LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 17-26
  • Frar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Frar
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • L-​Erbgħa, 1 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 2 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 3 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 4 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 5 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 6 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 7 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 8 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 9 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 10 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 11 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 12 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 13 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 14 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 15 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 16 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 17 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 18 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 19 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 20 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 21 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 22 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 23 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 24 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 25 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 26 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 27 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 28 taʼ Frar
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 17-26

Frar

L-​Erbgħa, 1 taʼ Frar

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġak. 4:8.

Jekk int Xhud mgħammed taʼ Ġeħova, int għandek xi ħaġa taʼ valur kbir. Int għandek relazzjoni personali maʼ Ġeħova. Imma din ir-​relazzjoni qed tiġi attakkata mid-​dinja taʼ Satana u tistaʼ wkoll tiddgħajjef mill-​imperfezzjonijiet tagħna stess. Huwa għalhekk li lkoll kemm aħna għandna nżommu r-​relazzjoni maʼ Ġeħova b’saħħitha kemm jistaʼ jkun. Ġeħova hu reali għalik? Tħoss li hu l-​Ħabib tiegħek? Tixtieq li r-​relazzjoni li għandek miegħu tkun saħansitra iktar b’saħħitha? Ġakbu 4:8, l-​iskrittura tal-​lum, tgħid kif dan jistaʼ jsir. Ir-​relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova tinvolvi kemm lilek u kemm lil Ġeħova. Jekk int tagħmel passi biex tersaq qrib lejn Ġeħova, hu se jagħmel passi biex jersaq qrib lejk. Iktar kemm tagħmel dan, iktar ikun reali għalik u jkollok relazzjoni iktar mill-​qrib miegħu, tant li mbagħad tħossok bħal Ġesù meta qal: “Dak li bagħatni jeżisti tassew” u “jien nafu.”—Ġw. 7:28, 29. w15 4/15 3:1, 2

Il-​Ħamis, 2 taʼ Frar

“Issaportu fit-​tribulazzjoni. Ipperseveraw fit-​talb.”—Rum. 12:12.

Forsi xi ħadd minn tal-​familja ġie maqtugħ mis-​sħubija. Int taf x’tgħid il-​Bibbja dwar kif għandek tittratta wħud li jiġu maqtugħin mis-​sħubija. (1 Kor. 5:11; 2 Ġw. 10) Imma peress li int tħobb lil dan l-​individwu, forsi tħoss li hu diffiċli ħafna jew saħansitra impossibbli li tobdi l-​kmand tal-​Bibbja. Għandek int fiduċja li Missierek tas-​sema se jagħtik is-​saħħa biex tobdih b’lealtà? Se tqis din is-​sitwazzjoni bħala opportunità biex tersaq eqreb lejn Ġeħova? Id-​deċiżjoni t’Adam tgħallimna li għandna nħobbu lil Ġeħova iktar milli nħobbu lil ħaddieħor. (Mt. 22:37, 38) U meta l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tkun daqstant b’saħħitha, inkunu nistgħu ngħinu l-​qraba tagħna bl-​aħjar mod, kemm jekk qed jaqdu lil Ġeħova u kemm jekk le. Jekk int inkwetat dwar membru tal-​familja li ġie maqtugħ mis-​sħubija, itlob lil Ġeħova u għidlu kulma qed tħoss.—Flp. 4:6, 7. w15 4/15 4:14, 16

Il-​Ġimgħa, 3 taʼ Frar

“Aħna kburin bikom fost il-​kongregazzjonijiet t’Alla minħabba s-​sabar u l-​fidi tagħkom.”—2 Tess. 1:4.

Li nħossuna kburin bix-​xogħol taʼ ħaddieħor u saħansitra xi ftit kburin bix-​xogħol tagħna, jistaʼ jkun taʼ ġid għalina. M’għandniex għalfejn nistħu minħabba l-​familja tagħna, il-​kultura tagħna, jew il-​post fejn trabbejna. (Atti 21:39) Madankollu, hemm ċerta kburija li tistaʼ ġġib fix-​xejn ir-​relazzjonijiet, speċjalment il-​ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Din it-​tip taʼ kburija tistaʼ ġġegħelna nieħdu għalina meta ningħataw parir. Tistaʼ saħansitra ġġegħelna nwarrbu l-​parir minflok naċċettawh b’umiltà. (Salm 141:5) Din it-​tip taʼ kburija hi deskritta bħal meta wieħed jaħseb wisq fih innifsu jew bħal “meta n-​nies ikunu kburin għax jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor u spiss jagħmlu dan mingħajr ġustifikazzjoni.” Ġeħova jobgħod kburija li hi arroganti. (Eżek. 33:28; Għam. 6:8) Imma Satana jieħu pjaċir meta n-​nies jimitaw l-​arroganza tiegħu billi jiftaħru bihom infushom. Immaġina kemm Satana feraħ meta Nimrod, il-​Fargħun, u Absalom urew kburija mhix xierqa meta bdew jiftaħru!—Ġen. 10:8, 9; Eżo. 5:1, 2; 2 Sam. 15:4-​6. w15 5/15 2:5, 6

Is-​Sibt, 4 taʼ Frar

“Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.”—Salm 145:16.

Meta kien fuq l-​art, Ġesù imita b’mod perfett lil Missieru u spiss ħa ħsieb il-​bżonnijiet t’oħrajn.(1 Kor. 1:24) M’għamilx dan sempliċement biex juri li kellu l-​qawwa. Ġesù verament kien jimpurtah min-​nies. Ikkunsidra Mattew 14:14-​21. Folla kienet imxiet wara Ġesù mill-​bliet. (Mt. 14:13) Xħin sar filgħaxija, id-​dixxipli kienu inkwetati għax in-​nies kienu spiċċaw għajjenin għall-​aħħar u bil-​ġuħ. Għalhekk, talbu lil Ġesù biex jibgħat il-​folla ħalli tmur tixtri x’tiekol. X’kien se jagħmel Ġesù? B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, Ġesù tema’ lil xi 5,000 raġel, kif ukoll nisa u tfal. Ġesù bilfors li pprovda ħafna ikel, għax in-​nies ‘kielu u xebgħu.’ L-​ikel li kielu kien se jagħtihom is-​saħħa li kellhom bżonn ħalli jivvjaġġaw it-​triq twila lura d-​dar. (Lq. 9:10-​17) U, wara li kulħadd kien xeba’, id-​dixxipli saħansitra mlew 12-​il qoffa b’dak li kien fadal! w15 6/15 1:8, 9

Il-​Ħadd, 5 taʼ Frar

“Il-​viltà hi glorifikata fost ulied il-​bnedmin.”—Salm 12:8.

Ġeħova jistaʼ jgħinna ngħixu b’tali mod li nogħġbuh. Nistgħu nkunu safjin, jew nodfa, f’dinja li hi immorali għall-​aħħar. Sabiex nogħġbu lil Ġeħova, irridu niċħdu dak kollu li jobgħod. Imma peress li aħna imperfetti, jistaʼ jkun li l-​immoralità tiġbidna lejha, bħalma lixka tattira lil ħuta. Jekk jibda jkollna ħsibijiet immorali, mill-​ewwel irridu niċħduhom. Jekk ma nagħmlux hekk, ix-​xewqa immorali tant se ssir b’saħħitha li meta jkollna l-​opportunità li nidinbu, hekk għandna mnejn nagħmlu. Dan hu eżattament fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja: “Meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub.” (Ġak. 1:14, 15) Xewqa ħażina tistaʼ tikber ġo qalbna. Hu għalhekk li rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn dwar dak li nibdew nixxennqu għalih. Jekk niċħdu x-​xewqat ħżiena, se nevitaw l-​immoralità sesswali u r-​riżultati ħżiena li ġġib magħha.—Gal. 5:16. w15 6/15 3:1-​3

It-​Tnejn, 6 taʼ Frar

Ħa jkun li trid int fuq l-​art.—Mt. 6:10.

Madwar 6,000 sena ilu, kienet qed issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art. Huwa għalhekk li Ġeħova qal li kollox “kien tajjeb ħafna.” (Ġen. 1:31) Imbagħad Satana rribella, u minn dak iż-​żmien ’il hawn, il-​maġġorparti tan-​nies m’għamlux ir-​rieda t’Alla. Imma llum hemm madwar tmien miljun ruħ li qed jaqdu lil Ġeħova. Huma mhux biss qed jitolbu biex issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art, imma wkoll qed jagħmlu ħilithom biex jgħixu fi qbil maʼ dik it-​talba. Huma jgħixu b’tali mod li jogħġob ’l Alla u b’żelu jgħallmu ’l oħrajn dwar is-​Saltna tiegħu. Sakemm Ġeħova jneħħi l-​għedewwa tiegħu mill-​art, aħna se nibqgħu nitolbu biex ir-​rieda tiegħu sseħħ. Imbagħad l-​art se ssir ġenna, u biljuni taʼ nies se jirxoxtaw. (Ġw. 5:28, 29) Immaġina kemm se nkunu ferħanin meta nilqgħu lura l-​maħbubin tagħna! w15 6/15 4:15, 17

It-​Tlieta, 7 taʼ Frar

“Se nigglorifika l-​post taʼ saqajja.”—Is. 60:13.

Spiss nitkellmu dwar il-​ġenna spiritwali, imma x’inhi eżattament? Hi atmosfera, jew, kundizzjoni speċjali taʼ paċi li Alla jagħti lin-​nies tiegħu. Allura l-​ġenna spiritwali u t-​tempju spiritwali mhumiex l-​istess ħaġa. It-​tempju spiritwali hu l-​arranġament t’Alla għall-​qima vera. Il-​ġenna spiritwali tidentifika b’mod ċar lil dawk li huma approvati minn Alla u li jqimuh fit-​tempju spiritwali tiegħu. (Mal. 3:18) Kemm hu eċċitanti li nkunu nafu li sa mill-​1919, Ġeħova ħalla lil bnedmin imperfetti jikkultivaw, isaħħu, u jkabbru l-​ġenna spiritwali. Qed tgħin int f’dan ix-​xogħol mill-​isbaħ? Tapprezza l-​privileġġ li taħdem maʼ Ġeħova biex tigglorifikah fuq l-​art? w15 7/15 1:10, 11

L-​Erbgħa, 8 taʼ Frar

Se nqaddes lili nnifsi permezz tiegħek quddiem għajnejhom, O Gog.—Eżek. 38:16.

Gog se jattakka lin-​nies t’Alla waqt li l-​fdal tal-​midlukin ikunu għadhom hawn fuq l-​art. In-​nies t’Alla kif se jirreaġixxu? Se jobdu dawn l-​istruzzjonijiet: “Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu din id-​darba. Ħudu postkom, tiċċaqalqux u araw is-​salvazzjoni minn Ġeħova għan-​nom tagħkom. . . . Tibżgħux u titwerwrux.” (2 Kron. 20:17) Xi żmien wara li jibda l-​attakk taʼ Gog, dawk kollha mill-​midlukin li jkun għad hawn fuq l-​art se jittieħdu fis-​sema. Imbagħad Rivelazzjoni 17:14 jgħidilna dwar ir-​reazzjoni fis-​sema għall-​attakk taʼ Gog. L-​għedewwa tan-​nies t’Alla se “jitqabdu mal-​Ħaruf, imma, peress li hu Sid tas-​sidien u Sultan tas-​slaten, il-​Ħaruf jirbħilhom. Anki dawk li huma msejħin u magħżulin u leali miegħu jirbħulhom.” B’hekk, Ġesù, flimkien mal-​144,000 sultan midluk fis-​sema, se jeħles lin-​nies t’Alla hawn fuq l-​art. w15 7/15 2:16

Il-​Ħamis, 9 taʼ Frar

“Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—Ekk. 3:1.

Ġeħova hu dak li qed jistidinna għal-​laqgħat, u hu jagħti kas taʼ kif nidhru u nġibu ruħna meta nkunu hemm. Allura nevitaw l-​estremitajiet. Ġeħova jrid lilna u n-​nies li nistiednu biex ilkoll inkunu komdi fis-​Sala tas-​Saltna. Imma bl-​ebda mod ma rridu nuru diżrispett għal-​laqgħat. Huwa għalhekk li ma nilbsux ħwejjeġ b’mod żmattat jew każwali żżejjed, u noqogħdu attenti li ma nibagħtux messaġġi, ma nitkellmux, jew ma niklux u nixorbu waqt il-​laqgħat. U l-​ġenituri għandhom jgħallmu ’l uliedhom biex ma joqogħdux jiġru jew jilagħbu fis-​Sala tas-​Saltna. Meta Ġesù ra nies ibigħu affarijiet fit-​tempju t’Alla, irrabja u keċċiehom ’il barra. (Ġw. 2:13-​17) Fis-​Swali tas-​Saltna tagħna, aħna nqimu lil Ġeħova u nitgħallmu dwaru. Allura ma jkunx sew li nieħdu ħsieb affarijiet taʼ negozju waqt li nkunu hemm.—Qabbel Neħemija 13:7, 8. w15 7/15 4:7, 8

Il-​Ġimgħa, 10 taʼ Frar

“Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—2 Tim. 3:1.

Il-​Bibbja tgħid li l-​bnedmin se jsiru iktar u iktar mill-​agħar “fl-​aħħar jiem.” (2 Tim. 3:13; Mt. 24:21; Riv. 12:12) Għalhekk, għalkemm l-​affarijiet huma gravi issa, nafu li se jmorru mit-​taġen għal ġon-​nar. Xi wħud forsi jaħsbu li qabel “it-​tribulazzjoni l-​kbira” se jkun hawn gwerra f’kull pajjiż u li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies se jkunu morda jew mhux se jkollhom x’jieklu. (Riv. 7:14) Imma li kieku kellu jiġri dan, kien ikun ovvju għal kulħadd li qed titwettaq il-​profezija tal-​Bibbja. Kien ikun ċar daqs il-​kristall anke għal nies li mhumiex interessati f’dak li tgħid il-​Bibbja. Ftakar li Ġesù qal li fl-​aħħar jiem, il-​maġġoranza tan-​nies ma kinux se ‘jagħtu kas.’ Kienu se jkunu għaddejjin bil-​ħajja taʼ kuljum u kienu se jiskantaw meta jiġi l-​jum taʼ Ġeħova. (Mt. 24:37-​39) Jidher ċar li m’għandniex nistennew li l-​kundizzjonijiet tad-​dinja se jsiru tant ħżiena qabel “it-​tribulazzjoni l-​kbira” li n-​nies bilfors se jkollhom jemmnu li t-​tmiem hu qrib.—Lq. 17:20; 2 Pt. 3:3, 4. w15 8/15 2:6, 7

Is-​Sibt, 11 taʼ Frar

“Il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hija aħjar mill-​ħajja.”—Salm 63:3.

Meta nużaw il-​ħin tagħna biex nippreparaw għad-​dinja l-​ġdida t’Alla, inkunu aħna qed nitilfu milli jkollna ħajja tajba issa? Lanqas xejn! Li naqdu lil Ġeħova hu l-​aqwa mod taʼ ħajja. Aħna ma naqduhx għax xi ħadd iġegħelna jew sempliċement biex ngħaddu ħajjin mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Meta jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, il-​ħajja tagħna tkun aħjar u nkunu iktar ferħanin. Hekk ħalaqna biex ngħixu. Il-​fatt li jkollna l-​imħabba t’Alla u li nirċievu d-​direzzjoni tiegħu f’ħajjitna hu ħafna aħjar minn kwalunkwe ħaġ’oħra. (Salm 63:1, 2) Ilkoll kemm aħna nistgħu nħossu l-​ferħ li jiġi milli nqimu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Xi wħud li qdewh għal ħafna snin jistgħu b’wiċċhom minn quddiem jgħidu li din hi l-​aqwa mod taʼ ħajja.—Salm 1:1-​3; Is. 58:13, 14. w15 8/15 3:16

Il-​Ħadd, 12 taʼ Frar

“Ġejtu salvati permezz tal-​fidi.”—Efes. 2:8.

Il-​fidi tistaʼ tgħin lilna nagħmlu dak li jidher li hu impossibbli. (Mt. 21:21, 22) Xi wħud minna tant biddlu l-​attitudni u l-​imġiba tagħhom li nies li kienu jafuhom qabel lanqas għadhom jagħrfuhom. Għamlu dawn il-​bidliet għax iħobbu lil Ġeħova u għax hu għenhom biex jagħmlu dawn il-​bidliet. (Kol. 3:5-​10) Il-​fidi qanqlitna niddedikaw ruħna lil Ġeħova, u sirna l-​ħbieb tiegħu, xi ħaġa li ma stajniex nagħmlu mingħajr l-​għajnuna tiegħu. Il-​fidi tagħna tkompli ssaħħaħna. Pereżempju, tgħinna niġġieldu kontra l-​attakki tax-​Xitan, l-​għadu setgħan tagħna. (Efes. 6:16) Ukoll, peress li nafdaw f’Ġeħova, m’għandniex għalfejn ninkwetaw daqstant meta ngħaddu minn problemi. Ġeħova wegħedna li se jagħtina dak li għandna bżonn jekk aħna nafdaw fih u npoġġu s-​Saltna tiegħu l-​ewwel f’ħajjitna. (Mt. 6:30-​34) U iktar minn hekk, minħabba l-​fidi tagħna, Ġeħova se jagħtina r-​rigal mill-​isbaħ taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16. w15 9/15 3:4, 5

It-​Tnejn, 13 taʼ Frar

Aħna nħobbu, għax Alla ħabbna l-​ewwel.—1 Ġw. 4:19.

Ġeħova b’liema mod wera li “ħabbna l-​ewwel”? Il-​Bibbja tgħid: “Waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) L-​imħabba hi l-​kwalità prinċipali taʼ Ġeħova. Allura nistgħu nifhmu għala Ġesù qal li l-​iktar kmandament importanti hu dan: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Mk. 12:30) Ġeħova jridna nħobbuh ‘b’qalbna kollha.’ Inkunu qed inweġġgħu lil Ġeħova jekk inħobbu lil xi ħadd jew xi ħaġa iktar milli nħobbu lilu. Imma mħabbitna għalih għandha tkun iktar minn sempliċi emozzjoni, jew xi ħaġa li nħossu. Ġeħova wkoll jistenna li nħobbuh ‘b’moħħna kollu’ u ‘b’saħħitna kollha.’ Dan ifisser li l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tinvolvi l-​mod kif naħsbu u dak li nagħmlu.—Mik. 6:8. w15 9/15 5:1-​3

It-​Tlieta, 14 taʼ Frar

“B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.”—Ġob 42:5.

Kultant, għandu mnejn ma narawx l-​id t’Alla f’ħajjitna. Għala? Meta jkollna ħafna problemi, forsi ninsew li Ġeħova diġà għenna ħafna drabi. Hekk ġralu Elija. Kien kuraġġuż, imma meta r-​Reġina Ġeżabel riedet toqtlu, kien imbeżżaʼ. Għal mument, hu nesa kif Ġeħova kien diġà għenu qabel. Il-​Bibbja tgħid li Elija ried imut. (1 Slat. 19:1-​4) Fejn setaʼ jsib l-​għajnuna u l-​kuraġġ? Kellu bżonn jittama f’Ġeħova! (1 Slat. 19:14-​18) Anke Ġob, tant kien iffokat fuq il-​problemi tiegħu li ma rax is-​sitwazzjoni mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. (Ġob 42:3-​6) Kultant, aħna għandu mnejn insibuha diffiċli biex naraw lil Alla minħabba l-​problemi tagħna. X’jistaʼ jgħinna naraw dak li Alla jagħmel għalina? Għandna nimmeditaw fuq dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​problemi tagħna. Imbagħad, Ġeħova se jkun iktar reali għalina. w15 10/15 1:15, 16

L-​Erbgħa, 15 taʼ Frar

“Raġel, min ħatarni mħallef fuqkom jew qabbadni naqsmilkom ġidkom bejnietkom?”—Lq. 12:14.

Ġesù ma ħalla xejn jaljenah mill-​ippritkar. Pereżempju, ftit wara li beda jipprietka, il-​folol f’Kafarnahum riedu li Ġesù jqattaʼ iktar żmien fil-​belt. X’għamel? Hu baqaʼ ffokat fuq l-​inkarigu tiegħu. Hu qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:42-​44) Ġesù mexa ħafna u ħafna biex jipprietka l-​aħbar tajba u jgħallem lil kemm jistaʼ jkun nies. Hu kien raġel perfett, imma xorta kien jegħja u kellu bżonn jistrieħ għax kien jaħdem iebes ħafna. (Lq. 8:23; Ġw. 4:6) Iktar tard, meta Ġesù kien qed jgħallem lid-​dixxipli tiegħu lezzjoni importanti, raġel qatagħlu kliemu billi qal: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-​wirt miegħi.” Ġesù ma pprovax isolvi l-​problema personali taʼ dan ir-​raġel.—Lq. 12:13-​15. w15 10/15 3:10, 11

Il-​Ħamis, 16 taʼ Frar

“Alla hu mħabba.”—1 Ġw. 4:8.

Dak kollu li Alla jagħmel hu mqanqal minn imħabbtu. Kemm aħna grati li l-​imħabba mmotivat lil Ġeħova biex joħloq l-​univers kollu u l-​affarijiet ħajjin kollha! Ġeħova għandu sentimenti teneri u taʼ qalb tajba għall-​ħolqien tiegħu. L-​imħabba tiegħu għalina taċċertana li l-​iskop tiegħu għall-​umanità se jseħħ żgur bl-​aħjar mod possibbli. Ir-​riżultat se jkun ferħ veru għal dawk li jobduh. Pereżempju, minħabba l-​imħabba, Ġeħova “stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar,” Ġesù Kristu. (Atti 17:31) Aħna ċerti li dan il-​ġudizzju se jseħħ. Għan-​nies ubbidjenti, dan se jfisser futur mill-​isbaħ li se jibqaʼ għal dejjem. w15 11/15 3:1, 2

Il-​Ġimgħa, 17 taʼ Frar

“Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ.”—Kol. 4:6.

In-​nies jirreaġixxu b’ħafna modi differenti għall-​ippritkar tagħna. Xi wħud jagħtuna widen, filwaqt li oħrajn jobogħdu l-​messaġġ tagħna. Ġeħova kif jistenna li nħossuna lejn dawk li ma jqimuhx? Jirreaġixxu kif jirreaġixxu għall-​messaġġ tagħna, aħna nsegwu l-​parir li nsibu fil-​Bibbja. Kull meta niddefendu t-​twemmin tagħna, irridu nagħmlu dan “bil-​ħlewwa u b’rispett profond” għax inħobbu lill-​proxxmu. (1 Pt. 3:15) Anki meta n-​nies jirrabjaw u jiċħdu l-​messaġġ tagħna, aħna nuru mħabba għall-​proxxmu u nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta Ġesù “kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx.” Minflok, Ġesù fada f’Ġeħova. (1 Pt. 2:23) Għalhekk, dejjem għandna nuru l-​umiltà u napplikaw il-​parir: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-​kuntrarju, bierku.”—1 Pt. 3:8, 9. w15 11/15 4:17, 18

Is-​Sibt, 18 taʼ Frar

Ġibuhom f’sensihom biex iħobbu lil uliedhom.—Titu 2:4.

Ġesù spiss qal lid-​dixxipli tiegħu li kien iħobbhom. (Ġw. 15:9) Barra minn hekk, qattaʼ ħafna ħin magħhom. (Mk. 6:31, 32; Ġw. 2:2; 21:12, 13) Bl-​istess mod, għid lil uliedek li tħobbhom, u urihom kemm huma importanti għalik. (Mt. 3:17) Samuel, li jgħix l-​Awstralja, jgħid: “Meta kont għadni żgħir, missieri kien joqgħod jaqrali Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja kull filgħaxija. Kien iwiġibli l-​mistoqsijiet, jgħannaqni, u jbusni qabel norqod. Kemm kont sorpriż meta iktar tard skoprejt li missieri ma trabbiex f’familja li kienu joqogħdu jgħannqu u jbusu lil xulxin! Madankollu, għamel sforz kbir biex jesprimi l-​imħabba tiegħu lejja. B’hekk, żviluppajt rabta soda miegħu, u ħassejtni kuntent u fis-​sigurtà.” Għin lil uliedek iħossuhom b’dan il-​mod billi spiss tgħidilhom “Inħobbok.” Għannaqhom u bushom. Qattaʼ l-​ħin titkellem magħhom, tiekol magħhom, u tilgħab magħhom. w15 11/15 1:3, 4

Il-​Ħadd, 19 taʼ Frar

“Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq?”—Mt. 24:45.

Fl-​1919, grupp żgħir taʼ studenti tal-​Bibbja ġew maħturin bħala “l-​ilsir leali u għaqli.” Dak iż-​żmien, l-​ilsir leali l-​iktar li kkomunika man-​nies t’Alla kien bl-​Ingliż. Imma llum, il-​letteratura Biblika hi provduta f’iktar minn 700 lingwa. B’mod ċar, in-​nies t’Alla wkoll kellhom bżonn traduzzjoni tal-​Bibbja li kienet eżatta u faċli biex tinftiehem. Allura, ġie fformat il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida, u l-​aħwa f’dan il-​kumitat ippubblikaw partijiet mill-​Bibbja bl-​Ingliż mill-​1950 sal-​1960. L-​ewwel mis-​sitt volumi ġie ppubblikat f’konvenzjoni fit-​2 t’Awwissu 1950. F’dik il-​konvenzjoni, Ħuna Knorr kellu x-​xewqa li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tgħin lil miljuni taʼ nies isiru jafu lil Ġeħova. w15 12/15 1:15, 17

It-​Tnejn, 20 taʼ Frar

“Il-​kongregatur ipprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb kliem korrett u veru.”—Ekk. 12:10.

X’jistaʼ jgħinna nkunu nafu x’għandna ngħidu? Nistgħu nfittxu fil-​Bibbja u fil-​pubblikazzjonijiet tagħna biex insibu modi ġodda kif nesprimu ruħna. Nistgħu nitgħallmu xi jfissru ċerti espressjonijiet li ma nifhmux. Nistgħu wkoll nistudjaw l-​eżempju taʼ Ġesù biex nitgħallmu kif nitkellmu b’tali mod li jgħin lil oħrajn. Hu kien jaf eżatt x’għandu jgħid għax Ġeħova għallmu ‘kif iwieġeb lill-​għajjien b’kelma’ f’waqtha. (Is. 50:4) Ukoll, huwa importanti li naħsbu dwar kif dak li ngħidu se jeffettwa lil ħaddieħor. (Ġak. 1:19) Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Jekk ngħid dil-​ħaġa, il-​persuna se tifhem x’qed nipprova ngħidilha? Kif se tħossha?’ w15 12/15 3:12

It-​Tlieta, 21 taʼ Frar

Qorbot il-​ħerba taʼ Ġerusalemm.—Lq. 21:20.

F’ħames snin biss, il-​Kristjani fil-​Lhudija, u speċjalment dawk li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm, kellhom jaġixxu minnufih. Għala? Iktar kmieni, Ġesù kien qal lis-​segwaċi tiegħu li hekk kif jaraw lil Ġerusalemm imdawra bis-​suldati, kien se jkollhom bżonn jaħarbu. (Lq. 21:20-​24) Kienu għaddew 28 sena minn mindu Ġesù ta din it-​twissija lis-​segwaċi tiegħu. Matul dak iż-​żmien, il-​Kristjani fl-​Iżrael baqgħu leali minkejja li kellhom ħafna persekuzzjoni u għaddew minn ħafna provi. (Ebr. 10:32-​34) Imma Pawlu ried jippreparahom għal dak li kien se jiġri fil-​futur. Dalwaqt kienu se jesperjenzaw waħda mill-​akbar provi tal-​fidi tagħhom. (Mt. 24:20, 21; Ebr. 12:4) Kien se jkollhom bżonn jissaportu u jafdaw iktar minn qatt qabel biex jobdu l-​kliem taʼ Ġesù taʼ li jaħarbu. Ħajjithom kienet se tiddependi minn kemm kellhom fidi. (Ebr. 10:36-​39) B’hekk, Ġeħova nebbaħ lil Pawlu biex jikteb lil dawn l-​aħwa għeżież. Din l-​ittra, li llum tiġi msejħa l-​ktieb tal-​Ebrej, inkitbet bl-​iskop li ssaħħaħhom għal dak li kien se jiġri. w16.01 1:1, 2

L-​Erbgħa, 22 taʼ Frar

“Maħbubin, jekk Alla ħabbna b’dan il-​mod, mela aħna għandna l-​obbligu li nħobbu lil xulxin.”—1 Ġw. 4:11.

Jekk irridu li nkunu maħbubin minn Alla, għandna nagħrfu li hu obbligu tagħna li nħobbu lil ħutna. (1 Ġw. 3:16) Kif nistgħu nuru li nħobbuhom? L-​eżempju taʼ Ġesù jurina kif nistgħu nħobbu lil oħrajn. Meta kien fuq l-​art, hu għen lin-​nies, speċjalment lil dawk umli. Hu fejjaq lil morda, zopop, għomja, muti, u lil dawk neqsin mis-​smigħ. (Mt. 11:4, 5) Għall-​kuntrarju tal-​mexxejja reliġjużi, Ġesù ħa pjaċir jgħallem nies li riedu jitgħallmu dwar Alla. (Ġw. 7:49) Hu ħabb lil dawn in-​nies umli u ħadem iebes biex jgħinhom. (Mt. 20:28) Tistaʼ tgħin lil aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni tiegħek? Speċjalment dawk akbar fl-​età? Ħalli l-​imħabba t’Alla tqanqlek turi mħabba għal ħutek! w16.01 2:12-​14

Il-​Ħamis, 23 taʼ Frar

Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-​maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.—Ġw. 10:16.

In-​nagħaġ l-​oħra għandhom għalfejn ikunu jafu l-​ismijiet tal-​midlukin kollha li għad hawn fuq l-​art illum? Le! Għala le? Għax mhuwiex possibbli għalina biex inkunu nafu fiċ-​ċert li dawn se jieħdu l-​premju tagħhom. Għalkemm Alla stidinhom biex imorru fis-​sema, dawn se jirċievu l-​premju tagħhom biss jekk jibqgħu leali. Satana jafu dan, u juża “profeti foloz” biex jipprova ‘jqarraq’ bihom. (Mt. 24:24) Il-​Kristjani midlukin ma jistgħux ikunu ċerti li se jirċievu l-​premju tagħhom sakemm Ġeħova jagħmilhielhom ċara li ġġudikahom bħala li huma leali. Ġeħova jagħti din l-​aħħar approvazzjoni, jew l-​aħħar immarkar bis-​siġill, qabel ma jmutu jew inkella eżatt qabel il-​bidu tat-​“tribulazzjoni l-​kbira.”—Riv. 2:10; 7:3, 14. w16.01 4:2, 3

Il-​Ġimgħa, 24 taʼ Frar

Kelmti żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.—Is. 55:11.

L-​ippritkar kif inhu marbut mal-​iskop taʼ Ġeħova għall-​bnedmin? L-​iskop t’Alla kien li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem, u l-​iskop tiegħu ma nbidilx meta dineb Adam. Alla għamel arranġament għalina biex ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt. Kif? Ġesù ġie fuq l-​art u ssagrifika ħajtu. Imma biex jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju tiegħu, il-​bnedmin kellhom bżonn jobdu lil Alla. Għalhekk, Ġesù għallem lin-​nies dak li jistenna minnhom Alla, u kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-​istess xogħol. Meta nippritkaw u ngħinu lil oħrajn isiru l-​ħbieb t’Alla llum, inkunu qed naħdmu direttament m’Alla fl-​arranġament kollu mħabba tiegħu biex isalva n-​nies mid-​dnub u l-​mewt. Dan ukoll juri li qed nuru li nħobbu lilhom u lil Ġeħova. Hu “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Tim. 2:4. w16.01 5:15, 16

Is-​Sibt, 25 taʼ Frar

Aħaż ħaraq lil uliedu fin-​nar.—2 Kron. 28:3.

L-​eżempju ħażin t’Aħaż setaʼ ġiegħel lil ibnu Ħeżekija jirrabja kontra Ġeħova jew isir mill-​agħar bħal missieru. Illum, xi wħud li kellhom jissaportu ħafna inqas milli esperjenza Ħeżekija jħossu li għandhom raġuni tajba biex ‘jagħdbu kontra Ġeħova’ jew jiħduha kontra l-​organizzazzjoni tiegħu. (Prov. 19:3) Oħrajn iħossu li l-​isfond ħażin tal-​familja tagħhom jistaʼ jġegħelhom ikollhom ħajja ħażina jew jirripetu l-​iżbalji tal-​ġenituri tagħhom. (Eżek. 18:2, 3) Imma dawn l-​ideat huma minnhom? Il-​ħajja taʼ Ħeżekija turi biċ-​ċar li t-​tweġiba taʼ dik il-​mistoqsija hija le! Qatt m’hemm raġuni tajba biex nirrabjaw maʼ Ġeħova. Mhuwiex it-​tort tiegħu li jiġru affarijiet ħżiena lin-​nies. (Ġob 34:10) Veru li l-​ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. (Prov. 22:6; Kol. 3:21) Imma dan ma jfissirx li t-​trobbija tagħna se tiddetermina x’tip taʼ persuna se nkunu. Għala? Għax Ġeħova tana r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, jiġifieri li nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin.—Dt. 30:19. w16.02 2:8-​10

Il-​Ħadd, 26 taʼ Frar

“Nies tiranni li qed jipprovaw jiħduli ħajti.”—Salm 54:3.

Abner għen lil Sawl, li ried joqtol lil David, għalkemm kien jaf li Alla ried li jkun David is-​sultan li jmiss tal-​Iżrael. (1 Sam. 26:1-​5) Imma wara li miet Sawl, Abner ma appoġġax lil David. Anzi, ipprova jagħmel lil bin Sawl, Is-​boset, sultan. Iktar tard, għandu mnejn li Abner ried ikun sultan hu nnifsu, u forsi għalhekk li kellu relazzjoni sesswali maʼ waħda min-​nisa tas-​Sultan Sawl. (2 Sam. 2:8-​10; 3:6-​11) Ġonatan u Abner għala kienu jħossuhom tant differenti dwar David? Minħabba li Ġonatan kien leali lejn Ġeħova u umli, imma Abner ma kienx. B’mod simili, Absalom, l-​iben tas-​Sultan David, ma kienx leali lejn Alla għax ma kienx umli. Ried isir sultan, u allura talab għal “karru biż-​żwiemel u b’ħamsin raġel jiġru quddiemu.” (2 Sam. 15:1) Barra minn hekk, ikkonvinċa lil ħafna Iżraelin biex ikunu leali lejh. Hu saħansitra pprova joqtol lil missieru, għalkemm kien jaf li Ġeħova kien għamel lil David sultan fuq l-​Iżrael. (2 Sam. 15:13, 14; 17:1-​4) Meta individwu ma jkunx umli u jkun irid iktar awtorità, ikun diffiċli għalih li jibqaʼ leali lejn Alla. Ovvjament, aħna nħobbu lil Ġeħova, u ma rridux inkunu egoisti u mill-​agħar bħal Abner u Absalom. w16.02 4:9-​11

It-​Tnejn, 27 taʼ Frar

“Il-​fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.”—Ġak. 2:17.

Jekk għandek twemmin sod, se turi dan bl-​azzjonijiet tiegħek. Iż-​żgħażagħ ukoll għandhom juru “atti taʼ kondotta qaddisa.” (2 Pt. 3:11) Biex tagħmel dan, għandek tkun nadif moralment. Pereżempju, aħseb dwar l-​aħħar sitt xhur. Meta ġejt imħajjar tagħmel xi ħaġa ħażina, ħsibt bis-​serjetà dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? (Ebr. 5:14) Tiftakar drabi speċifiċi meta ma ċedejtx għat-​tentazzjoni jew għall-​pressjoni minn dawk tamparek? Fl-​iskola, int tkun taʼ eżempju tajjeb għal ħaddieħor? Tibqaʼ leali int lejn Ġeħova, jew tipprova tkun bħal sħabek tal-​klassi ħalli ma jaqbdux miegħek? (1 Pt. 4:3, 4) Ovvjament, ħadd mhu perfett. Kultant, anki dawk li qdew lil Ġeħova għal ħafna snin forsi jħossuhom jistħu u jsibuha bi tqila biex jagħtu xhieda lil oħrajn. Imma xi ħadd li hu ddedikat lil Alla se jkun kburi li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u juri dan bil-​kondotta nadifa tiegħu. w16.03 2:10, 11

It-​Tlieta, 28 taʼ Frar

“Din hi t-​triq. Imxu fiha.”—Is. 30:21.

Mill-​bidu tal-​istorja tal-​bniedem, Ġeħova ta lin-​nies istruzzjonijiet jew direzzjonijiet speċifiċi. Pereżempju, fil-​ġnien tal-​Għeden, Ġeħova ta istruzzjonijiet ċari li kienu se jiggwidaw lill-​familja umana biex ikollhom ħajja taʼ dejjem u ferħ. (Ġen. 2:15-​17) Imma Adam u Eva rrifjutaw il-​gwida taʼ Missierhom kollu mħabba. Eva semgħet mill-​parir li kien jidher li ġej minn serp, u mbagħad Adam sema’ minn martu. X’kien ir-​riżultat? It-​tnejn li huma sofrew, u mietu bla tama. Apparti minn hekk, minħabba d-​diżubbidjenza tagħhom, il-​familja umana kollha kienet fi triq li twassal għall-​mewt. Illum, Ġeħova jiggwida lin-​nies tiegħu ħalli jkunu jistgħu jirċievu ħajja taʼ dejjem u jibqgħu ’l bogħod mill-​periklu. Hu bħal ragħaj kollu mħabba li jidderieġi u jwissi lin-​nagħaġ tiegħu ħalli jkunu jistgħu jevitaw mogħdijiet perikolużi. w16.03 4:2, 3

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja