffiċli.a

GĦALA JIĠRI DAN

Aġġustament. Jekk kont tgħix id-​dar qabel ma żżewwiġt, li tħallas il-​kontijiet u taqsam l-​ispejjeż taf tkun xi ħaġa ġdida għalik. Jistaʼ jkun ukoll li int u r-​raġel, jew il-​mara tiegħek, tħarsu lejn il-​flus b’mod differenti. Pereżempju, wieħed minnkom forsi iktar jieħu pjaċir jonfoq waqt li l-​persuna l-​oħra tkun tixtieq tfaddal. Jieħu ż-​żmien biex koppja jaġġustaw u jiżviluppaw metodu li jaqblu fuqu dwar kif iqassmu l-​flus.

Ħaxix ħażin jikber maʼ saqajn koppja

Bħal ħaxix ħażin fi ġnien, id-​dejn sempliċement jikber—u jkompli jikber

Tnikkir. Jim, li issa hu negozjant taʼ suċċess, jammetti li għall-​ewwel li żżewweġ kellu jħallas qares għax ma kienx jaf kif iqassam il-​flus. “Minħabba li ma kontx inħallas il-​kontijiet fil-​ħin,” jgħid hu, “jien u marti spiċċajna nħallsu eluf taʼ dollari żejda f’multi. Spiċċajna fixxa!”

In-​nassa tal-​“flus inviżibbli.” Huwa faċli li tonfoq iżżejjed meta ma tarax il-​flus ħerġin mill-​kartiera jew il-​portmoni. Dan jistaʼ jkun il-​każ jekk ħafna mill-​pagamenti tagħmilhom bil-​kards tal-​kreditu jew tad-​debitu, tixtri minn fuq l-​Internet, u tuża l-​Internet Banking. Il-​fatt li jistgħu jissellfu l-​flus faċilment jagħmilha iktar faċli għal miżżewġin friski biex jonfqu żżejjed.

Hu x’inhu l-​kaġun tal-​problemi finanzjarji tagħkom, dawn jistgħu jipperikolaw iż-​żwieġ tagħkom. Ktieb dwar iż-​żwieġ jgħid: “Għandhom kemm għandhom flus, ħafna koppji jgħidu li l-​flus huma waħda mill-​ikbar problemi. Il-​flus spiss huma l-​kawża tal-​argumenti.”—Fighting for Your Marriage.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kunu determinati li tikkooperaw. Minflok ma twaħħlu f’xulxin, aħdmu bħala tim biex tikkontrollaw l-​infiq tagħkom. Iddeċiedu mill-​bidu nett li mhux se tħallu din il-​kwistjoni ġġib firda bejnietkom.—Prinċipju Bibliku: Efesin 4:32.

Agħmlu baġit. Iktbu l-​ispejjeż kollha tagħkom taʼ xahar, ikunu kemm ikunu żgħar. Dan se jgħinkom tkunu tafu fiex qed tonfqu l-​flus u ssiru tafu jekk hemmx xi spejjeż bla bżonn.

Agħmlu lista tal-​ispejjeż neċessarji, inkluż l-​ikel, l-​ilbies, il-​kera jew il-​loan, il-​pagamenti tal-​karozza, u affarijiet hekk. Niżżlu ħdejn kull kategorija kemm bejn wieħed u ieħor se tiswielkom għal perijodu taʼ żmien, bħal pereżempju għal xahar.—Prinċipju Bibliku: Luqa 14:28.

“Min jissellef hu l-​qaddej taʼ min isellfu.”—Proverbji 22:7.

Warrbu xi flus kull xahar għal spejjeż separati (ikel, kera, fjuwil, eċċetra). Xi wħud isibuha tajjeb li jagħmlu envelop għal kull kategorija u fih ipoġġu ammont taʼ flus.b Jekk envelop jispiċċa bla flus, huma jew ma jibqgħux jonfqu f’dik il-​kategorija jew jieħdu l-​flus minn envelop ieħor.

Ikkunsidra mill-​ġdid x’inhi l-​ħarsa tiegħek lejn l-​affarijiet materjali. Il-​ferħ ma jiddependix milli jkollok affarijiet tal-​aħħar mudell. Wara kollox, Ġesù qal: “Anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Spiss, id-​drawwiet tiegħek taʼ kif tonfoq juru jekk temmen dan il-​kliem jew le.—Prinċipju Bibliku: 1 Timotju 6:8.

Agħmlu aġġustamenti. “Affarijiet bħall-​cable TV u li tmorru tieklu barra jistgħu jidhru bħala xi ħaġa li taffordjaw għall-​ewwel, imma maż-​żmien dawn jistgħu jweġġgħu l-​but,” jgħid Aaron, li ilu miżżewweġ sentejn. “Kellna nitgħallmu ngħaddu mingħajr ċerti affarijiet sabiex ma nonfqux iktar milli nifilħu.”

a Għalkemm dan l-​artiklu hu indirizzat lil dawk li m’ilhomx li żżewġu, il-​prinċipji li se jiġu diskussi japplikaw għall-​koppji miżżewġin kollha.

b Jekk tħallsu bl-​Internet jew bil-​kard tal-​kreditu minflok bil-​flus, xorta żommu rendikont f’kull envelop.

SKRITTURI PRINĊIPALI

  • “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb.”—Efesin 4:32.

  • “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż?”—Luqa 14:28.

  • “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti.”—1 Timotju 6:8.

Micah u Megan

MICAH U MEGAN

“Anki jekk persuna waħda biss fiż-​żwieġ tieħu ħsieb il-​finanzi u tħallas il-​kontijiet, it-​tnejn għandhom ikunu informati sew dwar x’inhi s-​sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Il-​komunikazzjoni tgħin ħafna biex jiġu evitati l-​problemi.”

David u Nataleine

DAVID U NATALEINE

“Ippjanaw bil-​quddiem. Tassumux li tistgħu tonfqu l-​flus kollha li għandkom il-​bank. Jekk ma żżommux xi ħaġa tal-​flus taħt raskom, qatt m’intom se tkunu ppreparati jekk tinqalaʼ xi emerġenza, bħal pereżempju ħsara fil-​karozza.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja