LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 26-36
  • Marzu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Marzu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • L-​Erbgħa, 1 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 2 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 3 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 4 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 5 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 6 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 7 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 8 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 9 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 10 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 11 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 12 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 13 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 14 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 15 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 16 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 17 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 18 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 19 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 20 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 21 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 22 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 23 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 24 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 25 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 26 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 27 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 28 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 29 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 30 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 31 taʼ Marzu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 26-36

Marzu

L-​Erbgħa, 1 taʼ Marzu

“Ma tafux x’se jsir minnkom għada.”—Ġak. 4:14.

Anzjani li jaħsbu fil-​futur, jaħdmu iebes biex jgħallmu lill-​aħwa rġiel iżgħar fl-​età dak li tgħallmu huma stess tul is-​snin. (Salm 71:17, 18) L-​anzjani li jħarrġu lil oħrajn huma taʼ valur għax l-​isforzi tagħhom se jgħinu biex tissaħħaħ il-​kongregazzjoni. Dan it-​taħriġ jagħmilha possibbli li iktar aħwa rġiel ikunu lesti biex jgħinu l-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda u leali lejn Alla. Dan hu importanti issa matul l-​aħħar jiem, u se jkun saħansitra iktar importanti matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. (Eżek. 38:10-​12; Mik. 5:5, 6) Għalhekk, għeżież anzjani, b’mod regulari ħudu l-​ħin biex tħarrġu lil oħrajn u ibdew issa stess. Aħna nifhmu li bħala anzjan diġà għandek skeda mimlija daqs bajda għax qed tieħu ħsieb kwistjonijiet importanti fil-​kongregazzjoni. Għalhekk, forsi jkollok tieħu ftit mill-​ħin li tuża biex tieħu ħsieb dawn ir-​responsabbiltajiet u tużah biex tħarreġ lil oħrajn. (Ekk. 3:1) B’hekk, tkun qed tuża b’mod tajjeb ħafna l-​ħin tiegħek u l-​kongregazzjoni se tibbenefika fil-​futur. w15 4/15 1:8-​10

Il-​Ħamis, 2 taʼ Marzu

“Widnejk jisimgħu kelma minn warajk tgħid: ‘Din hi t-​triq. Imxu fiha.’”—Is. 30:21.

Aħna nafu li l-​Bibbja hi l-​messaġġ t’Alla għal kulħadd. Imma tistaʼ l-​Bibbja tgħin lilek tersaq eqreb lejn Ġeħova? Iva! Hekk kif taqra u tistudja l-​Bibbja regolarment, agħti kas taʼ kif tħossok dwar dak li qed taqra. U aħseb dwar kif tistaʼ tapplika dak li qed titgħallem. Meta tagħmel dan, int tkun qed tħalli lil Ġeħova jkellmek. Hu jsir Ħabib tal-​qalb li qed jgħinek, u int tersaq eqreb lejh. (Ebr. 4:12; Ġak. 1:23-​25) Pereżempju, kif tħossok meta taqra kliem Ġesù: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-​art”? Jekk qed tagħmel l-​aħjar tiegħek biex tpoġġi lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajtek, se tħoss li hu kuntent bik. Iżda forsi taqra kliem Ġesù u tirrealizza li għandek bżonn tissimplifika ħajtek u li tiffoka iktar fuq li taqdi ’l Alla. Jekk inhu hekk, mela Ġeħova qed jgħinek tifhem dak li int tistaʼ tagħmel biex tersaq eqreb lejh.—Mt. 6:19, 20. w15 4/15 3:3-​5

Il-​Ġimgħa, 3 taʼ Marzu

“Il-​Mulej qagħad ħdejja u mlieni bil-​qawwa, biex permezz tiegħi l-​ippridkar jitwettaq bis-​sħiħ u l-​ġnus kollha jisimgħuh; u jien inħlist minn ħalq l-​iljun.” —2 Tim. 4:17.

Ġeħova għala salva lil Pawlu minn “ħalq l-​iljun”? Pawlu jgħid: “Biex permezz tiegħi l-​ippridkar jitwettaq bis-​sħiħ.” Ġeħova tana wkoll ix-​xogħol tal-​ippritkar tal-​“aħbar tajba,” u hu jsejħilna ‘ħaddiema sħabu.’ (1 Tess. 2:4; 1 Kor. 3:9) Jekk inżommu ruħna okkupati kemm jistaʼ jkun f’dan ix-​xogħol, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jagħtina kulma għandna bżonn. (Mt. 6:33) U se jkun eħfef għalina biex nistennew lil Ġeħova ħalli jwiġbilna t-​talb. Allura, agħmel ċert li kuljum issaħħaħ ir-​relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova. Meta tħabbat wiċċek maʼ prova u ssir ansjuż, qis dan bħala opportunità biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. Aqra, studja, u mmedita dwar il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Ibqaʼ itlob lil Ġeħova u ibqaʼ okkupat f’li taqdih. Jekk tagħmel dawn l-​affarijiet, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tissaporti l-​provi kollha issa u kwalunkwe prova li jistaʼ jkollok fil-​futur. w15 4/15 4:17, 18

Is-​Sibt, 4 taʼ Marzu

“Minfejn ġejjin il-​gwerer u minfejn ġej il-​ġlied fostkom?”—Ġak. 4:1.

Il-​kburija tistaʼ tkisser il-​paċi tal-​kongregazzjoni. Jekk inħossu mibegħda għal oħrajn u nħossu li aħna aħjar minnhom, għandu mnejn ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li verament tweġġagħhom. (Prov. 12:18) Jekk għandna t-​tendenza li nħossu li aħna aħjar minn ħaddieħor, għandna bżonn niftakru li Ġeħova jobgħod lil “kulmin hu kburi f’qalbu.” (Prov. 16:5) Apparti minn hekk, hemm bżonn li neżaminaw lil qalbna u nsaqsu lilna nfusna, ‘Inħoss li jien aħjar minn nies taʼ razza, nazzjonalità, jew kultura oħra?’ Jekk iva, aħna qed ninsew li Alla “minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin.” (Atti 17:26) Allura, sa ċertu punt, aħna lkoll razza waħda għax kulħadd ġej minn Adam. Hija bluha kbira li nemmnu li Alla għamel xi razez aħjar minn oħrajn. Jekk naħsbu hekk, inkunu qed inħallu lil Satana jeqred l-​imħabba u l-​għaqda li għandna bħala Kristjani. (Ġw. 13:35) Biex niġġieldu lil Satana u nirbħulu, hemm bżonn li nevitaw kull tip taʼ kburija li mhix xierqa.—Prov. 16:18. w15 5/15 2:8, 9

Il-​Ħadd, 5 taʼ Marzu

“Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.”—Efes. 5:1.

Ġeħova wegħedna futur tal-​għaġeb fejn mhux se jkun hemm tbatija. Kemm il-​midlukin u kemm in-​“nagħaġ oħrajn” jistgħu jħarsu ’l quddiem għall-​ħajja taʼ dejjem, sew jekk fis-​sema u sew jekk fuq l-​art. (Ġw. 10:16; 17:3; 1 Kor. 15:53) Imma Ġeħova jifhem l-​uġigħ li nħossu meta jiġrulna affarijiet ħżiena llum. Fil-​passat, Ġeħova ħassu mweġġaʼ meta l-​poplu tiegħu bata fl-​Eġittu. “Kien imnikket.” (Is. 63:9) U iktar tard, meta n-​nies tiegħu kienu qed jerġgħu jibnulu t-​tempju u kienu mbeżżgħin minħabba l-​għedewwa tagħhom, Ġeħova fehem kif kienu qed iħossuhom. Hu qalilhom: “Dak li qed imisskom qed imiss il-​mimmi t’għajnejja.” (Żak. 2:8) Bħalma omm tħoss imħabba għat-​tarbija tagħha, hekk ukoll Ġeħova jħoss imħabba għall-​qaddejja tiegħu u jrid jgħinhom. (Is. 49:15) Aħna nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova meta nipprovaw nifhmu kif iħossu ħaddieħor billi nidħlu fiż-​żarbun tiegħu.—Salm 103:13, 14. w15 5/15 4:2

It-​Tnejn, 6 taʼ Marzu

“Il-​foqra dejjem magħkom.”—Mt. 26:11.

Ried ifisser Ġesù li kien se jkun hawn il-​foqra fuq l-​art għal dejjem? Le, kien qed jgħid li sakemm ngħixu fid-​dinja taʼ Satana kien se jkun hawn il-​faqar. Minħabba ħakkiema rgħiba u korrotti, mijiet taʼ miljuni taʼ nies jgħixu fil-​faqar. Imma dalwaqt se jiġi t-​tmiem tat-​tbatija! (Salm 72:16) Il-​mirakli taʼ Ġesù jaċċertawna li jrid juża l-​qawwa tiegħu għall-​ġid tagħna. (Mt. 14:14-​21) Aħna m’għandniex il-​qawwa li nagħmlu l-​mirakli, imma x’nistgħu nagħmlu? Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, hi r-​responsabbiltà tagħna li nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex ngħidu lil oħrajn dwar il-​futur mill-​isbaħ li twegħedna l-​Bibbja. (Rum. 1:14, 15) Meta nimmeditaw fuq dak li Kristu dalwaqt se jagħmel, inkunu ħerqanin biex ngħidu lil oħrajn dwaru.—Salm 45:1; 49:3. w15 6/15 1:7, 10, 11

It-​Tlieta, 7 taʼ Marzu

Naddfu jdejkom u saffu qlubkom.—Ġak. 4:8.

Meta Ġeħova jkun l-​aqwa Ħabib tagħna, aħna mhux biss inkunu rridu nogħġbuh bl-​azzjonijiet tagħna imma nkunu rridu nogħġbuh anki bil-​ħsibijiet tagħna. Jekk il-​ħsibijiet tagħna jkunu safjin u nodfa, mela anki qalbna tkun nadifa. (Salm 24:3, 4; 51:6; Flp. 4:8) Ġeħova jifhem li aħna imperfetti u li nistgħu nibdew naħsbu dwar affarijiet immorali. Imma peress li ma rridux insewdu qalb Ġeħova, nagħmlu kulma nistgħu biex niċħdu ħsibijiet ħżiena. (Ġen. 6:5, 6) Aħna nagħmlu l-​almu tagħna biex inżommu ħsibijietna safjin. Ġeħova se jgħinna niġġieldu kontra l-​ħsibijiet immorali meta nibqgħu nitolbu għall-​għajnuna tiegħu. Hu jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu ħalli jkollna s-​saħħa biex nibqgħu safjin. w15 6/15 3:4, 5

L-​Erbgħa, 8 taʼ Marzu

“Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.”—Mt. 6:11.

Ġesù għallimna biex nitolbu għall-​‘ħobża tagħna,’ u mhux għall-​‘ħobża tiegħi’ biss. Victor, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet fl-​Afrika, jispjega: “Spiss b’mod sinċier nirringrazzja lil Ġeħova li jien u marti m’għandniex għalfejn ninkwetaw ħafna dwar kif se nagħmlu għall-​ikla li jkun imiss, lanqas ma rridu nħabblu rasna dwar min se jħallas il-​kera. B’qalb tajba ħutna jieħdu ħsiebna kuljum. Imma jien nitlob biex dawk li jgħinuna jkunu jistgħu jkampaw mal-​pressjoni ekonomika li jħabbtu wiċċhom magħha.” Għandu mnejn li aħna għandna ikel bl-​abbundanza, iżda ħafna minn ħutna huma foqra. Barra minn hekk, xi wħud ġew effettwati minn diżastri. Mhux biss nistgħu nitolbu għalihom imma nistgħu anki nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuhom. Pereżempju, nistgħu naqsmu magħhom minn dak li għandna. Nistgħu wkoll nikkontribwixxu b’mod regulari għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tan-​nies taʼ Ġeħova. Aħna nafu li l-​kontribuzzjonijiet tagħna jgħinu lil ħutna fil-​bżonn.—1 Ġw. 3:17. w15 6/15 5:4-​6

Il-​Ħamis, 9 taʼ Marzu

“Alla hu Alla tagħna għal żmien indefinit, iva, għal dejjem. Hu se jiggwidana sakemm immutu.”—Salm 48:14.

Il-​profeta Isaija bassar li ħafna bidliet u aġġustamenti tal-​għaġeb kienu se jseħħu fil-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art. (Is. 60:17) Kristjani li għadhom żgħar jew li huma ġodda qraw biss jew semgħu biss dwar dawn l-​affarijiet. Imma hemm ħafna aħwa rġiel u nisa li kellhom il-​privileġġ li jesperjenzaw dawn l-​aġġustamenti tal-​għaġeb! Dawn il-​qaddejja leali huma konvinti li Alla qed juża s-​Sultan tagħna, Ġesù, biex jiggwida u jidderieġi l-​organizzazzjoni Tiegħu! Meta nisimgħu l-​esperjenzi taʼ dawn il-​Kristjani għeżież, il-​fidi u l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova se jissaħħu. Il-​Kristjani veri kollha għandhom jgħidu lil oħrajn dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu miraklu li għalkemm ngħixu fid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana, għandna fratellanza paċifika u magħquda! w15 7/15 1:12, 13

Il-​Ġimgħa, 10 taʼ Marzu

“Ġabruhom flimkien lejn il-​post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon.”—Riv. 16:16.

Il-​gwerra t’Armageddon se ġġib glorja lill-​isem qaddis taʼ Ġeħova. Dawk kollha li jiġu ġġudikati bħala li huma mogħoż, jew bħala li huma żleali, se jinqerdu. (Mt. 25:31-​33, 46) Mhux se jkun hemm iktar ħażen fuq l-​art, u l-​‘folla l-​kbira’ se tgħaddi ħajja minn Armageddon. Meta nqisu dawn il-​ġrajjiet eċċitanti li dalwaqt se nesperjenzaw, kull wieħed u waħda minna x’għandu jagħmel issa? Ġeħova nebbaħ lill-​appostlu Pietru biex jikteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-​mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova . . . B’hekk, maħbubin, ladarba qed tistennew dawn l-​affarijiet, agħmlu l-​almu tagħkom biex fl-​aħħar isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-​paċi.” (2 Pt. 3:11, 12, 14) Għaldaqstant, ejja nkunu determinati li nżommu l-​qima tagħna nadifa, mingħajr ebda konnessjoni mar-​reliġjon falza, u nappoġġaw lis-​Sultan tal-​Paċi, Ġesù Kristu. w15 7/15 2:17, 18

Is-​Sibt, 11 taʼ Marzu

“Jekk Ġeħova nnifsu ma jibnix id-​dar, għalxejn ikunu ħadmu iebes fuqha l-​bennejja.”—Salm 127:1.

In-​nies taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jaħdmu iebes biex jibnu Swali tas-​Saltna. Volontieri li ma jitħallsux jagħmlu l-​pjanti tal-​bini, jibnu, u jirranġawhom. B’hekk, fl-​aħħar 15-​il sena, bnejna iktar minn 28,000 Sala tas-​Saltna sabiħa madwar id-​dinja, jew bejn wieħed u ieħor ħames Swali tas-​Saltna ġodda kuljum. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tuża l-​kontribuzzjonijiet u tassenja volontieri biex jgħinu ħalli jinbnew Swali tas-​Saltna kull fejn hemm bżonn. Aħna nimxu fuq il-​prinċipju Bibliku li dawk li għandhom iktar jistgħu jgħinu lil dawk li m’għandhomx biżżejjed. (2 Kor. 8:13-​15) X’kienu r-​riżultati? Ħafna Swali tas-​Saltna nbnew għall-​kongregazzjonijiet li m’affordjawx iħallsu għalihom. w15 7/15 4:9-​11

Il-​Ħadd, 12 taʼ Marzu

“Ibqaʼ stennieha.”—Ħab. 2:3.

Ġesù ta s-​sinjal biex is-​segwaċi tiegħu jkunu jafu b’mod ċar f’liema żminijiet kienu se jkunu qed jgħixu. Is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu u għadhom għassa. (Mt. 24:27, 42) Mill-​1914 ’il hawn, il-​partijiet differenti tas-​sinjal taʼ Ġesù kienu u għadhom qed jitwettqu. Aħna konvinti li issa stess qed ngħixu fl-​aħħar jiem, fil-​“konklużjoni tas-​sistema.” Ġeħova diġà ddeċieda meta se jeqred id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. (Mt. 24:3) Allura għala għandna nibqgħu nistennew li t-​tmiem dalwaqt se jiġi? Għax irridu nobdu lil Ġesù Kristu. Ukoll, naraw b’mod ċar li qed jitwettaq is-​sinjal li Ġesù ta dwar l-​aħħar jiem. Aħna ma nemmnux li t-​tmiem huwa fil-​viċin għax nibilgħu kulma nisimgħu, imma għax konvinti mija fil-​mija li l-​profezija tal-​Bibbja qed titwettaq. Irridu nibqgħu għassa u nkunu lesti għat-​tmiem. w15 8/15 2:8, 9

It-​Tnejn, 13 taʼ Marzu

Int tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.—Salm 145:16.

Fil-​Ġenna tal-​art, se nieħdu gost inqattgħu ftit mill-​ħin tagħna fuq l-​interessi persunali u fir-​rikreazzjoni. Wara kollox, Ġeħova kien li ħalaqna bix-​xewqa li nieħdu pjaċir, u hu jwiegħed li se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Ekk. 2:24) Aħna għandna bżonn ir-​rikreazzjoni u għandna bżonn il-​mistrieħ, imma iktar nieħdu pjaċir bihom meta npoġġu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna. Se jkun l-​istess fid-​dinja l-​ġdida. Allura jkun għaqli li ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​saltna’ u li niffokaw fuq il-​barkiet li nirċievu meta naqdu lil Ġeħova. (Mt. 6:33) Fid-​dinja l-​ġdida, il-​ħajja se tkun bil-​wisq iktar aħjar milli qatt stajna nimmaġinaw. Jalla nuru kemm nixtiequ nkunu hemm billi nippreparaw għall-​“ħajja vera” minn issa. w15 8/15 3:17, 18

It-​Tlieta, 14 taʼ Marzu

“Ilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skont ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.”—Efes. 4:24.

Ġesù kien raġel perfett. Madanakollu, meta kien fuq l-​art, Ġesù kien imdawwar minn bnedmin imperfetti. Il-​ġenituri tiegħu u ħutu subien u bniet kienu kollha imperfetti. Anke l-​iktar segwaċi mill-​qrib taʼ Ġesù wrew kwalitajiet bħalma huma l-​kburija u l-​egoiżmu. Pereżempju, fil-​lejl taʼ qabel il-​mewt tiegħu, id-​dixxipli tiegħu argumentaw bejniethom “dwar min minnhom kien jidher li hu l-​akbar.” (Lq. 22:24) Minkejja r-​raġunar imperfett tagħhom, Ġesù kien jaf li s-​segwaċi tiegħu dalwaqt kienu se jsiru Kristjani maturi u jifformaw kongregazzjoni magħquda. Dak l-​istess lejl, Ġesù talab biex ikunu magħqudin billi qal lil Missieru tas-​sema: “Ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna, . . . sabiex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda.”—Ġw. 17:21, 22. w15 9/15 1:10, 11

L-​Erbgħa, 15 taʼ Marzu

“Qallu: ‘Ejja!ʼ Fil-​pront Pietru niżel mid-​dgħajsa, mexa fuq l-​ilma, u mar lejn Ġesù.”—Mt. 14:29.

Hekk kif Pietru mexa fuq il-​Baħar tal-​Galilija, beda jibżaʼ. Għala? Minħabba r-​riħ u l-​mewġ. Dawn jistgħu jitqabblu mal-​ħafna provi u tentazzjonijiet li l-​Kristjani jħabbtu wiċċhom magħhom illum il-​ġurnata. Anke jekk dawn il-​problemi jkunu diffiċli ferm, nistgħu nkunu b’saħħitna bl-​għajnuna taʼ Ġeħova. Imma tinsiex x’ġara lil Pietru. Hu m’għeriqx minħabba r-​riħ jew għax kien qed jolqtu l-​mewġ. Minflok, il-​Bibbja tgħid: “X’ħin ra r-​riefnu beda jibżaʼ.” (Mt. 14:24-​32) Pietru ma baqax iħares lejn Ġesù imma ffoka fuq il-​qawwa tal-​maltempata. Imbagħad il-​fidi tiegħu bdiet tiddgħajjef. B’mod simili, jekk niffokaw fuq il-​problemi tagħna, nistgħu nibdew niddubitaw jekk Ġeħova hux se jgħinna. Irridu nifhmu li huwa possibbli li nitilfu l-​fidi tagħna. Għala? Għax il-​Bibbja tgħid li n-​nuqqas taʼ fidi hu “d-​dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebr. 12:1) Bħal Pietru, jekk ma niffokawx fuq dak li hu xieraq, il-​fidi tagħna malajr tistaʼ tiddgħajjef. w15 9/15 3:1, 6, 7

Il-​Ħamis, 16 taʼ Marzu

“Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq, għax jinżel mingħand il-​Missier tad-​dwal tas-​sema.”—Ġak. 1:17.

Meta xi ħadd jagħtik rigal, wisq probabbli turih li int grat. U peress li tgħożż ir-​rigal, tużah ukoll. Aħna grati ferm li Ġeħova jagħtina kulma għandna bżonn biex ngħixu u nkunu ferħanin. Nirrealizzaw kemm iħobbna, u rridu nuruh li aħna wkoll inħobbuh. Int hekk tħossok? L-​Iżraelin ingħataw ħafna affarijiet tajbin minn Ġeħova. Għal mijiet taʼ snin, hu ggwidahom permezz tal-​liġijiet tiegħu u tahom kulma kellhom bżonn biex jgħixu. (Dt. 4:7, 8) U l-​Iżraelin setgħu juru l-​gratitudni tagħhom lejn Ġeħova billi jobdu dawn il-​liġijiet. Pereżempju, meta offrew sagrifiċċji lil Ġeħova, kellhom jagħtuh “l-​aqwa mill-​ewwel frott misjur taʼ l-​art.” (Eżo. 23:19) L-​Iżraelin kienu jafu li Ġeħova kien se jkompli jberikhom jekk jobduh u jagħtuh l-​aqwa li kellhom.—Dt. 8:7-​11. w15 9/15 5:5, 6

Il-​Ġimgħa, 17 taʼ Marzu

“Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla.”—Mt. 5:8.

Kif tistaʼ tara l-​id taʼ Ġeħova f’ħajtek? Ikkunsidra, l-​ewwel, għandu mnejn tħoss li Ġeħova għenek issib il-​verità. It-​tieni, għandu mnejn tiftakrek sejjer għal-​laqgħa, tismaʼ taħdita, u tgħid, “Hekk kelli bżonn nismaʼ!” It-​tielet, forsi rajt kif Ġeħova wieġeb waħda mit-​talbiet tiegħek. Ir-​rabaʼ, forsi ridt tagħmel iktar għal Ġeħova u rajt kif għenek tilħaq dik il-​mira. Il-​ħames, forsi tlaqt ix-​xogħol għax beda jieħu mill-​ħin tiegħek taʼ servizz lil Ġeħova u mbagħad rajt lil Alla jwettaq il-​wegħda tiegħu: “Żgur ma nabbandunakx.” (Ebr. 13:5) Meta jkollna relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova u nkunu ‘taʼ qalb safja,’ ma jkunx diffiċli biex naraw l-​id tiegħu f’ħajjitna. Dan xi jfisser? Għandna nżommu ħsibijietna safjin u nieqfu nagħmlu kwalunkwe ħaġa li hi ħażina.—2 Kor. 4:2. w15 10/15 1:17, 19

Is-​Sibt, 18 taʼ Marzu

“Jekk xi ħadd irid jaqdini, il-​Missier jonorah.”—Ġw. 12:26.

Xi nies Griegi, li kienu marru Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-​Qbiż, raw dak li kien għamel Ġesù u impressjonaw ruħhom. Allura saqsew lill-​appostlu Filippu jekk setgħux jiltaqgħu maʼ Ġesù. Imma Ġesù ma kienx qed jipprova jfittex lin-​nies li setgħu jappoġġawh u jiddefenduh quddiem l-​għedewwa tiegħu. Hu kien jaf x’kien iktar importanti. Hu baqaʼ ffokat fuq li jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju. Dan kien fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova. Allura fakkar id-​dixxipli tiegħu li ma kienx fadallu biex imut u li dawk kollha li jsegwuh għandhom ikunu lesti biex jissagrifikaw ħajjithom ukoll. Hu qal: “Min jgħożż lil ruħu jeqridha, imma min jobgħod lil ruħu f’din id-​dinja jħarisha għall-​ħajja taʼ dejjem.” Ukoll, Ġesù rrikkmanda l-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. Filippu setaʼ jagħti lil dawk il-​Griegi dan il-​messaġġ inkuraġġanti. (Ġw. 12:20-​25) Meta Ġesù kien fuq l-​art, ix-​xogħol primarju tiegħu kien li jipprietka l-​aħbar tajba. Għalkemm iffoka ħajtu fuq li jipprietka, ma kienx moħħu biss fix-​xogħol. w15 10/15 3:13, 14

Il-​Ħadd, 19 taʼ Marzu

“Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah.”—Riv. 3:19.

Għalkemm id-​dixxipli taʼ Ġesù argumentaw ħafna drabi dwar min hu l-​ikbar fosthom, Ġesù ma injorax din il-​problema. Minflok, bil-​paċenzja kollha widdibhom għal darba wara l-​oħra. Imma dejjem kellu qalbu tajba, u stenna għall-​aħjar ħin u l-​aħjar post biex jikkoreġihom. (Mk. 9:33-​37) Minħabba li tħobb lil uliedek, int taf li teħtieġ tiddixxiplinahom. Kultant ikun biżżejjed li tispjega għala xi ħaġa hi tajba jew ħażina. Imma xi ngħidu jekk xorta ma jobdux? (Prov. 22:15) Tgħallem minn Ġesù. Bil-​paċenzja kompli ddixxiplinahom billi tiggwidahom, tħarriġhom, u tikkoreġihom. Agħżel l-​aħjar ħin u l-​aħjar post biex tiddixxiplinahom, u agħmel dan b’qalb tajba. Oħt mill-​Afrika t’Isfel li jisimha Elaine tiftakar li l-​ġenituri tagħha qatt ma ddixxiplinawha bir-​rabja jew mingħajr ma jispjegawlha għala kienet qed tiġi ddixxiplinata. Minħabba dan, dejjem kienet taf li l-​ġenituri tagħha jħobbuha. w15 11/15 1:5, 6

It-​Tnejn, 20 taʼ Marzu

“Alla hu mħabba.”—1 Ġw. 4:16.

Il-​futur tal-​umanità kif kien se jkun li kieku l-​imħabba ma kinitx il-​kwalità prinċipali t’Alla? In-​nies kienu se jkomplu jmexxu lil xulxin u jkunu influwenzati minn Satana, alla li hu bla mħabba u rrabjat. (2 Kor. 4:4; 1 Ġw. 5:19; Riv. 12:9, 12) Kieku Ġeħova ma kienx iħobbna, il-​futur kien se jkun tal-​biżaʼ! Meta Satana rribella kontra t-​tmexxija t’Alla, hu qajjem id-​dubji dwar id-​dritt li Alla jkun is-​Sovran Universali. Satana sostna li t-​tmexxija tiegħu kienet se tkun aħjar minn t’Alla. (Ġen. 3:1-​5) B’għaqal, Ġeħova ppermetta li għal żmien qasir Satana jipprova juri jekk dak li qal kienx minnu jew le. Imma r-​riżultat hu ċar daqs il-​kristall, la n-​nies u lanqas Satana ma jistgħu jkunu mexxejja tajbin. w15 11/15 3:3, 4

It-​Tlieta, 21 taʼ Marzu

Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom bil-​ħlewwa u b’rispett profond.—1 Pt. 3:15.

L-​umiltà tgħinna nobdu prinċipju importanti li ta Ġesù. Hu spjega: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek u obgħod lill-​għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet, għax hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:43-​45) Bħala l-​qaddejja t’Alla, aħna għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna, jittrattawna kif jittrattawna. Dejjem għandna nuru li nħobbu lil Ġeħova u lill-​proxxmu tagħna. Anki jekk in-​nies jopponu lilna u l-​messaġġ tagħna, aħna ngħinuhom meta jkunu fil-​bżonn. w15 11/15 4:17, 19, 20

L-​Erbgħa, 22 taʼ Marzu

“Kien fehem il-​kliem li ġie mgħarraf lilu.”—Neħ. 8:12.

Il-​poplu t’Alla dejjem kien juża r-​rigal tal-​lingwa biex ifaħħar lil Ġeħova u biex jgħid lil oħrajn dwaru. Fis-​snin reċenti, il-​poplu t’Alla uża dan ir-​rigal biex jittraduċi l-​Bibbja ħalli iktar nies ikunu jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova. Hemm eluf taʼ traduzzjonijiet tal-​Bibbja, imma wħud minnhom huma iktar preċiżi minn oħrajn. Biex il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida jittraduċi l-​Bibbja b’mod preċiż, iddeċieda li jimxi fuq tliet prinċipji bażiċi: (1) Onora isem Alla u użah fil-​Kelma tiegħu daqs kemm jintuża fl-​oriġinal. (Mt. 6:9) (2) Ittraduċi l-​messaġġ oriġinali kelma b’kelma fejn ikun possibbli. Fejn ma jkunx possibbli, ittraduċi bit-​tifsir it-​tajjeb. (3) Uża lingwaġġ li jkun faċli biex jinqara u jinftiehem.—Neħ. 8:8. w15 12/15 2:1, 2

Il-​Ħamis, 23 taʼ Marzu

“Jekk mit-​trumbetta toħroġ sejħa li ma tkunx ċara, min jitħejja għall-​battalja?”—1 Kor. 14:8.

Jekk ma nispjegawx l-​affarijiet b’mod ċar, in-​nies jafu jkunu konfużi jew jemmnu xi ħaġa li mhix vera. (1 Kor. 14:9) Għalkemm irridu nesprimu ruħna b’mod ċar, għandna noqogħdu attenti li b’dak li ngħidu ma nurux maledukazzjoni jew diżrispett. Mattew kapitli 5 sa 7 huma eżempji eċċellenti taʼ kif Ġesù għażel kliem li faċli jinftiehem. Fil-​prietka li ta, ma pprovax jimpressjona lin-​nies billi juża kliem komplikat jew mhux neċessarju. U ma qalx affarijiet li setgħu jweġġgħu lil oħrajn. Ġesù għallem affarijiet importanti ħafna li kellhom tifsir profond, imma dak li qal kien faċli biex wieħed jifhmu. Pereżempju, Ġesù ried iserraħ moħħ id-​dixxipli tiegħu li ma kellhomx għalfejn jinkwetaw dwar x’kienu se jieklu kuljum. Allura spjega li Ġeħova dejjem jitmaʼ l-​għasafar. Imbagħad, saqsiehom: “Ma tiswewx intom iktar minnhom?” (Mt. 6:26) B’dan il-​kliem sempliċi, Ġesù għenhom biex jifhmu lezzjoni importanti u biex iħossuhom inkuraġġiti. w15 12/15 3:13, 14

Il-​Ġimgħa, 24 taʼ Marzu

“Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.”—Ebr. 13:1.

X’inhi l-​imħabba lejn l-​aħwa? Imħabba lejn l-​aħwa hi sentiment kbir t’affezzjoni bejn il-​membri tal-​familja jew ħbieb tal-​qalb. (Ġw. 11:36) Ma nagħmlux tabirruħna li aħna aħwa rġiel u nisa. Imma aħna aħwa rġiel u nisa fil-​veru sens tal-​kelma. (Mt. 23:18) Pawlu jgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) Dan il-​kliem juri kemm hi b’saħħitha l-​affezzjoni tagħna għal ħutna. Din l-​imħabba lejn l-​aħwa, flimkien maʼ mħabba bbażata fuq prinċipji Kristjani, tgħin lin-​nies t’Alla biex ikunu ħbieb tal-​qalb maʼ xulxin u magħqudin. Bħala Kristjani veri, l-​“aħwa” tagħna huma l-​Kristjani veri kollha, ġejjin minn fejn ġejjin. (Rum. 10:12) Ġeħova għallimna nħobbu lil xulxin bħal aħwa.—1 Tess. 4:9. w16.01 1:5, 6

Is-​Sibt, 25 taʼ Marzu

“L-​imħabba li għandu l-​Kristu ġġegħelna.”—2 Kor. 5:14.

L-​imħabba tagħna għal Ġesù tqanqalna nippritkaw u ngħallmu b’żelu. (Mt. 28:19, 20; Lq. 4:43) Matul l-​istaġun tat-​Tifkira, tistaʼ int tirranġa l-​ħajja taʼ kuljum tiegħek ħalli tkun tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju u b’hekk tqattaʼ 30 jew 50 siegħa tipprietka? Raġel armel li kellu 84 sena ħaseb li ma setax jaqdi bħala pijunier minħabba l-​età u s-​saħħa batuta tiegħu. Imma l-​pijunieri tal-​akkwata tiegħu riedu jgħinuh. Huma pprovdewlu trasport u għażlu territorju addattat għalih. B’hekk, il-​ħu laħaq il-​mira tiegħu taʼ 30 siegħa. Tistaʼ tgħin lil xi ħadd jaqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu jew April? Huwa minnu li mhux kulħadd jistaʼ jaqdi bħala pijunier, imma nistgħu nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex inżidu fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. w16.01 2:7, 11

Il-​Ħadd, 26 taʼ Marzu

“Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:23.

Jekk mhux possibbli li nkunu nafu l-​ismijiet tal-​midlukin kollha fuq l-​art illum, in-​nagħaġ l-​oħra kif jistgħu ‘jmorru magħhom,’ jew, jingħaqdu magħhom? Il-​Bibbja tgħid li l-​“għaxart irġiel” kienu se “jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’” Il-​vers tal-​Bibbja jsemmi Lhudi wieħed, imma mbagħad jgħid “magħkom,” u b’hekk jirreferi għal iktar minn persuna waħda. Dan ifisser li l-​Lhudi mhuwiex individwu wieħed imma jirrappreżenta l-​grupp kollu tal-​midlukin. In-​nagħaġ l-​oħra jafuh dan, u jaqdu lil Ġeħova spalla maʼ spalla maʼ dan il-​grupp. Imma m’għandhomx għalfejn ikunu jafu l-​isem taʼ kull membru taʼ dan il-​grupp u jsegwu lil kull wieħed u waħda minnhom. Ġesù hu l-​Mexxej tagħna, u l-​Bibbja tgħidilna li rridu nsegwu lilu biss.—Mt. 23:10. w16.01 4:4

It-​Tnejn, 27 taʼ Marzu

“Int, O Israel, int il-​qaddej tiegħi, u int, O Ġakobb, il-​wieħed li għażilt, in-​nisel t’Abraham il-​ħabib tiegħi.”—Is. 41:8.

Minn meta nitwieldu sa meta mmutu, għandna bżonn l-​imħabba. Il-​bnedmin għandhom bżonn ħbiberiji mill-​qrib u taʼ mħabba, u mhux biss imħabba romantika. Imma iktar minn kull ħaġ’oħra, għandna bżonn l-​imħabba mingħand Ġeħova. Ħafna nies ma jemmnux li l-​bnedmin jistaʼ jkollhom ħbiberija mill-​qrib u taʼ mħabba m’Alla li jistaʼ kollox. Imma aħna nafu l-​verità! Aħna nafu mill-​Bibbja li kien hemm bnedmin li saru l-​ħbieb t’Alla. Għandna nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom. Għala? Għax il-​ħbiberija m’Alla hi l-​iktar mira importanti li jistaʼ jkollna f’ħajjitna. Allura, ejja nikkunsidraw l-​eżempju t’Abraham. (Ġak. 2:23) Kif sar il-​ħabib t’Alla? Il-​ħbiberija mill-​qrib li Abraham kellu m’Alla kienet ibbażata fuq il-​fidi, u hu magħruf bħala “l-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi.”—Rum. 4:11. w16.02 1:1, 2

It-​Tlieta, 28 taʼ Marzu

“Ma kien hemm ħadd bħalu.”—2 Slat. 18:5.

Għalkemm missieru kien wieħed mill-​agħar slaten f’​Ġuda, Ħeżekija sar wieħed mill-​aqwa slaten. (2 Slat. 18:6) Hu rranġa ħafna mill-​problemi li kien ħalaq missieru. Naddaf it-​tempju, talab lil Alla biex jaħfer id-​dnubiet tal-​poplu, u qered l-​idoli fil-​pajjiż. (2 Kron. 29:1-​11, 18-​24; 31:1) Iktar tard, meta s-​sultan Assirjan Sennakerib hedded li jattakka lil Ġerusalemm, Ħeżekija wera kuraġġ u fidi kbira. Hu fada fil-​protezzjoni taʼ Ġeħova u saħħaħ lin-​nies tiegħu. (2 Kron. 32:7, 8) Darba minnhom, Ħeżekija tkabbar imma meta Ġeħova kkoreġieh, umilja ruħu. (2 Kron. 32:24-​26) Jidher ċar li Ħeżekija hu eżempju mill-​aħjar għalina biex nimitaw. Hu ma ħalliex l-​isfond taʼ familtu jirrovinalu ħajtu. Minflok, wera li kien il-​ħabib taʼ Ġeħova. w16.02 2:11

L-​Erbgħa, 29 taʼ Marzu

“Jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali pprovaw aġġustawh mill-​ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.”—Gal. 6:1.

Int ukoll tistaʼ tkun leali lejn Ġeħova l-​ewwel u leali lejn oħrajn billi jkollok qalb tajba. Pereżempju, forsi għandek il-​provi li ħu għamel dnub serju. Għandu mnejn tkun trid tkun leali lejh, speċjalment jekk ikun ħabib tal-​qalb jew jiġi minnek. Imma int taf ukoll li hu iktar importanti li tkun leali lejn Ġeħova. Obdi lil Ġeħova imma uri qalb tajba maʼ ħuk. Għidlu li għandu jitlob għall-​għajnuna tal-​anzjani u li m’għandux idum biex ikellimhom. Jekk ma jagħmilx hekk, imbagħad għandek tgħid lill-​anzjani int stess. Billi tagħmel dan, int tkun leali lejn Ġeħova. U fl-​istess ħin, int tkun qed turi qalb tajba maʼ ħuk għax l-​anzjani jistgħu jgħinuh jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Dawn se jikkoreġuh b’mod kalm u ġentili.—Lev. 5:1. w16.02 4:14

Il-​Ħamis, 30 taʼ Marzu

“Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.”—2 Pt. 3:11.

X’inhuma “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”? Dawn jinkludu l-​attivitajiet tiegħek fil-​kongregazzjoni, bħal pereżempju li tmur il-​laqgħat u tipprietka. Imma jinkludu wkoll l-​attivitajiet li ħaddieħor ma jarax, bħat-​talb privat tiegħek lil Ġeħova u l-​istudju persunali. Xi ħadd li ddedika ħajtu lil Ġeħova mhux se jħares lejn dawn l-​attivitajiet bħala tagħbija. Se jħossu simili għal kif ħassu s-​Sultan David, li qal: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u mbagħad titgħammed, int se jkollok relazzjoni persunali miegħu. Allura, dak li tagħmel għal Ġeħova m’għandux jiddependi mill-​ġenituri tiegħek jew minn ħaddieħor. L-​atti qaddisa tal-​kondotta tiegħek u l-​għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla juru li int konvint li għandek il-​verità u li trid issegwi l-​livelli t’Alla. Ma ddumx ma tikkwalifika biex titgħammed jekk tagħmel dan. w16.03 2:10, 12, 15

Il-​Ġimgħa, 31 taʼ Marzu

Qabel waslet il-​fidi, konna mgħassin mil-​liġi. Għaldaqstant, il-​Liġi kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu.—Gal. 3:23, 24.

Il-​Liġi pproteġiet l-​Iżraelin mill-​immoralità u r-​reliġjon falza tal-​ġnus taʼ madwarhom. Meta l-​Iżraelin semgħu minn Alla, huma rċivew il-​barka tiegħu. Meta injorawh, huma sofrew konsegwenzi koroh. (Dt. 28:1, 2, 15) Kien hemm bżonn taʼ direzzjonijiet ġodda għal raġuni oħra. Il-​Liġi ppreparat l-​Iżraelin għal ġrajja importanti fl-​iskop taʼ Ġeħova, il-​miġja tal-​Messija, Ġesù Kristu. Il-​Liġi fakkret lill-​Iżraelin li kienu imperfetti. Barra minn hekk, għenithom jifhmu li kellhom bżonn fidwa, jiġifieri sagrifiċċju perfett li kien se jneħħi d-​dnubiet tagħhom għalkollox. (Gal. 3:19; Ebr. 10:1-​10) Iżjed minn hekk, il-​Liġi pproteġiet il-​linja li minnha ġie l-​Messija u għenet l-​Iżraelin biex jiġi identifikat meta deher. Iva, il-​Liġi kienet bħal gwida jew ‘tmexxija’ temporanja li wasslithom lejn Kristu. w16.03 4:6, 7

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja