Ktieb Għalik?
“Il-kotba joktru bla heda,” stqarr Salamun xi 3,000 sena ilu. (Koħèlet 12:12) Dik l-osservazzjoni għadha tapplika llum daqs kemm kienet qabel. Barra mill-klassiċi tas-soltu, eluf taʼ kotba ġodda jiġu stampati kull sena. B’daqshekk kotba biex tagħżel minnhom, għala għandek taqra l-Bibbja?
ĦAFNA nies jaqraw il-kotba jew biex jirrikreaw ruħhom jew biex ikunu informati, jew forsi għaż-żewġ raġunijiet. L-istess jistaʼ jingħad għall-qari tal-Bibbja. Din tistaʼ tipprovdi qari inkuraġġanti, u saħansitra divertenti. Imma l-Bibbja hija iktar minn hekk. Hija sors uniku t’għarfien.—Koħèlet 12:9, 10.
Il-Bibbja twieġeb mistoqsijiet li l-bnedmin ilhom żmien jaħsbu dwarhom—mistoqsijiet dwar l-imgħoddi tagħna, il-preżent tagħna, u l-ġejjieni tagħna. Ħafna jistaqsu: Minn fejn ġejna? X’inhu l-iskop tal-ħajja? Kif nistgħu niksbu hena fil-ħajja? Dejjem se jkun hemm il-ħajja fuq l-art? X’hemm maħżun fil-ġejjieni għalina?
Il-forza kollettiva taʼ l-evidenza kollha ppreżentata hawnhekk tistabbilixxi b’mod ċar li l-Bibbja hija preċiża u awtentika. Aħna diġà kkunsidrajna kif il-pariri prattiċi tagħha jistgħu jgħinuna ngħixu ħajjiet bi skop u henjin illum. Ladarba t-tweġibiet tagħha dwar il-preżent huma sodisfaċenti, ċertament li t-tweġibiet tagħha dwar l-imgħoddi u l-profeziji tagħha dwar il-ġejjieni jistħoqqilhom attenzjoni bir-reqqa.
Kif Tikseb L-Aqwa Benefiċċju
Ħafna nies bdew jaqraw il-Bibbja biex imbagħad waqfu meta sabu li partijiet minnha kienu diffiċli biex jifhmuhom. Jekk dik kienet l-esperjenza tiegħek, hemm xi affarijiet li jistgħu jkunu t’għajnuna.
Agħżel traduzzjoni taʼ min jorbot fuqha b’lingwaġġ modern. Xi nies jibdew billi jaqraw ir-rakkonti tal-Vanġeli dwar il-ħajja taʼ Ġesù, li t-tagħlim kollu għerf tiegħu, bħal dak misjub fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, jirrifletti kemm kien konxju bis-sħiħ dwar in-natura umana u jurina kif nistgħu ntejbu l-mod taʼ kif ngħixu ħajjitna.—Ara Mattew kapitli 5 sa 7.
Barra milli taqra l-Bibbja minn tarf sa tarf, metodu taʼ studju skond xi suġġetti partikulari jistaʼ jkun informattiv ġmielu. Dan jinvolvi li wieħed janalizza dak li tgħid il-Bibbja dwar xi suġġett partikulari. Għandek mnejn tissorprendi ruħek meta ssir taf dak li l-Bibbja tgħid fir-realtà dwar suġġetti bħalma huma r-ruħ, is-sema, l-art, il-ħajja, u l-mewt, kif ukoll is-Saltna t’Alla—x’inhi u x’se twettaq.a Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom programm taʼ studju tal-Bibbja bbażat fuq suġġetti partikulari u li huwa pprovdut bla ħlas. Int tistaʼ titkixxef dwar dan billi tikteb lill-pubblikaturi, billi tuża l-indirizz li japplika għalik imniżżel f’paġna 2.
Wara li eżaminaw l-evidenza, ħafna nies ikkonkludew li l-Bibbja ġejja minn Alla, li lilu l-Iskrittura tidentifika bħala “Jaħweh [“Jehovah,” NW].” (Salm 83:19 [83:18, NW]) Għandek mnejn m’intix konvint li l-Bibbja għandha oriġini divina. Imma għala ma teżaminahiex għalik innifsek? Aħna fiduċjużi li wara proċess taʼ tagħlim, meditazzjoni, u forsi li tesperjenza l-valur prattiku taʼ l-għerf bla tarf tagħha għalik innifsek, int se tibda tħoss li l-Bibbja hija tabilħaqq ktieb għan-nies kollha, u iżjed minn hekk—ktieb għalik.
[Nota taʼ taħt]
a Ktieb li għen lil ħafna f’dak li huwa studju tal-Bibbja bbażat fuq suġġetti partikulari huwa l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.