KAPITLU WIEĦED
Hemm Xi Sigriet għall-Hena fil-Familja?
1. Familji b’saħħithom għala huma importanti fis-soċjetà umana?
IL-FAMILJA hija l-eqdem istituzzjoni fuq l-art, u għandha rwol vitali fis-soċjetà umana. Matul l-istorja, familji b’saħħithom għenu biex jifformaw soċjetajiet b’saħħithom. Il-familja hija l-aqwa arranġament biex it-tfal jitrabbew b’tali mod li jsiru adulti maturi.
2-5. (a) Iddeskrivi s-sigurtà li tifel iħoss ġo familja hienja. (b) Liema problemi huma rrapportati f’xi familji?
2 Familja hienja hija menqa taʼ salvezza u sigurtà. Ġib quddiem għajnejk għal mument il-familja ideali. Waqt l-ikla taʼ fil-għaxija, ġenituri li jimpurtahom minn uliedhom joqogħdu bil-qiegħda magħhom u jiddiskutu l-ġrajjiet tal-ġurnata. It-tfal jiċċaċċraw bl-eċċitament hekk kif jirrakkontaw lil missierhom u lil ommhom dwar dak li jkun ġara fl-iskola. Il-ħin rilassanti li jqattgħu flimkien jirrifreskahom ilkoll għal jum ieħor fid-dinja ’l barra mid-dar.
3 Ġewwa familja hienja, tifel jaf li missieru u ommu se jieħdu ħsiebu meta jimrad, forsi billi darba kull wieħed joqogħdu ħdejn is-sodda tiegħu matul il-lejl. Hu jaf li jistaʼ jmur għand ommu jew missieru bil-problemi taʼ żgħożitu u jikseb pariri u appoġġ. Iva, it-tifel iħossu fis-sigurtà, tkun kemm tkun mimlija inkwiet id-dinja ’l barra mid-dar.
4 Meta t-tfal jikbru, ġeneralment jiżżewġu u jkollhom familja huma stess. “Persuna tirrealizza kemm hi obbligata lejn il-ġenituri tagħha meta jkollha tifel hi stess,” jgħid qawl Orjentali. B’sens profond taʼ gratitudni u mħabba, it-tfal meta jikbru jipprovaw jagħmlu lill-familji tagħhom stess henjin, u jieħdu ħsieb ukoll tal-ġenituri tagħhom li jkunu issa qegħdin jixjieħu u li jitgħaxxqu bil-kumpanija tat-tfal tat-tfal.
5 Forsi f’dan il-waqt int qiegħed taħseb: ‘Sewwa, jien inħobbha l-familja tiegħi, imma m’hijiex bħal dik li għadha kif ġiet deskritta. Il-mara u jien naħdmu ħinijiet differenti u bil-kemm naraw lil xulxin. Il-biċċa l-kbira nitkellmu dwar problemi taʼ finanzi.’ Jew tgħid, ‘It-tfal u t-tfal tat-tfal tiegħi jgħixu f’raħal ieħor, u qatt ma jirnexxili narahom’? Iva, għal raġunijiet spiss lil hinn mill-kontroll taʼ dawk involuti, ħafna mill-ħajja tal-familja m’hijiex ideali. Xorta waħda, xi wħud jgħixu ħajjiet henjin fil-familja. Kif? Hemm xi sigriet għall-hena fil-familja? It-tweġiba hija iva. Imma qabel ma nikkunsidraw x’inhu s-sigriet, għandna nwieġbu mistoqsija importanti.
FAMILJA X’INHI?
6. Liema xorta taʼ familji se jiġu diskussi f’dan il-ktieb?
6 F’pajjiżi tal-Punent, il-biċċa l-kbira tal-familji jikkonsistu minn missier, omm, u tfal. In-nanniet għandhom mnejn jgħixu waħedhom fi djarhom stess sakemm ikunu jistgħu. Waqt li jinżamm kuntatt maʼ qraba iktar imbegħdin, dmirijiet lejn dawn huma limitati. Bażikament, din hija l-familja li se niddiskutu f’dan il-ktieb. Madankollu, familji oħrajn saru dejjem iktar komuni f’dawn l-aħħar snin—il-familja b’ġenitur wieħed, il-familja b’ġenituri tar-rispett, u l-familja li l-ġenituri tagħha m’humiex qegħdin jgħixu flimkien għal xi raġuni jew oħra.
7. X’inhi l-familja estiża?
7 F’xi kulturi l-familja estiża hija komuni. F’dan l-arranġament, jekk inhu possibbli, it-tfal bħala rutina jieħdu ħsieb in-nanniet tagħhom, u rabtiet mill-qrib u responsabbiltajiet jestendu lejn qraba li jiġu minnhom mill-bogħod. Per eżempju, membri tal-familja jistgħu jgħinu biex imantnu, irabbu, u saħansitra jħallsu għall-edukazzjoni tan-neputijiet jew qraba iktar imbegħdin tagħhom. Il-prinċipji li se jiġu diskussi f’din il-pubblikazzjoni japplikaw ukoll għal familji estiżi.
IL-FAMILJA TAĦT STRESS
8, 9. Liema problemi f’xi pajjiżi juru li l-familja qiegħda tinbidel?
8 Illum il-familja qiegħda tinbidel—jiddispjaċina ngħidu, mhux għall-aħjar. Eżempju wieħed jidher fl-Indja, fejn mara tistaʼ tgħix mal-familja taʼ żewġha u taħdem fid-dar taħt id-direzzjoni tal-kunjati tagħha. Daż-żmien, iżda, hija ħaġa komuni li nisa miżżewġin Indjani jfittxu l-impjieg ’il barra mid-dar. Madankollu, mid-dehra xorta waħda huma mistennijin li jwettqu l-irwoli tradizzjonali tagħhom fid-dar. Il-mistoqsija mqajma f’ħafna pajjiżi hija, Imqabbla maʼ membri oħrajn tal-familja, mara b’impjieg ’il barra mid-dar kemm xogħol għandha tkun mistennija li tagħmel fid-dar?
9 F’soċjetajiet Orjentali, huwa tradizzjonali li familja estiża jkollha rabtiet b’saħħithom. Madankollu, taħt l-influwenza taʼ individwaliżmu stil tal-Punent u l-istress taʼ problemi ekonomiċi, il-familja estiża tradizzjonali qiegħda tiddgħajjef. Ħafna, għalhekk, iħarsu lejn li jieħdu ħsieb membri tal-familja mdaħħlin fiż-żmien bħala tagħbija minflok bħala dmir jew privileġġ. Xi ġenituri anzjani jsir abbuż fuqhom. Tabilħaqq, f’bosta pajjiżi llum qiegħed jiġri li wħud imdaħħlin fiż-żmien jiġu abbużati u ttraskurati.
10, 11. Liema fatti juru li l-familja qiegħda tinbidel f’pajjiżi Ewropej?
10 Id-divorzju qiegħed isir dejjem iktar komuni. Fi Spanja r-rata taʼ divorzji telgħet għal 1 minn kull 8 żwiġijiet sal-bidu taʼ l-aħħar għaxar snin tas-seklu 20—qabża kbira minn 1 minn kull 100 sewwa sew 25 sena qabel. Il-Britannja, li huwa rrapportat li għandha l-ogħla rata taʼ divorzji fl-Ewropa (4 minn kull 10 żwiġijiet huma mistennijin li jfallu), rat żjieda f’daqqa fin-numru taʼ familji b’ġenitur wieħed.
11 Ħafna fil-Ġermanja donnhom li qegħdin jabbandunaw għalkollox il-familja tradizzjonali. Is-snin 90 raw 35 fil-mija tal-familji Ġermaniżi kollha komposti minn persuna waħda u 31 fil-mija komposti minn żewġ individwi biss. Il-Franċiżi wkoll qegħdin jiżżewġu dejjem inqas, u dawk li fil-fatt jiżżewġu jiddivorzjaw iktar spiss u iktar kmieni milli kien jiġri qabel. Għadd li dejjem jiżdied jippreferu li jgħixu flimkien mingħajr ir-responsabbiltajiet taż-żwieġ. Tendenzi simili jidhru mad-dinja kollha.
12. It-tfal kif isofru minħabba bidliet fil-familja moderna?
12 Xi ngħidu dwar it-tfal? Fl-Istati Uniti u f’ħafna pajjiżi oħrajn, iktar u iktar tfal qegħdin jitwieldu barra miż-żwieġ, xi wħud lil żgħażagħ taʼ bejn it-tlettax u s-sittax-il sena. Ħafna tfajliet adolexxenti għandhom numru taʼ tfal minn missirijiet differenti. Rapporti minn madwar id-dinja jitkellmu dwar miljuni taʼ tfal bla dar jiġġerrew fit-toroq; ħafna qegħdin jaħarbu minn djar li fihom jiġu abbużati jew qegħdin jiġu mkeċċijin ’il barra minn familji li ma jistgħux imantnuhom iktar.
13. Liema problemi mxerrdin maʼ kullimkien iċaħħdu lill-familji mill-hena?
13 Iva, il-familja qiegħda fi kriżi. Minbarra dak li diġà semmejna, l-irvell taż-żgħażagħ, l-abbuż fuq it-tfal, il-vjolenza bejn il-miżżewġin, l-alkoħoliżmu, u problemi devastanti oħrajn iċaħħdu lil ħafna familji mill-hena. Għal numru kbir taʼ tfal u adulti, il-familja ċertament li m’hijiex post taʼ kenn.
14. (a) Skond xi wħud, x’inhuma r-raġunijiet għall-kriżi tal-familja? (b) Avukat taʼ l-ewwel seklu kif iddeskriva d-dinja taʼ llum, u t-twettiq taʼ kliemu x’influwenza kellu fuq il-ħajja tal-familja?
14 Għala l-kriżi tal-familja? Xi wħud jitfgħu l-ħtija tal-kriżi preżenti tal-familja fuq il-fatt li n-nisa ħarġu jaħdmu. Oħrajn jippontaw subgħajhom lejn il-kollass morali taʼ llum. U jissemmew raġunijiet oħrajn. Kważi elfejn sena ilu, avukat magħruf sewwa bassar li ħafna pressjonijiet kellhom jifilġu lill-familja, meta kiteb: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dagħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:1-4) Min se jiddubita li dan il-kliem qiegħed jitwettaq illum? F’dinja b’kundizzjonijiet bħal dawn, hija ħaġa taʼ l-iskantament li ħafna familji huma fi kriżi?
IS-SIGRIET TAʼ L-HENA FIL-FAMILJA
15-17. F’dan il-ktieb, liema awtorità se tkun indikata bħala li għandha s-sigriet taʼ l-hena fil-familja?
15 Pariri fuq kif tinkiseb l-hena fil-familja jiġu minn kullimkien. Fil-Punent, hemm provista li ma tispiċċa qatt taʼ kotba u rivisti li joffru pariri bbażati fuq kif wieħed jgħin lilu nnifsu. Il-problema hija li dawk li jagħtu l-pariri jikkontradixxu lil xulxin, u dak il-parir li huwa moda llum jistaʼ jitqies antikwat għada.
16 Fejn, allura, nistgħu nfittxu għal gwida taʼ min joqgħod fuqha dwar il-familja? Sewwa, se toqgħod int fuq ktieb li tlesta xi 1,900 sena ilu? Jew se tħoss li ktieb bħal dan bil-fors li assolutament m’huwiex aġġornat? Il-verità hija li l-veru sigriet taʼ l-hena fil-familja jinsab sewwa sew f’sors bħal dan.
17 Dak is-sors huwa l-Bibbja. Skond l-evidenza kollha, din kienet imnebbħa minn Alla nnifsu. Fil-Bibbja nsibu l-istqarrija li ġejja: “L-Iskrittura kollha hija mnebbha minn Alla, u tiswa biex wieħed igħallem, iċanfar, iwiddeb [“tiddritta l-affarijiet,” New World Translation] u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) F’din il-pubblikazzjoni se ninkuraġġuk biex tikkunsidra kif il-Bibbja tistaʼ tgħinek ħalli ‘tiddritta l-affarijiet’ meta tkun qiegħed tittratta mal-pressjonijiet u l-problemi li qegħdin jiffaċċjaw lill-familji llum.
18. Għala huwa raġonevoli li naċċettaw il-Bibbja bħala awtorità fl-għoti taʼ pariri fuq iż-żwieġ?
18 Jekk int inklinat li twarrab il-possibiltà li l-Bibbja tistaʼ tgħin biex tagħmel il-familji henjin, ikkunsidra dan: Il-Wieħed li nebbaħ il-Bibbja hu l-Oriġinatur taʼ l-arranġament taż-żwieġ. (Ġenesi 2:18-25) Il-Bibbja tgħid li ismu huwa Jehovah. (Salm 83:19, Karm Żammit [Salm 83:18, NW]) Hu l-Ħallieq u ‘l-Missier li minnu tieħu isimha kull familja.’ (Efesin 3:14, 15) Jehovah ilu josserva l-ħajja tal-familja sa mill-bidu taʼ l-umanità. Hu jafhom il-problemi li jistgħu jqumu u ta pariri biex jissolvew. Matul l-istorja, dawk li applikaw sinċerament il-prinċipji tal-Bibbja fil-ħajja tal-familja tagħhom sabu hena akbar.
19-21. Liema esperjenzi moderni juru l-qawwa tal-Bibbja biex issolvi l-problemi fiż-żwieġ?
19 Per eżempju, mara tad-dar fl-Indoneżja kienet ossessjonata bil-logħob taʼ l-azzard. Għal snin sħaħ ittraskurat lit-tlett itfal tagħha u kienet titlewwem maʼ żewġha regolarment. Imbagħad bdiet tistudja l-Bibbja. Bil-mod il-mod il-mara bdiet temmen dak li qalet il-Bibbja. Meta applikat il-pariri taʼ ġo fiha, saret mara aħjar. L-isforzi tagħha, ibbażati fuq prinċipji tal-Bibbja, ġabu hena lill-familja tagħha kollha kemm hi.
20 Mara tad-dar fi Spanja tgħid: “Konna ilna miżżewġin sena biss meta beda jkollna problemi serji.” Hi u żewġha ma tantx kellhom fiex jaqblu, u ftit kienu jitkellmu ħlief meta kienu jkunu qegħdin jargumentaw. Minkejja li kellhom tifla żgħira, iddeċidew li jiksbu separazzjoni legali. Qabel ma ġara hekk, iżda, ġew inkuraġġiti biex jesploraw il-Bibbja. Huma studjaw il-pariri tagħha għal irġiel u nisa miżżewġin u bdew japplikawhom. F’qasir żmien, setgħu jikkomunikaw paċifikament, u l-familja żgħira tagħhom ingħaqdet b’mod hieni.
21 Il-Bibbja tgħin lil nies ixjeħ ukoll. Per eżempju, ikkunsidra l-esperjenza taʼ ċerta koppja Ġappuniża. Ir-raġel kien jitlagħlu malajr u kien kultant vjolenti. L-ewwel, l-ulied bniet tal-koppja bdew jistudjaw il-Bibbja, minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri tagħhom. Imbagħad, ir-raġel issieħeb m’uliedu bniet, imma l-mara baqgħet toġġezzjona. Matul is-snin, madankollu, hi nnotat l-effett tajjeb tal-prinċipji tal-Bibbja fuq il-familja tagħha. Uliedha bniet ħadu ħsiebha sewwa, u żewġha sar ferm iktar ġwejjed. Bidliet bħal dawn qanqlu lill-mara biex tfittex fil-Bibbja għaliha nfisha, u din kellha l-istess effett tajjeb fuqha. Din is-sinjura anzjana qalet ripetutament: “Sirna koppja miżżewġa taʼ veru.”
22, 23. Il-Bibbja kif tgħin lil nies taʼ kull sfond nazzjonali biex isibu l-hena fil-ħajja tal-familja tagħhom?
22 Dawn l-individwi huma fost il-ħafna li tgħallmu s-sigriet taʼ l-hena fil-familja. Huma aċċettaw il-parir tal-Bibbja u applikawh. Veru, jgħixu fl-istess dinja vjolenti, immorali, ekonomikament magħfusa bħal kull wieħed ieħor. Iktar minn hekk, huma imperfetti, imma jsibu l-hena f’li jipprovaw jagħmlu r-rieda taʼ l-Oriġinatur taʼ l-arranġament tal-familja. Bħalma tgħid il-Bibbja, Alla Jehovah hu l-Wieħed li ‘jgħallmek għall-ġid tiegħek, u jqabbdek it-triq fejn għandek timxi.’—Isaija 48:17.
23 Għalkemm il-Bibbja tlestiet kważi elfejn sena ilu, il-pariri tagħha huma verament aġġornati. Barra minn hekk, kienet miktuba għan-nies kollha. Il-Bibbja m’hijiex xi ktieb Amerikan jew tal-Punent. Jehovah “minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin,” u Hu jaf it-tiswir tal-bnedmin kullimkien. (Atti 17:26) Il-prinċipji tal-Bibbja jaħdmu għal kulħadd. Jekk tapplikahom, int ukoll se tiġi li tkun taf is-sigriet taʼ l-hena fil-familja.